5.3.14

Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ: reazzjoni letarġika filwaqt li l-qgħad ikompli jiżdied




Il-Partit Nazzjonalista jirreferi għall-aħbar li l-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo ssottometta l-pjanijiet tal-Gvern Laburista għall-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ lill-Kummissjoni Ewropea. Dan il-pjan qed jiġi sottomess sena wara kampanja elettorali li fiha Joseph Muscat stqarr solennement li kellu roadmap lest biex iż-żgħażagħ kollha “li wara l-età ta’ 16-il sena, jekk ma jkunux fit-tagħlim, jew ikollhom xogħol, jingħataw taħriġ.” Dan l-istess pjan qed jintbagħat xahar u nofs wara li l-Kummissjoni Ewropea ċanfret lill-Gvern Malti talli kien wieħed minn grupp żgħir ta’ pajjiżi li ma kinux issottomettew il-pjanijiet tagħhom. 

Minkejja li l-Prim Ministru Muscat stqarr diversi drabi li kellu roadmap ċar għall-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, fil-pjanijiet li ssottometta lill-Kummissjoni Ewropea l-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol qiegħed jgħid li l-garanzija jista’ jagħtiha lil 350 żagħżugħ u żagħżugħa biss. Dan minkejja li skont statistika mogħtija mill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol stess, f’pajjiżna hemm 5,800 żagħżugħ u żagħżugħa li huma qiegħda. 

Il-progress tal-Gvern Laburista fl-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ qed ikun letarġiku u sfurzat u żgur li mhux qed ikun b’saħħtu u effettiv biżżejjed sabiex jikkumbatti ż-żieda fir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ, li f’din l-aħħar sena żdiedet minn 13.6% għal 15.3% skont l-aħħar statistika maħruġa mill-aġenzija Eurostat. 

Il-Partit Nazzjonalista jinsisti mill-ġdid li l-Gvern jikkonsulta lill-imsieħba soċjali u lill-Oppożizzjoni biex jifformula strateġija ħolistika dwar ix-xogħol li timmotiva liż-żgħażagħ biex ikomplu jistudjaw u jitħarrġu u toħloq biżżejjed opportunitajiet ta’ xogħol għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin. 

--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...