13.5.14

Il-Fiera tal-Ktieb f’Turin.



1.         Matul din il-ġimgħa ġiet fi tmiemha l-Fiera tal-Ktieb ġewwa l-belt Taljana ta’ Turin.  Fiera li ilni nsegwi u nixtieq li nattendi għaliha għax tkun mimlija b’kotba ġodda, awturi, ideat u diskussjonijiet interessanti.  Din is-sena reġa’ kien hemm żieda fil-parteċipazzjoni tal-poplu, marru iktar minn 20 fil-mija.  Mhux biss, imma żdiedu wkoll il-kotba li ġew mibjugħa b’il fuq minn 25 fil-mija.  Dawn huma sinjali ċari ta’ suċċess quddiem il-fatt li fieri oħra tul din is-sena raw tnaqqis ta’ preżenzi u bejgħ.

2.         Ma hemmx dubju li dan huwa appuntament importanti mhux biss għall-Italja imma għad-dinja tal-letteratura Ewropea.  Il-kuntrast fil-ħsieb, l-iskambju ta’ ideat huma essenzjali mhux biss għal belt waħda imma għal dawk li jippruvaw iżommu ruħhom infurmati u aġġornati.  Proċess li f’pajjiżna f’mumenti deher li sejjer jaqbad, però ma rnexxilux biżżejjed għal varjetà kbira ta’ raġunijiet.  Naħseb li għandna d-dmir li naraw kif nistgħu, bħala poplu, nħajru iktar lil dawk li jistampaw, jippubblikaw, ibiegħu u jqassmu l-kotba biex jaqbdu din it-triq importanti.

3.         Fil-Fiera ta’ Turin laqtuni żewġ interventi interessanti, wieħed ta’ Roberto Saviano, li sar famuż bil-pubblikazzjoni tal-ktieb “Camorra”, kif ukoll dak ta’ Eugenio Scalfani li għamel żmien twil editur tal-gazzetta importanti “La Repubblica”.  Saviano, li reċentement kien il-mira ta’ diversi attakki xejn tajba dwar kitbietu, huwa u jieħu sehem f’diskussjoni dwar ktieb li għandu ma’ ħames kittieba oħra bl-isem “Sei fuori posto” qal: “Quello che mi sento di dire, nel clima complicato che viviamo e che sono sicuro gli altri colleghi condividono, è che raccontare significa resistere, raccontare non significa diffamare il proprio paese ma amarlo.”  Kunċett interessanti u veritier.  Il-kittieb jagħti minnu nnifsu lill-oħrajn sabiex jaqraw u jifhmu dak li jgħaddi fl-esperjenzi li jgħarbel.  Għalhekk ikompli jgħid: “Ē il lettore che rende pericoloso raccontare ciò che realmente accade” u iktar 'il quddiem ikompli: “questa è la potenza della letteratura.  Ē quello che fa paura, perchè quello che scrive diventa di chi lo legge.”  Ideat, ħsibijiet li jħalluk taħseb.
4.         It-tieni ktieb li qajjem ukoll dibattitu interessanti ġej mingħand il-fundatur ta’ “La Repubblica”, Eugenio Scalfari bl-isem “Per l’alto mare aperto”.  Ktieb mill-iktar studjat, mimli b’punti li jwassluk sabiex taħseb u tirrifletti.  F’ċertu sens nasal biex nikkonkludi li huwa l-aħjar ta’ dak kollu li ilu għaddej minnu dan il-bniedem intelliġenti.  L-awtur jitkellem fuq il-valuri u l-kulturi li tħaddnu minn diversi filosofi u ħassieba bħal Spinoza, Kant, Hegel, Diderot u Nietzche.  F’mument minnhom jitkellem fuq il-ġenerazzjonijiet ġodda u jgħid hekk: “Non amano leggere libri, non amano la parola scritta.  Non contestano, come facciamo noi, i valori dei nostri nonni e dei nostri padri per cambiarli : non lo fanno semplicemente perchè non vogliono nuovi valori. Vogliono ricominciare da zero, il che è pure importante.  Se li fanno da soli, i valori.”

5.         Dan huwa l-ispirtu li qiegħed jiżviluppa fi ħdan l-Ewropa moderna wara sekli twal ta’ tagħlim, riċerka u ħsieb.  Aħna m’aħniex wisq ‘il bgħid minnhom dawn il-pożizzjonijiet.  Jistgħu jgħaddu u ma narawhomx, nistgħu nifhmuhom aktar tard, però illum għandna l-opportunità unika li ngħarfuhom.  Il-pajjiż jikber meta jkollu diskussjonijiet fondi li permezz tagħhom suġġetti jiġu kkonfrontati sewwa u mhux b’mod superfiċjali.  Il-ġlieda f’dan is-seklu kif qalu tajjeb Saviano u Scalfari, hija dik li tikkumbatti l-kultura tal-“hit and run” jew tal-i”snatch and grab” li qegħda ġġib teknoloġija moderna fejn il-ħin huwa limitat, u tmur lejn waħda dettaljata li ma taċċettax statements faċli mingħajr ma narawhom fil-fond.


 Dan l-artikolu deher fil-harga tal-Illum tat-23 ta Mejju 2010.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...