15.5.14

It-tessut demokratiku.



1.         Meta tisma’ ċerti diskorsi jew taqra ċerti artikoli tista’ tieħu l-impressjoni li f’dan il-pajjiż ma tirrenjax la d-demokrazija u wisq inqas l-istat tad-dritt.  Mentri s-sitwazzjoni hija kompletament differenti.  Sfortunatament għad hawn mentalità mas-saqajn li l-liġi m’għandhiex saħħa fuq il-bnedmin.  Mhux biss, imma hawn ukoll nuqqas ta’ informazzjoni fuq x’fihom il-liġijiet tal-pajjiż.  Dawn iż-żewġ punti nsibuhom il-ħin kollu ġejjin 'l hemm u 'l hawn u jimmeritaw li jiġu konfrontati.

2.         It-tessut demokratiku ta’ dawn il-gżejjer kiber ħafna, anzi sploda f’dawn is-snin li ilu fil-Gvern il-Partit Nazzjonalista.  Ibda mill-figura, illum Kostituzzjonali, ta’ l-Ombudsman.  Dan kien ġie oriġinarjament imwiegħed fil-programm elettorali tal-Partit Laburista fl-1971, però tul is-sittax-il sena li dam fil-poter baqa’ ma għamel l-ebda pass f’din id-direzzjoni.  Għamel il-wegħda però  baqa’ ma żammhiex, anzi ħarabha.  L-istatistika pubblikata turi kontinwament li hemm numru kbir ta’ persuni li jitolbu rimedji amministrattivi minn din il-figura.  Dan huwa llum strument ta’ kif wieħed jaffronta żbalji u tħaddim żbaljat tal-liġi fil-konfront taċ-ċittadin.

3.         Wara dan insemmu l-Uffiċċju ta’ l-Awditur Ġenerali li wkoll ġie maħluq mill-Partit Nazzjonalista fil-Gvern, apposta sabiex isir kontroll u investigazzjoni ta’ l-amministrazzjoni ta’ l-Istat.  L-poteri li ngħata huma ferm iktar qawwija u sodi minn dawk f’pajjiżi oħra.  Ir-rapporti kontinwi li nirċievu mingħand il-persuna ta’ l-Awditur Ġenerali m’humiex eżerċizzji akkademiċi iżda passi importanti li jsibu ruħhom diskussi fil-Parlament fil-Kumitat apposta magħruf bħala l-Public Accounts Committee (PAC).

4.         Dan il-Kumitat huwa tastiera oħra importanti fit-trasparenza u l-kontabilità tal-pajjiż li sar huwa wkoll mill-Partit Nazzjonalista.  Fih isir dibattitu interessanti u mmirat sabiex ikun hemm kontroll ta’ l-infiq fil-pajjiż.  Ma’ dan saret ukoll il-liġi li permezz tagħha ġiet imwaqqfa l-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni.  Kummissjoni li ħadmet ħafna f’dawn is-snin u ppreżentat diversi rapporti.  Liġi li hija mimlija b’poteri li rari jiġu użati minn dawk li hija faċli ħafna fuq ilsienhom il-kelma “korruzzjoni”, però hemm qegħda u għad-disposizzjoni ta’ kulħadd.

5.         Mhux biss dan, imma tul is-snin saru diversi emendi lill-Kodiċi Kriminali u Ċivili sabiex jiżdiedu l-pieni u jidħlu artikoli ġodda sabiex it-trasparenza u d-demokrazija jiżdiedu.  Dawn qegħdin fil-liġi tagħna però huma wkoll m’humhiex magħrufa biżżejjed.  L-istess jingħad għal-liġi li saret dwar il-Moneylaundering.  Liġi intenzjonata sabiex tara li ma jkunx hemm riċiklaġġ ta’ flus li ġew minn reati kriminali.  Artikoli oħra tal-liġi li huma wkoll żiedu fis-saħħa ta’ l-istat legali ta’ pajjiżna.  Aġir konkret kontra l-illegalità.

6.         Apparti dawn u liġijiet oħrajn varji, f’din il-leġislatura ġiet diġà approvata mill-Parlament il-Liġi dwar il-Libertà ta’ l-Informazzjoni (Freedom of Information Act).  Din hija għodda oħra demokratika soda u hija ntenzjonata sabiex iżżid it-tessut tagħna.  Mexjin fiha u tul din is-sena huwa mistenni li din il-liġi tidħol fis-seħħ.  L-istess irid jingħad dwar il-Whistleblower Act.  Din ukoll tul din is-sena titla’ quddiem il-Parlament tagħna għad-diskussjoni, id-dibattitu u l-approvazzjoni.  Żewġ passi oħra li huma xhieda li mxejna 'l quddiem mhux lura u l-pajjiż għandu qafas ta’ liġijiet li qegħdin għad-disposizzjoni ta’ bnedmin ta’ rieda tajba.


7.         Nisimgħu ħafna diskors fuq in-nuqqasijiet tal-Gvern, però qajla naraw kemm fil-fatt sar sabiex jiġi attakkat bl-għeruq u x-xniexel in-nuqqas ta’ trasparenza, il-korruzzjoni, l-illegalità u dan biex id-demokrazija tissoda.  Il-kritika hija faċli ħafna, l-istess iċ-ċertifikati, biss dawn jisparixxu quddiem il-fatt li l-Istat tagħna huwa mimli b’mekkaniżmi legali preparati sabiex jitħaddmu.  Il-verità hija li min jikkritika jaf li ma għandux każ u għalhekk mhux biss qatt ma jagħmel użu minnhom, imma jipprova jbellgħha li ma jeżistux.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...