27.5.14

L-Estonja bl-ewro wkoll.



1.         Sena ilu kont ġewwa Talinn fl-EstonJa u hemm kelli l-opportunità li mhux biss niltaqa’ u niddiskuti diversi suġġetti sija mal-Ministru tal-Ġustizzja Rein Lang kif ukoll dak ta’ l-Intern Marco Pomerants, imma wkoll li nara partijiet mill-pajjiż.  L-Estonja għandha elementi kompletament differenti mill-pajjiżi Baltiċi l-oħra.  Hemm spirtu differenti fl-arja, u dan minkejja li flimkien mal-Istati tal-Latvja u l-Litwanja għaddew minn ħafna għawġ li l-ħakma Komunista tathom.  Il-pajjiż flok mexa 'l quddiem, f’dawk is-snin sab ruħu mixħut lura, traskurat u użat prinċipalment bħala parti mill-istrateġija militari tal-Unjoni Sovjetika, u l-politika espansjonista tagħhom.

2.         F’dik iż-żjara kelli l-ħin nitkellem fit-tul ma’ Rein Lang dwar il-proċess għad-dħul tal-munita ewro ġewwa pajjiżhom.  F’dak il-mument kien jidher li hija massa kontra l-kurrent.  Dan għax kontra dak li diversi Stati oħra kienu qed iqisu, l-Gvern Estoni ddeċieda li jkompli għaddej bil-politika tiegħu sabiex il-pajjiż jidħol jagħmel parti miż-Żona Ewro.  Tħallas prezz għoli għal dan il-għan.  Ir-rigur finanzjarju, flimkien mal-kriżijiet li kienu ġejjin sarrfu fi qtugħ f’diversi punti ta’ nfiq.  Niftakar il-ministru jgħidli li kellhom jirriduċu s-salarji tas-setturi fiċ-ċivil b’għaxra fil-mija.

3.         Kont spjegajtlu dak li dawn il-Gżejjer għaddew minnhom sabiex jidħol fis-sistema ewro.  Il-ħsieb ta’ ftehim mal-ħwienet, l-istrateġija sħiħa li għaddejna minnha aħna għoġbitu sew u ried iktar informazzjoni.  Din ħaduha u, kif qalli reċentement, ġiet użata b’suċċess sabiex l-effetti negattivi li pajjiżi oħrajn għaddew minnhom jaħarbuhom bħal ma ħrabniehom aħna.  Il-fatti, ir-riżultati li ksibna f’dawn il-Gżejjer bid-dħul tal-munita komuni Ewropea huma stabbiliti u qegħdin hemm għad-disposizzjoni ta’ kulħadd.

4.         Kien hemm min hawn f’pajjiżna qal erronjament, sija qabel l-elezzjoni ġenerali kif ukoll wara, li nsista li din id-deċiżjoni li ħa l-ewwel gvern immexxi mill-Prim Ministru Lawrence Gonzi kienet żbaljata.  Illum, min tkellem nafu kollha kemm aħna li kien hu li kien għal kollox żbaljat.  Id-deċiżjoni Maltija kienet tajba u anzi ħajret oħrajn, bħall-Estonia, li tidħol għall-istess proċess.  Linja li dan il-pajjiż Baltiku kompla biha, minkejja li fl-aħħar xhur għaddejna minn attakk minn dawk li ma jridux din l-għaqda Ewropea.  Ta’ dak li, kif qal tajjeb Tommaso Tadoa-Schioppa, kienu kontra dak li “For years, Europe’s heads of government and central bankers had preached that a currency without a State is a smart invention that can last forever.”

5.         Proprju l-fiduċja Estoni sabet l-appoġġ sħiħ tal-Maltin.  Dan fuq żewġ livelli: l-ewwel livell fuq dak ta’ Gvern u t-tieni fuq dak tal-Parlament Ewropew billi kien hemm appuntat bħala rapporteur il-Profs. Edward Scicluna, membru parlamentari Ewropew laburista li huwa wkoll irrakkomanda, ġustament, li l-Estonja għandha tiġi ammessa għas-sistema ewro.  Dan il-pajjiż ħaqqu dan għax qiegħed jerġa’ jasserixxi l-valur monetarju u finanzjarju li pajjiż jakkwista bid-dħul tiegħu.  Kontra dak li smajna, kontra l-kritika iebsa, l-Estonja jidhrilha li huwa agħar għaliha jekk ma tidħolx.  Kif qalet ftit ilu l-“Financial Times”: “Beyond the political importance of joining the core of Europe, it has a sensible economic argument.  A devaluation would have had tremendously disruptive effects: private sector debts denominated in euros would have been even harder to honour, exchange rate volatility would have acted as a tax on trade; and the incentive to continue building efficient state institutions would have weakened.


6.         Fl-aħħar laqgħa tal-Ministri tal-Ġustizzja u l-Intern ġewwa l-Lussemburgu fil-bidu ta’ dan ix-xahar, sibt lil Rein Lang ferħan jistennieni.  Kien għadu ġej minn viżta fiċ-Ċina u esprima s-sodisfazzjon tiegħu lejn il-pariri tajba li kien ħa mingħandna sabiex l-Estonja rnexxielha tiġi ammessa u dan bl-inqas impatt negattiv.  L-eżempju tajjeb u għaqli ta’ pajjiżna, ir-riżultati li rnexxielna nilħqu u l-fatt li l-ekonomija tagħna baqgħet għaddejja, dawn kollha komplew iħajru lill-Estoni jimxu warajna.  Nawgura minn qalbi li t-triq li qabdu tkompli tissudahom, kif qegħda tagħmel lilna.

Dan l-artikolu kien deher fil-harga tal-Illum tas-27 ta Gunju 2010.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...