12.5.14

Jum l-Ewropa: Malta Aħjar fl-Ewropa



Fl-okkażjoni ta’ Jum l-Ewropa, il-Partit Nazzjonalista jġedded il-prinċipji li għaqqdu lill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u li wasslu għal kooperazzjoni bla preċedent fil-kontinent Ewropew: il-prinċipji tal-paċi, is-solidarjetà, il-libertà u l-kooperazzjoni. Jum l-Ewropa hija okkażjoni li tfakkarna li flimkien nistgħu negħlbu l-isfidi li nsibu quddiemna b’mod aqwa. Magħqudin immorru aħjar.  

L-Ewropa mhix biss kontinent jew istituzzjoni. L-Ewropa tirrappreżenta l-idea tad-demokrazija, id-drittijiet, il-libertà, id-dinjità, l-ugwaljanza, is-solidarjetà, l-inklużjoni, il-ġustizzja, il-liġijiet indaqs għal kulħadd, il-pluraliżmu, il-paċi, il-ħarsien u l-għaqda.

Illum f’pajjiżna jeżisti kunsens li Malta hi Aħjar fl-Unjoni Ewropea; 75% tal-poplu Malti u Għawdxi llum iħossuhom Ewropew. Pajjiżna bbenefika bis-sħiħ bis-sħubija fl-Unjoni Ewropea, mhux biss bil-fondi li ksibna bħala pajjiż, total ta’ €2,354 miljun, iżda wkoll bl-opportunitajiet li nfetħu kif ukoll b’titjib fil-kwalità tal-ħajja tagħna.

Sħubija fl-Unjoni Ewropea għenet ukoll biex jinħoloq aktar xogħol u aktar opportunitajiet. Biżżejjed insemmu:

1.       Fondi biex jiġi nċentivat l-investiment min-negozji, inkluż fondi biex negozji kbar, intrapriżi żgħar u medji, u start-ups, ikunu jistgħu jinvestu u jżidu l-postijiet tax-xogħol;
2.       Fondi għat-taħriġ tal-ħaddiema u l-istudenti biex isiru korsijiet ta’ taħriġ biex il-ħaddiema jadattaw u jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet kollha li qegħdin jinfetħu u sabiex iż-żgħażagħ jiżviluppaw it-talenti tagħhom; u 
3.       Fondi ddedikati għall-infrastruttura u t-tisħiħ tal-prodott turistiku, li wasslu għall-ħarsien tal-wirt kulturali tagħna, it-titjib tal-infrastruttura ta’ pajjiżna, u skemi oħra biex intrapriżi fis-settur turistiku jinvestu u joħolqu aktar postijiet tax-xogħol u opportunitajiet. 

Il-Partit Nazzjonalista mill-Oppożizzjoni se jkompli jaħdem għal soċjetà aħjar billi jagħti l-kontribut sħiħ tiegħu għal Malta Aħjar fl-Ewropa. 

--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...