11.3.14

Il-Gvern għandu jkun onest dwar l-ekonomija.



Il-Partit Nazzjonalista jagħmel referenza għall-istqarrija tal-Gvern dwar l-istatistika ppubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika dwar il-Prodott Gross Domestiku. Il-Gvern ta’ Muscat qiegħed ikompli jkun żleali fl-interpretazzjoni tiegħu taċ-ċifri ppubblikati u bit-tqabbil li qed jagħmel mas-snin li għaddew.

L-ewwelnett: it-tqabbil li qed jagħmel il-Gvern mas-sentejn li għaddew huwa bla bażi. Fis-sentejn li għaddew, pajjiżna kienet fil-qalba ta’ kriżi finanzjarja u ekonomika internazzjonali bla preċedent. Minkejja l-isfidi kbar li pajjiżna ffaċċjat tul dan il-perjodu, l-ekonomija ta’ pajjżna kompliet tikber u naqas il-qgħad. Għall-kuntrarju, fl-2012, l-ekonomija Ewropea ċkienet u tilfet il-postijiet tax-xogħol. 

It-tieni: dak li ma tgħidx l-istqarrija tal-Gvern hu li minkejja li l-ekonomiji fil-bqija tal-Ewropa qed jirkupraw, pajjiżna:

-        Qed tirreġistra żieda persistenti fil-qgħad, li issa qiegħda tavviċina t-8,000 persuna bla xogħol. Agħar minn hekk, kważi nofs dawk li qegħdin jirreġistraw għax-xogħol ilhom fuq ir-reġistru għal aktar minn sena, xhieda li l-problema hija waħda strutturali u mhux temporanja;
-        Kellu kollass ta’ aktar minn 20% fl-esportazzjoni u tnaqqis ta’ 15% fl-importazzjoni;
-        Ra tnaqqis fl-aħħar erba’ xhur tal-produzzjoni industrijali;
-        Kellu tnaqqis fil-bejgħ mill-ħwienet f’ħamsa mill-aħħar 6 xhur u kien, flimkien mad-Danimarka, l-unika pajjiż fl-Ewropa fejn seħħ tnaqqis f’Jannar.

Aktar minn hekk, il-Partit Nazzjonalista, filwaqt li jilqa’ l-fatt li l-ekonomija fl-2013 kompliet tikber, jinnota li dan it-tkabbir hu limitat għal numru ta’ oqsma ekonomiċi. B’mod partikolari, l-istatistika tal-NSO tal-lum tikkonferma tnaqqis fl-oqsma tal-manifattura u l-kostruzzjoni ta’ 7.1% u 1.6% rispettivament. Dawn huma żewġ setturi li bejniethom iħaddmu kważi 30,000 ħaddiem. It-tnaqqis f’dawn is-setturi ma jagħtix indikazzjonijiet tajbin għall-prospetti ta’ dawk li jaħdmu f’dawn l-oqsma.

L-NSO turi wkoll li kontibutur importanti għat-tkabbir ekonomiku li ġie rrappurtat huwa s-settur pubbliku, fattur li mhuwiex sostenibbli fuq medda twila ta’ żmien għal pajjiżna. Dan, flimkien mat-tnaqqis sostanzjali fl-importazzjoni u l-esportazzjoni, huma turija ta’ nuqqas ta’ fiduċja mis-settur privat fl-ekonomija ta’ pajjiżna.

Il-Gvern Laburista għandu jkun onest mal-poplu – u flok jehda ħinu jdawwar iċ-ċifri biex jipprova jgħatti n-nuqqasijiet tiegħu, għandu minnufih jiddedika r-riżorsi tiegħu biex jindirizza dawn il-problemi strutturali u jipproduċi strateġija li tassew tiggarantixxi investiment, xogħol u kwalità ta’ ħajja aħjar għall-familji Maltin u Għawdxin.


No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...