24.3.14

Diskors Parlamentari dwar l-Abbozz ta’ liġi li jemenda diversi liġijiet dwar il‑funzjonijiet tal‑Membri Parlamentari – Abbozz Nru. 9

IT-TNAX-IL PARLAMENT


It-Tnejn, 15 ta’ Lulju, 2013

Abbozz ta’ liġi li jemenda diversi liġijiet dwar il‑funzjonijiet tal‑Membri Parlamentari  – Abbozz Nru. 9

ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI:  Sur President, nammetti li ammirajt lis-Segretarju Parlamentari għad-diskors li għamel, diskors mimli b’ħafna sustanza legali għal liġi li ma fiha ebda forma ta’ sustanza legali!  Nammetti li ammirajtu għax irnexxielu jagħmel wrapper verament tajba għal liġi li ma fiha assolutament xejn. Ammirajtu wkoll meta kkwota lil MontesquieuMontesquieu kien bniedem li ppronunzja b’saħħa kbira s-separazzjoni bejn il-poteri u għamel hekk proprju għax kien jgħix fi żmien meta kien hemm taħlit fis-separazzjonijiet u allura kiteb sabiex ma jkunx hemm taħlit bejn bejn l-eżekuttiv u l-ġudikatura imma jkun hemm kompartamenti li jkunu separati u maqtugħa minn xulxin.  Kien għalhekk li jien bqajt skantat kif ġie kkwotat Montesquieu – bniedem li ried li jkun hemm is-separazzjoni tal-poteri u advokahom kontra kull kurrent f’liġi li qed tmur kontra ta’ dak li ried jagħmel hu. Jiena nista’ nimmaġina kemm Montesquieu qed idawwar wiċċu minn dak li qed isir f’dan il-Parlament.  Hawnhekk il-Gvern beħsiebu jġib sistema fejn il-membri tal-leġiżlatura jsiru membri tal-eżekuttiv u la jkunu ministri u lanqas segretarji parlamentari.  Qed jara kif lil dawn se jsibilhom post li huwa importanti. 

Għall-Gvern din il-liġi hija importanti tant li tellagħha fuq quddiem nett tal-prijoritajiet tiegħu u għandu raġun għax għandu bżonn li jkollu membri parlamentari fuq il-Kunsill Malti għall-Artiġjanat, l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, il-Bord tal-Koperattivi, il-Kunsill Malti għall-Isport, il-Malta Enterprise, il-Kunsill Malti għall-Ilsien Malti, il-Kummissjoni Ċinematografika u l-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika. Jekk din il-liġi ma tgħaddix kemm jista’ jkun malajr, allura se jkollna kriżi kostituzzjonali u l-pajjiż imur lura. Veru li l-Oppożizzjoni kkritikat din il-liġi u l-Onor. de Marco pereżempju kkritikaha fuq diversi punti li jagħmlu sustanza, però hu diffiċli li wieħed jifhem kif din il-liġi qed titressaq b’daqshekk għaġla u mbagħad jingħad li mhux veru qed issir biex xi membri jieħdu xi post fuq dawn il-kunsilli u bordijiet.  U onestament għandi kurżità kbira biex inkun naf liema membri tal-Gvern se jkunu magħżula. 

Għandu kurżità biex inkun naf min hu dak il-membru parlamentari fil-Gvern li tant hu istruwit fuq l-ilsien Malti li se jkun kapaċi jpoġġi fuq il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti u jibda jgħin fid-deċiżjonijiet dwar kif jinkiteb il-Malti u pereżempju jekk “skont” għandhiex tinkiteb bid-“d” jew bit-“t”.  Tiġini aktar kurżità mbagħad dwar min se jkun dak il-membru min-naħa tal-Gvern li se jifforma parti mill-Kunsill Malti għall-Artiġjanat jew mill-Bord tal-Koperattivi jew mill-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika.

Sur President, naħseb li din il-liġi tant hija nieqsa mis-sustanza u tant tersaq viċin is-sitwazzjoni fejn ħadd ma jemmen li qed issir għax verament hija neċessarja jew għax għandha skop li nkunu qegħdin nidħku b’xulxin jekk kemm-il darba ma ngħidux x’inhu iswed u x’inhu abjad.  Din il-liġi żgur qiegħda ssir biex xi nies li qegħdin fuq il-bankijiet tal-Gvern jingħataw ċerti pożizzjonijiet u naħseb li l-poplu fehmu dan.

Għalkemm il-Gvern qed jagħti l-impressjoni li din il-liġi jrid jeħlisha kemm jista’ jkun malajr naħseb li jagħmel tajjeb li jaħseb ftit dwarha għax verament fiha x’wieħed jifhem.  Għaldaqstant nistaqsi:  Din il-liġi hija riżultat tad-diskussjonijiet u d-djalogi li qed jagħmel il-Gvern? Aħna diġà għandna ħafna ministri imma jekk forsi hemm nies fil-backbench tal-Gvern li għandhom ċerti kwalitajiet u abbiltajiet u huma daqshekk kapaċi allura nistgħu nagħmlu Ministru għall-artiġjanat, Ministru għall-ilsien Malti eċċ. però bir-rispett kollu, bqajt skantat kif din il-liġi tant telgħet ’il fuq li nsiet il-programm elettorali, insiet li għall-ewwel darba għandna Ministru li parti mid-dekasteru tiegħu għandu t-twettiq tal-programm elettorali.  Dan il-Ministru, minkejja li għandu ħafna pressjoni biex iwettaq il-programm elettorali u huwa wkoll il-Kap tal-Kamra xorta ħass li din il-liġi għandha taqbeż kwalunkwe liġijiet oħra u kwalunkwe konsiderazzjonijiet oħra biex l-għajta tal-poplu – li aħna ma nafux biha u għadna ma smajniex biha – tinstema’. 

Mid-diskorsi li saru mill-membri tal-Gvern jidher li huma qed jippretendu li din il-liġi se tagħmel qabża kbira ta’ kwalità għax se jirnexxilha toħroġ ’il barra membri tas-soċjetà ċivili.  Meta l-Ewropa u l-bqija tad-dinja qed idaħħlu s-soċjetà ċivili fid-diversi kumitati biex ikollhom rappreżentanza f’diversi għaqdiet mhux governattivi u fuq dawn it-tipi ta’ bordijiet, f’Malta qed ninsistu li nnaqqsu n-nies tas-soċjetà ċivili minn ġo diversi kumitati. Meta nara dan m’għandix għax ma nemminx li din il-liġi se ġġib qabża kbira ta’ kwalità, anzi tant se tkun kbira din il-qabża ta’ kwalità li diversi awturi tal-kotba kostituzzjonali, li ċert li s-Segretarju Parlamentari studja fuqhom, se jkollhom joħorġu edizzjonijiet ġodda tal-kotba tagħhom biex idaħħlu paragrafu sħiħ fuq kif din il-liġi qiegħda tbiddel il-viżjoni tad-dritt kostituzzjonali Malti, Ewropew u mondjali. 

Ovvjament jien kont nippretendi ftit aktar sustanza f’din il-liġi u kont nippretendi li jkun hemm ftit aktar ġustifikazzjoni. Hemm sitwazzjonijiet fejn tajjeb li membru parlamentari jkun qiegħed f’ċerti kumitati bħal pereżempju l-kumitat tal-MEPA li għad-dnubiet ta’ dawk il-membri parlamentari li jiġu magħżula min-naħa u minn oħra tal-Kamra, dan għandu funzjoni leġiżlattiva. Ftit jafu li l-MEPA għandha l-funzjoni li toħroġ Avviżi Legali li la jiġu skrutinizzati mill-Kabinett u lanqas minn xi awtorità oħra imma direttament isiru liġi.  Għalkemm dan m’għandux funzjoni leġiżlattiva totali xorta wieħed jifhem għalfejn għandu jkun hemm membru miż-żewġ naħat tal-Kamra.  Tajjeb ngħid li ħafna drabi dawn isibu lilhom infushom bejn il-basla u qoxritha fuq permessi u fuq żviluppi għax ikun hemm nies li jridu ħaġa u nies li jridu ħaġa oħra u jridu jkunu verament intelliġenti biex f’dan il-kumitat tal-MEPA jitkellmu b’mod li jintgħoġbu ma’ kulħadd u ma jintbagħdu ma’ ħadd. 

Hemm bżonn li l-għan ta’ dan l-abbozz ta’ liġi wieħed janalizzah ftit aktar fil-fond u jipprova jsib għalfejn issa qegħdin indaħħlu membri parlamentari f’dawn id-diversi kunsilli. Fl-opinjoni tiegħi dawn qed indaħħluhom f’post fejn ma jesagħhomx!  Membru parlamentari m’għandux jidħol f’diversi kumitati u m’għandux ikun preżenti f’ċerti dikussjonijiet, la jekk ikun membru tal-Gvern waħdu, la jekk ikun membru tal-Oppożizzjoni waħdu u wisq inqas jekk ikun hemm membru minn kull naħa tal-Kamra.

Sur President, allaħares id-diskussjoni li jkun hawn hawnhekk, bejn teżi jew anti-teżi, insibuha wkoll pereżempju fil-Kunsill Malti għall-Artiġjanat jew fil-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti.  Għandhom għalfejn isiru miniatures ta’ dan il-Parlament? Jien naħseb li qed noħroġu binarju kompletament żbaljat li mhux leġiżlattiv meta l-membru parlamentari l-ewwel hu leġiżlattiv u mbagħad wara hu affarijiet oħra. 

Is-segretarji parlamentari u l-ministri għandhom rwol diffiċli għax għandhom rwol doppju.  Hemm pajjiżi fejn il-ministri jew is-segretarji parlamentari jew il-viċi prim ministru ma jibqgħux iżommu s-siġġu tagħhom bħala membri fil-leġiżlattiv, jidħol membru ieħor minn fuq il-lista u sakemm ikunu ministru jissostitwixxihom, imbagħad, meta jispiċċaw minn ministri, jidħlu lura u dak il-membru joħroġ ’il barra. Sistemi ġuridiċi fl-Ewropa marru għal dik il-linja imma aħna qed immorru ’l kontra!  Naħseb li qed inħalltu ħaġa ma’ oħra. 

Din il-liġi aktar ma tgħarbilha u aktar ma tanalizzaha aktar issib li fiha affarijiet li ma jagħmlux sens.  Anke din tal-Leader of the House.  Kif taf, Sur President, jien għamilt ħames xhur Leader of the House u kont l-ewwel Leader of the House li ma kienx Viċi Prim Ministru. Tgħallimt ħafna u nista’ ngħid li l-Leader of the House bilfors irid ikollu vuċi fil-Kabinett biex jara x’inhi sewwa sew l-aġenda li trid tiġi ffurmata u x’inhuma l-prijoritajiet ta’ dak li jrid jiġi ffurmat.  Skont l-emenda li qed titressaq issa l-Leader of the House jista’ jkun anke membru tal-Kamra u allura nistaqsi: Hawnhekk qegħdin indaħħlu wkoll il-kunċett li l-Leader of the House jista’ jkun anke membru tal-Oppożizzjoni?  Diġà hija diffiċli li membru parlamentari jirċievi istruzzjonijiet min-naħa tal-Kabinett fuq x’għandu jkun hemm fuq l-aġenda aħseb u ara.  Li kieku hawn xi żvilupp jew xi mekkaniżmu ġdid jew xi ħaġa li m’aħniex naraw kollox sew, imma meta tanalizza biċċa biċċa ssib li dan huwa biss pretest għal xi ħaġa li ma teżistix! 

Is-Segretarju Parlamentari għamel tajjeb li ġie hawnhekk u ressaq dan l-abbozz ta’ liġi, u ppreżentah tajjeb ukoll, però fis-sustanza dan ma fih assolutament xejn.  Din hija biss liġi li qed tipprova tixħet il-bżar fl-għajnejn dwar dak li verament irid isir.  U dan huwa żball. Ejja nkunu skjetti u ċari ma’ xulxin u ngħidu x’qegħdin verament nagħmlu hawnhekk. Ħadd mill-backbenchers tal-Gvern m’għandu jieħu għalih għax aħna qed nikkritikaw din il-liġi u qed ngħidu li qed issir biex tipprova takkomoda l-pretensjonijiet ta’ xi ħadd jew il-pretensjonijiet ta’ xi ħaddieħor.  Aħna konna fil-Gvern, nafu x’inhu l-Gvern u llum nafu wkoll x’inhi l-Oppożizzjoni. Għaldaqstant, naħseb li tajjeb li l-Gvern jgħid eżattament x’inhi din il-liġi u għalfejn qed issir.

Sur President, nittama li l-Gvern jifhem li din il-liġi hija żbaljata, li m’għandhiex issir u jerġa’ jirriformulaha u se mai, iġib hawnhekk sitwazzjonijiet fejn il-membru parlamentari mhuwiex se jitlef mill-elementi li għalihom ġie elett fosthom li jkun membru tal-leġiżlatura u li jagħmel l-iskrutinju t’hawn ġew, kemm jekk ikun fil-Gvern bħala backbencher, kemm jekk ikun fl-Oppożizzjoni bħala membru parlamentari, kif ukoll fid-diversi aspetti tal-liġijiet u fid-diversi affarijiet li kull membru parlamentari ħa l-ġurament tiegħu.  Nibża’ li b’din il-liġi qegħdin niċċaqilqu ’l bogħod minnhom.  Nirringrazzjak.

MR SPEAKER:  Se tibqa’ in possession?

ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI:  Le.

MR SPEAKER:  Nirringrazzjak. Sar il-ħin.


No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...