5.5.14

Il-Eurostat tikkonferma li r-rata tal-qgħad f’Malta żdiet.



Ċifri tal-Eurostat juru li f’pajjiżna l-qgħad qiegħed jiżdied b’rata allarmanti. Mir-raba’ l-inqas pajjiż bl-inqas rata ta’ qgħad fl-Unjoni Ewropea, taħt Gvern Laburista pajjiżna sar is-sitt l-inqas pajjiż f’Unjoni Ewropea b’6.8%.

Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt konferenza tal-aħbarijiet konġunta flimkien mal-kandidat tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) għall-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker, fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista.

Juncker serva bħala Prim Ministru tal-Lussemburgu għal kważi 19-il sena u kien l-aktar mexxej ta’ Gvern li dam jattendi l-Kunsill Ewropew. Bħala mexxej ta’ pajjiż żgħir bħal Malta, Juncker bena relazzjoni eċċellenti ma’ pajjiżna fis-snin li għaddew.

Simon Busuttil qal li hu meħtieġ li l-Gvern jiffoka aktar fuq il-ħolqien tax-xogħol u jara li r-rata ta’ qgħad tonqos u mhux tiżdied. Iż-żieda fil-qgħad li ġiet rappurtata mill-Eurostat illum tmur kontra kull xejra fl-Unjoni Ewropea. Saħansitra pajjiżi li ntlaqtu ħafna aktar bil-kriżi internazzjonali, bħal Spanja u l-Portugall, issa qegħdin jaraw tnaqqis fil-qgħad. F’Malta l-qgħad qiegħed jiżdied xahar wara l-ieħor.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li għall-ewwel darba l-Partit Nazzjonalista jista’ jtella’ tliet siġġijiet fil-Parlament Ewropew. It-tielet siġġu huwa kruċjali għal jekk Jean-Claude Juncker isirx President tal-Kummissjoni Ewropea minħabba li d-distakk bejn il-Partit tas-Soċjalisti u l-Partit Popolari Ewropew huwa wieħed żgħir ħafna.

Jean-Claude Juncker iwissi lil Muscat dwar is-sitwazzjoni tal-qgħad f’Malta

Min-naħa tiegħu il-kandidat għall-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker qal li l-Prim Ministru Joseph Muscat irid joqgħod attent ħafna biex iċ-ċifra tal-qgħad ma tkomplix tielgħa u taqbeż is-7%. “Jekk jiġri hekk ikun hemm periklu li jintilef il-kontroll tal-qgħad. Malta trid tħares lejn min hu aħjar minnha u tipprova tniżżel ir-rata tal-qgħad,” qal Jean-Claude Juncker.

“Dejjem emmint li l-post naturali ta’ Malta huwa fl-Unjoni Ewropea,” sostna Juncker. Hu qal li Malta, bħal-Lussemburgu, huwa pajjiż żgħir u għaldaqstant jeħtieġ li tingħaqad ma’ pajjiżi żgħar oħrajn ħalli jkunu aktar kapaċi jiddefendu l-interess tagħhom u jikkonvinċu pajjiżi ikbar.

Jean-Claude Juncker qal li jrid Ewropa aktar magħquda u b’saħħitha. “Darba għal dejjem nixtieq li tinqered ir-rivalità u d-diviżjoni bejn in-Nofsinhar u t-Tramuntana.” Hu enfasizza li l-Ewropa teħtieġ tadotta politika li toħloq ix-xogħol. 

Barra minn hekk, hu jemmen li l-Unjoni Ewropea trid tadotta sistema politika komuni dwar l-enerġija.

Is-slogan elettorali li qed juża Jean-Claude Juncker għall-kandidatura tiegħu għall-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea hu “Esperjenza, Solidarjetà, Futur”.


--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...