11.3.14

L-Oppożizzjoni titlob li l-Ombudsman jinvestiga r-rapport dwar allegati inġustizzji fl-Armata.



L-Oppożizzjoni llum talbet lill-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti biex l-Ombudsman ikun mitlub jinvestiga, bis-saħħa tal-Liġi li twaqqaf l-Ombudsman, ir-rapport tal-allegati inġustizzji li suppost saru fl-Armata, liema rapport sar minn bord maħtur mill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Emmanuel Mallia. 

L-Oppożizzjoni tirrispetta u taħdem favur it-tisħiħ tal-istituzzjonijiet ta' pajjiżna bil-fatti, u mhux bil-kliem biss kif qed jagħmel il-Gvern Laburista. Meta l-Ministru Mallia ħatar bord biex jinvestiga allegati inġustizzji fl-Armata, kien qiegħed jimmina u jwarrab l-istituzzjoni Parlamentari tal-Ombudsman, istituzzjoni li tgawdi l-fiduċja tal-Parlament u tal-poplu Malti kollu kemm hu. Dan sar minħabba li l-istess Ombudsman fl-aħħar snin irrapporta b’mod pożittiv fuq il-proċessi ta’ promozzjonijiet fl-Armata u kemm tali proċessi kienu saru dejjem iktar trasparenti u ġusti tant li l-ilmenti kienu naqsu drastikament.

Fid-dawl ta’ dan, illum il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern Jason Azzopardi kiteb lill-Ispeaker tal-Kamra biex fid-dawl tal-artiklu 13(4) tal-Liġi li twaqqaf l-Ombudsman, il-Kumitat tax-Xogħol tal-Kamra jinkariga lill-Ombudsman biex jinvestiga r-rapport li sar mill-bord maħtur mill-Ministru Mallia, inkluż il-metodoloġija wżata u b’mod partikolari kemm u kif kien ġustifikat kull każ li l-Bord qed jingħad li ddeċieda li kienet saret inġustizzja fih.

Minn issa l-Oppożizzjoni tiddikjara li hi se tirrispetta u torbot il-ġudizzju tagħha b’mod sħiħ mal-konklużjonijiet tal-Ombudsman.


--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...