2.5.14

Il-pajjiż mexa sew ‘il quddiem.

.

1.         Għandna tort meta naħsbu li s-sistema politika tagħna tagħti lilna l-membri parlamentari l-libertà li noffendu lil xulxin jew fil-Parlament jew barra.  Huwa żball għax dak li jinxeħet min-naħa għall-oħra jirreġistra biss f’moħħ il-poplu mhux bħala xi punt ta’ vantaġġ għal partit fuq ieħor, imma bħala żvantaġġ fuq il-klassi politika kollha kemm hi.  Għad hemm fost dawk eletti li jimmaġinaw li qed jikbru iktar fl-istima ta’ l-elettorat jekk jgħajru u jitgħajru, biss dan mhux minnu.  Min jirsolvi ruħu għal din it-triq jaħseb li flok ser isib min jikkundannah ser isib lil min isostnih, u dan huwa aktar u aktar barra minn postu.

2.         M’għandux ikun li jibqa’ jkun hemm membri parlamentari li jinħall ilsienhom tant li jintilfu u jippruvaw itellfu l-ġieħ ta’ ħaddieħor, hija x’inhija l-intenzjoni taggħhom.  Dan jixħet dell ikrah fuq il-klassi politika kollha li qisha hija inkapaċi li tirrispetta lilha nfisha u tindirizza tajjeb l-intoppi u l-kunflitti li jistgħu, minn żmien għal żmien, jinqalgħu.  Mill-bidu ta’ din il-leġislatura, meta l-partit fl-Oppożizzjoni kien daqshekk viċin li jidħol fil-Gvern u għamel il-pass li jibdel il-mexxej tiegħu, dehru ċertu sinjali pożittivi.  Ikun żball jekk dawn jiġu abbandunati għax flok tinfetaħ paġna ġdida, din tibqa’ waħda antika.

3.         L-inabilità tal-Parlament, taż-żewġ naħat tal-Kamra li taqbeż ċerti ostakoli u tasal fuq front komuni huwa kontro-indikat f’għajnejn dawk li huma barra mill-politika.  Hemm apprezzament lejn il-linja ta’ dan il-Gvern li qed jibqa’ jaffronta u jara li problemi li ilhom magħna jiġu magħluqa.  Għalkemm ġew affrontati tajjeb minna li qegħdin fdati bil-Gvern, però jibqa’ jkun hemm barra min ma jifhimx kif u għala l-Oppożizzjoni, flok tikkonċentra fuq dak li għandu jsir, minflok titlef it-triq f’affarijiet sekondarji u irrelevanti.

4.         Id-dibattitu fuq ir-rifroma ta’ l-Awtorità Maltija ta’ l-Ambjent u l-Ippjanar huwa eżempju ċar.  Id-diversi punti ta’ riforma li qed isiru, flok sabu s-sostenn ta’ l-Oppożizzjoni, sabu vot kontra.  Mhux biss, jekk smajt tajjeb kien hemm min ikkonċentra l-aktar fuq attakki viċin il-personali mingħajr ma ġew affrontati l-argumenti.  Dan huwa żbaljat, għax il-poplu jrid jara li dak li ma jaħdimx ġewwa l-MEPA jibda jaħdem.  Nittama li fi stadju ta’ kumitat, din il-linja tinbidel u jkun hemm iktar kollaborazzjoni fl-artikoli varji.

5.         It-tamiet tiegħi però m’humiex limitati għal dan l-abbozz ta’ liġi importanti għalina, imma jmorru oltre.  Aktar ‘l hemm mill-attitudni ġenerali li flok wieħed jikkonċentra fuq diskors dispreġjattiv, ifittex li jsib wieħed kostruttiv.  L-iżball ħafna drabi ġej proprju minn dan in-nuqqas fil-formazzjoni politika tal-membru parlamentari.  Kultura antikwata li tippersisti f’linja ta’ ħsieb li ma hemmx li nneħħu minn fuqna.  Waħda li twassal f’atrit fix-xejn, kawżi ta’ libelli ċivili u kriminali li, fl-aħħar tal-ġurnata jkomplu jxerrdu l-arja politika diffiċli.

6.         Ngħid kultura politika antikwata, però m’jiniex nilmenta, jew aħjar, nikkritika fuq dawk li ilhom il-parlament, imma pjuttost fuq dawk li ġew eletti ġodda.  Hemm sens ta’ arja, ta’ aġir ardit, ksuħat żbaljat u assenza totali ta’ umiltà.  Dan ikompli jżid fin-nuqqas ta’ kalma u stabilità li hemm bżonn li tinbena sabiex il-ħidma parlamentari ssir.  Il-pubbliċità, “ir-reklam” għall-membru m’għandux jiġi mid-diskors bla sens, imma mill-ħidma konkreta diretta sabiex din tagħmel il-ġid lill-poplu, hemm min hemm fil-Gvern.

7.         Mhux faċli li noħorġu minn dan, però naħseb li l-poplu xeba’ jisma’ diskorsi fil-Parlament fejn isiru akkużi bla bażi.  Il-privileġġ parlamentari għal uħud huwa neċessarju, però m’għandux jiġi abbużat, però għandu żgur jerġa’ jiġi dibattut mill-ġdid kif talab tant tajjeb l-Onor. Ċensu Galea din il-ġimgħa.  Meta tkun qed taħdem sabiex tissoda t-tessut parlamentari, dak li jissoda d-demokrazija, allura tara li ma hemmx bżonn li tgħajjar, iċċekken jew tnaqqas mill-ġieħ lil ħaddieħor u tagħmel tajjeb li tilbes il-libsa ta’ l-umiltà.

8.         Id-demokrazija tikber aktar ma jkun hemm attenzjoni fuq l-argumenti impostati.  Meta dan ma jsirx, allura mmorru lura, ma navvanzawx.  Jidhirli li hemm bżonn li nagħmlu l-qabża u ma nkomplux naraw membri parlamentari anzjani jew ġodda li jaħsbu li l-elettorat tagħhom irid biss “id-demm” tal-kontro-parti politiku.  Dan jiddependi prinċipalment fuq il-membri parlamentari li darrew lilhom infushom f’dan l-aġir ħażin.  Nittama li wara li dawn il-jiem ta’ l-Għid il-Kbir jgħaddu u l-Kamra tad-Deputati terġa’ tiltaqa’, l-atmosfera tinbidel.  Inħares ‘il quddiem lejn li d-dibattitu dwar il-MEPA li dan ikun iffukat fuq l-argumenti u jsir l-isforz għal iktar konverġenza.


 Dan l-artikolu deher fil-gazzetta Illum fil-25 ta Marzu 2010.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...