13.5.14

Intransiġenza sterili.



1.         L-eventi parlamentari tal-aħħar jiem jitolbu riflessjoni.  Ħidma fl-isfond ta’ poplu li qiegħed jesiġi komportament differenti fi ħdan l-istituzzjoni demokratika tal-Kamra tad-Deputati.  Dak li ġara ngħid li ġieb miegħu diversi domandi minn dawk il-familji li huma mdorrija bi klassi politika li taħseb, tikkontribwixxi u tagħti lura ħsibijiet sabiex il-poplu jimxi 'l quddiem.  Ma nemminx li kien hemm għatx fl-elettorat għar-rulings ta’ l-iSpeaker, anqas wisq eċċitament għal xmara ta’ votazzjonijiet.

2.         Fil-jiem li qattajna hemm sas-siegħat bikrin ta’ filgħodu, daqqa fuq kif u min ivvota, oħra fuq il-minuti ta’ laqgħa jew fuq jekk kellniex nivvutaw, ma kellniex lill-poplu mwaħħal mar-radju jisma’.  Anzi, naħseb li dan l-aġir żied fil-kontenut ta’ dawk li jaħsbu kontinwament li l-politiċi huma żejda.  Ta’ dawk li jiddisprezzawna u, flok jarawna ta’ għajnuna, jarawna bħala xkiel għall-ħidma ekonomika tagħhom.

3.         F’dan is-sens nikteb sabiex nirriafferma l-valur tal-politika u ta’ dawk li ddedikaw ħajjithom bħala politiċi.  Fil-ħidma ta’ kull ġurnata, għalija u għal diversi oħra, jidher mill-iktar ċar li mingħajr il-paċi, it-trankwillità interna u l-użu tar-raġuni ma tagħtix lura ħidma tajba.  Il-Parlament m’huwiex magħmul minn bnedmin li ma jaqblu fuq xejn imma minn persuni li, għalkemm ikollhom punti ta’ opinjoni differenti, jaslu fi ftehim.  Kull membru huwa fid-dmir u mistieden jikkontribwixxi fil-liġijiet u ħsibijiet li jkunu għaddejjin.

4.         Meta tintilef ir-raġuni, meta jkun hemm aġir żbaljat u l-għajjat, meta jkun hemm intransiġenża, l-ispazju ta’ diskussjoni jidher li jonqos.  Ngħid li jekk fil-passat kien hemm min seta’ jappellalu dan l-aġir ta’ diffikultà, illum naqas ħafna.  Iż-żmien li għamilna nħarsu lejn xulxin waqt li l-minuti u s-siegħat prezzjużi kienu għaddejjin għandna nutilizzawh lejn ħidma futura aħjar.

5.         Hemm bżonn li r-raġuni terġa’ tieħu lura postha.  Il-kalma, t-trankwillità u l-ispirtu ta’ djalogu u diskussjoni, li ħafna drabi kienu jirrenjaw, hemm bżonn li jerġgħu jieħdu lura x-xettru.  F’dan kollu, r-riżenja tad-Deputat Speaker Carmelo Abela hija telfa għall-bilanċ parlamentari intern, vuċi leali lejn is-Sedja u moderata f’diskorsha u f’għemilha.  Fl-opinjoni tiegħi, dan kien żball politiku li l-Partit Laburista wettaq li ma fih ebda forma ta’ rabta ma’ dak li għaddejna minnu. 

6.         Fil-jum tal-Ħamis, 6 ta’ Mejju, l-irjus tal-kelliema fl-Oppożizzjoni kienu saħnu diġà sew.  Dan kien wisq ovvju mil-libertà aktar minn normali ta’ ċertifikati li ngħatat in-naħa tal-Gvern.  Id-diskors ta’ korruzzjoni kien għal kollox barra minn loku.  Mhux biss fil-każ innifsu, imma l-iktar għax dan hu partit politiku li assigura qafas ta’ liġijiet li jikkumbattu l-korruzzjoni bl-għeruq u x-xniexel.  Veru li hemm min jinsa, imma l-liġijiet hemm qegħdin.  Kull min jara aġir illegali għandu l-istrumenti kollha għad-disposizzjoni tiegħu sabiex imexxi u jassigura li jittieħdu passi kontra minn wettaq l-illegalità.  Rapporti, kif għamlu fil-passat, jistgħu jkomplu jsiru.  Però hemm id-distinzjoni bejn il-perċezzjoni u l-verità tal-fatti.

7.         Fil-Parlament, l-intransiġenza ma twassal lejn imkien.  In-nifs tal-Gvern ma jinqatax b’dawn il-metodi, anzi jossiġenawh aktar.  Voti kontra voti, rulings u iktar rulings, fl-aħħar tal-jum jieqfu mal-fatt li l-Partit Nazzjonalista qiegħed fil-Gvern.  Qiegħed hemm għax għażlu l-poplu.  Din kienet id-deċiżjoni elettorali u hija rispettata f’maġġoranza stabbli.  Dan hu l-punt f’din id-diskussjoni li jrid jiġi aċċettat mill-Oppożizzjoni, xejn iktar u xejn inqas.  It-triq tal-intransiġenza tagħmel ħsara lid-demokrazija u lil dak il-partit li jħaddanha.


Dan l-artikolu deher fil-harga tal-Mument tas-16 ta Mejju 2010

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...