24.3.14

Is-Sewwa Jirbaħ.




1.         Din il-ġimgħa pajjiżna fakkar anniversarju mill-iktar ikrah.  Tletin sena ilu, proprju fil-15 ta’ Ottubru 1979.  Niftakru sewwa dak il-jum f’ħajti.  Ma kien pjaċevoli xejn u għamel wisq ħsara lill-poplu tagħna.  Li tkisser id-dar tal-Kap ta’ l-Oppożizzjoni u l-istamperija tat-“Times of Malta” f’daqqa, b’saħna mill-iktar vjolenti, ser jibqgħu siġilli suwed fuq il-karta ta’ partit politiku li tletin sena wara għadu ma fehemx.  Niftakar numru ta’ esponenti minn dak il-Partit Laburista li għadhom mas-saqajn, x’qalu u kif iġġustifikaw kollox.

2.         Qrajt l-artikolu ta’ Beppe Fenech Adami f’ “In-Nazzjon” u bqajt nirrifletti fuq kemm dik il-familja kienet kapaċi taffronta, tissupera u taħfer.  Ħadd ma għadda minn dak li għaddew huma.  Kellu raġun meta qal li: “Ikun żball li min għex dawk l-esperjenzi jinsihom u min ma għixhomx ma jirrikonoxxihomx.”

3.         Id-daqqiet tat-tkissir, il-ħruq li wettqet dik il-ġabra ta’ bnedmin li saru bhejjem, ser jibqgħu hemm.  Rikordju ta’ kif meta tikber l-anti-demokrazija, l-estremiżmu tal-lemin, allura pajjiż jitlef l-iżvilupp soċjali u ekonomiku tiegħu.  Għalkemm ħafna fl-1987 beżgħu li n-Nazzjonalisti fil-Gvern kienu ser ipattuha, dan ma sarx.  Dan il-partit qiegħed pedament differenti sabiex jassigura li qatt iktar ma jseħħu inċidenti simili.

4.         Dawk l-inċidenti servew biex sawwru determinazzjoni li l-aġir demokratiku jirbaħ dejjem.  Perseveranza li daħlet f’moħħ il-politiċi ta’ dak iż-żminijiet u dak li kienu u għadhom attivi.  Meta fl-1981 il-Partit Laburista tilef l-appoġġ poplari però baqa’ fil-Gvern, il-pajjiż ra iktar jiem ta’ dlam quddiemu.  Kien dan il-partit li kien jiddikjara, u hekk baqa’, li s-sewwa jirbaħ żgur.  Dak il-kuraġġ, dik it-tama ħarġuna mid-dlam tal-vjolenza laburista.

5.         Stajna niddikjaraw dan għax konna fuq in-naħa tas-sewwa.  Ma konniex qed naġixxu illegalment, anzi batejna minn min għad għandu l-arja llum, huwa u jittama li jerġa’ lura fil-poter minn fuq dahar ħaddieħor.  L-elementi vjolenti, jekk ma jinqerdux, hemm jibqgħu.  Tista’ tinjorahom, biss jekk ma taħdimx biex tibdilhom, l-istess jibqgħu.

6.         Dan il-partit li sofra fehem sew.  Ħadem mhux biex ikisser il-gazzetti, iżda biex jissudahom, jgħidu x’jgħidu kontra tiegħu.  Il-partit li jrid jidher illum progressiv u fuq in-naħa tas-sewwa jrid jifhem dan.  Il-bidla mhux bil-kliem isseħħ, imma fis-sustanza ta’ dak li jingħad.  It-“Times” batiet ħafna.  Ilkoll nafu minn liema diffikultajiet għaddew l-impjegati tagħha u għas-sostenn tagħhom kien hemm il-Partit Nazzjonalista.  Illum din il-gazzetta għadha tiġi attakkata inġustament għax qegħda tagħmel dmirha.  Id-demokrazija ma tistax tikber jekk ma jkollhiex strumenti bħal dawn.  Fortunatament konvinti minn dan.  Għalhekk nibqgħu l-partit progressiv u dak li ra u emmen li s-sewwa jirbaħ żgur.

 Artikolu li kien deher fil-Mument fit-18 ta Ottubru 2009.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...