24.3.14

L-iktar jum importanti



1.         Dan il-jum, ftit illum għadhom jieqfu jirriflettu fuq kemm kien u għadu importanti fl-istorja tal-ħajja tagħna.  Ċerti mumenti nħoss li l-15 ta’ Awissu sar forma oħra ta’ perjodu tal-Milied, fejn kollox jieqaf u l-aċċent imur għad-divertiment.  In-numru ta’ postijiet tax-xogħol li jieqfu joperaw jew jaraw kwantità tajba ta’ ħaddiema li jieħdu l-perjodu tal-mistrieħ tagħhom hemm huwa dejjem iktar interessanti.  Fir-realtà, naqset ħafna l-attenzjoni lejn il-festa reliġjuża u dik nazzjonali.

2.         Il-jum huwa importanti għax jirnexxilu jgħaqqad żewġ fatturi f’daqqa.  Meta fit-Tieni Gwerra Dinjija kien daħal ġewwa l-Port il-Kbir wieħed mill-konvojs l-iktar diffiċli sabiex jgħaddi, proprju f’dak il-jum ġew flimkien id-dimensjoni reliġjuża u nazzjonali tagħna. Għaddew verament is-snin minn dak il-jum, però t-trapass taż-żmien m’għandux imur kontra kemm kien u għadu determinanti għall-ħajja demokratika tagħna.

3.         Ma naħsibx li għandi nerġa’ nirrepeti l-eventi li sawru dak l-eroiżmu li wettqu numru ieħor ta’ persuni li ma kienux Maltin.  Dak li seħħ sebgħa u sittin sena ilu f’dik l-operazzjoni msejħa “Pedestal” huwa mimli bi kwantità ta’ bnedmin li taw ħajjithom sabiex dawn il-Gżejjer ma jsibux ruħhom maħkuma mill-forzi anti-demokratiċi.  Stinkaw għal-libertà tagħna u b’ħidmiethom hekk bqajna.  Attakkati u bumbardati, bl-effett li aktar Maltin u Għawdxin tilfu ħajjithom.  Il-kefrija ta’ dawk il-jiem diffiċli sabiex terġa’ tirriproduċihom sija minn dawk li għaddew minnhom, kif ukoll dawk li qraw dwarhom (?)

4.         Dak il-jum tal-15 ta’ Awissu 1942 kien determinanti għax assigura li ma nitilfux il-libertajiet li kellna.  Ftit jaħsbu però li kieku dak il-konvoj baqa’ ma wasalx, allura pajjiżna kien jinħakem min-nażiżmu u l-faxxiżmu.  Mietu ħafna u tfarrku djar, palazzi u knejjes, biss min jaf x’konna nsofru iktar li kieku waqajna taħthom.  Ma hemmx dubju li l-ossiġnu li dawk il-bastimenti ġiebulna kien għalhekk provvidenzjali.  Kien hekk għax sarrfilna fil-konklużjoni ċara li ma konniex ser nispiċċaw inbatu dak li popli oħra fl-Ewropa għaddew minnu.

5.         Il-proċess għall-Indipendenza tagħna, it-tisħiħ ta’ l-istituzzjonijiet demokratiċi ta’ pajjiżna, id-dħul tagħna fl-Unjoni Ewropea kollha jitilqu minn dak il-jum.  L-effett ta’ dak il-konvoj kien li żied il-moral ta’ poplu li kien qiegħed iħossu wasal fl-aħħar.  Żied ukoll ir-rabta reliġjuża.  Tista’ tipprova tibni teoriji marbuta ma’ l-abbiltajiet tal-bnedmin, però meta tqis kollox oġġettivament ma tistax ma tasalx għall-konklużjoni li kien hemm id provvidenzjali.  Il-każ tal-bastiment “Ohio”, mimli b’materjal vitali, huwa eżempju mill-iktar evidenti.  Bastiment taż-żejt milqut jirnexxilu jidħol fil-Port u jitbattal, sabiex ftit jiem wara jegħreq ġaladarba kien wettaq dmiru.

6.         Għalhekk, dan il-15 ta’ Awissu għandna niftakru, napprezzaw u nkunu grati.  Ma nafx liema poplu għandu daqshekk mumenti li fihom jista’ jorbot il-ħajja nazzjonali ma’ dik reliġjuża.  Għax il-lum huwa mimli b’forza għalina li rridu naraw lil dan il-pajjiż jimxi ‘l quddiem.  Id-determinazzjoni, il-perseveranza tagħna, flimkien mal-għajnuna tal-provvidenza li kellhom missirijietna huma eżempji li m’għandniex niskartaw.  Illum immorru lura u niftakru li fil-15 ta’ Awissu mhux biss komplejna t-triq tagħna għal-libertà u d-demokrazija imma fl-1945, fl-istess jum, ġie dikjarat li t-Tieni Gwerra Dinjija kienet spiċċat.  Dan hu jum importanti għalina.  Ikun żball jekk, b’xi mod, nittraskurawh.


Artikolu li kien deher fil-Mument fis-16 ta Awissu 2009.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...