12.5.14

Xemx u Żejt.



1.         Id-dinja trid tkompli fejn waslet u tipprova ma tieqafx.  Il-benefiċċji soċjali u ekonomiċi li ż-żejt ipprovda u għadu jipprovdi mexxew diversi setturi u d-dinja rnexxielha tara differenzi kbar fil-mod ta’ kif il-bniedem jgħix.  Mingħajr ma trid dak li drajna bih qed neħduh bħala fatt kompjut u qed insibuha iebsa li nitilfu jew innaqqsu dak li għandna.  Anqas naħsbu fuq kemm aħna dipendenti fuq materja tant interessanti u fl-istess ħin kumplikata.  Id-dawl artifiċjali u l-provvista kontinwa tal-ilma huwa f’dawn il-gżejjer dipendenti fuq iż-żejt.  Nixtiequ li ma kienx hekk, però r-realtà dik hi.  Ir-realtà hija li qed nagħtu servizzi lill-popolazzjoni ta’ 'l fuq minn 400,000 proprju minħabba dan.

2.         Hemm dimensjoni ta’ artifiċjalità billi l-użu taż-żejt mhuwiex imwieled minn proċess naturali.  Hemm sistema, struttura komplikata ta’ kif jinbidel, jittrasforma ruħu u jiġi purifikat iż-żejt li għandha llum warajha mekkaniżmi xejn faċli li qegħdin jaffettwawna fil-varjetà tagħhom.  L-effett negattiv huwa li l-użu taż-żejt tul dawn is-snin wassal għal tniġġis kbir fl-atmosfera u l-ambjent sħiħ li ngħixu fih.  Ma hemmx dubju li llum għandna fuqna l-piż xejn faċli li nippruvaw innaddfu dak li f’dawn l-aħħar mitt sena ħammiġna aħna jew ta’ qabilna, kif ukoll li nħarsu għall-quddiem f’soċjetà li għandha tnaqqas id-dipendenza tagħha.

3.         F’ħafna għandna issa nagħmlu ħilitna kollha sabiex nimbarkaw fuq proċess li permezz tiegħu nżommu l-istess ritmu fil-produzzjoni tad-dawl u l-ilma, però fl-istess ħin immorru lejn mekkaniżmi li ma niddependux daqshekk fuq iż-żejt.  Fil-verità dan mhuwiex faċli, però l-esperjenza qegħda turina li kull tikka tgħin, sija jekk issirx mill-Gvern, mis-settur industrijali kif ukoll mill-membri tas-soċjetà.  Kull pass pożittiv li jittieħed sija biex jonqos il-konsum u sija biex ikun hemm alternattivi oħra jgħinu sabiex intaffu minn dak li ġara fil-passat u dak li għadna għadejjin bihom illum u, fl-istess ħin niftħu toroq ġodda għall-futur.

4.         Ftit jiem ilu kelli x-xorti nkun fuq il-bejt tal-Qrati tagħna.  Hemm fuq ġew istallati numru konsiderevoli ta’ pannelli fotovoltajiċi.  Proġett barra mis-soltu li però huwa ndikazzjoni mill-iktar ċara li hemm lok għal dawn il-passi li qabel kienu jidhru l-bogħod li r-realtà tal-lum qegħda turi li qegħda sseħħ.  Dan mhuwiex limitat għall-Qorti imma jista’ jiġi ripetut f’postijiet oħra.  Dawn il-pannelli ġew istallati fil-bidu ta’ Jannar u għalkemm ma kellniex ħafna xemx xorta waħda rreġistraw tnaqqis fil-konsum.  Ġew iffrankati l-flus żgur, però l-iktar naqqasna mill-użu tal-mezzi ordinarji.

5.         Fortunatament dan huwa pass li jindika b’mod mill-iktar ċar li hemm possibilitajiet kbar li fihom nistgħu nżidu fuq il-bjut ta’ diversi postijiet oħra.  Infetaħ bieb importanti li però hemm bżonn dejjem iktar li jiġi sostnut.  Sostnut f’żewġ direzzjonijiet: l-ewwel mis-soċjetà in ġenerali li din hija miżura effettiva għall-ġid tal-Istat; u t-tieni, li l-istrutturi interni tal-pajjiż jifhmu u jirrealizzaw li dawn jistgħu jsiru u jħallu r-riżultati.  Issa jrid jingħad ukoll li għalkemm il-pannelli huma pass kbir ‘il quddiem, m’għandhomx ikunu uniċi.  Difatti, ittieħdu passi oħra fl-istess Qorti.  Dan billi nbidlu l-bozoz għal dawk iktar ekonomiċi, ġew użati wkoll is-solar tubes li jagħtu dawl f’numru ta’ postijiet.  Ma’ dan ukoll, il-bir li kien hemm taħt il-Qorti llum qiegħed iforni kważi kompletament l-ilma neċessarju ġewwa l-post.


6.         L-esperjenza tal-Qorti hija ċara.  Tindika b’mod dirett li l-amministrazzjoni li għandna f’pajjiżna fid-diversi dipartimenti tal-Gvern huma kapaċi li mmexxu f’dan is-seklu fuq linji politiċi avvanzati.  Huwa mertu tad-diretturi li għandna li huma parti mill-ġenerazzjonijiet emerġenti li qed jassiguraw din il-bidla.  Nagħti u nrodd ħajr lil dawk kollha li nvolvew ruħhom sabiex nimbarkaw fuq triq importanti għal pajjiżna.  Dawn il-miżuri hemm bżonn li jiġu sostnuti u tajjeb jekk naraw iktar minnhom.  Il-pajjiż qiegħed jinbidel u dan il-Gvern huwa determinat li jkompli jibdel dak li għandna sabiex innaqqsu mid-dipendenza fuq iż-żejt u naqilbu iktar fuq l-użu intelliġenti tax-xemx.

Dan l-artikolu kien deher fil-harga tal-Illum tat-3 ta Gunju 2010.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...