5.3.14

Diskors Parlamentari li ghamilit fil-Mozzjoni għat-Twaqqif ta’ Kumitat Permanenti għas-Saħħa.

ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI:  
Sur President, huwa pjaċir għalija li nitkellem fuq din il-mozzjoni għax hiaj mozzjoni li turi kemm l-oppożizzjoni għal kuntrarju ta’ dak li smajna f’dawn l-aħħar jiem hija oppożizzjoni li hija proattiva, oppożizzjoni li ma taħrabx mir-responsabilità tagħha, wahda li baqgħet ġġorr ir-responsabilità politiika tagħha b’intelliġenza biex tieħu ħsieb li ċerti seturi jibqgħu javanzaw f’pajjiżna. 

Ħadt pjaċir nisma’ lill-Ministru jitkellemu qal li hemm bżonn rispett reċiproku.  Hemm bżonn verament rispett reċiproku għax ħadd ma jista’ jinega li l-ispirtu u l-animu li bih din il-mozzjoni tressqet mill-kollega tiegħi l-Onor. Claudio Grech hija dik biex tassigura li f’settur daqshekk diffiċli jkun hemm l-assistenza tal-oppożizzjoni.  Ħa ngħidlek din, Ministru, ħu pjaċir li għandek interlokutur  bħall-Onor. Claudio Grech li miegħu tista’ tiddiskuti, miegħu tista’ taqbel, miegħu tista’ tara l-ideat taż-żewġ naħat għax permezz tagħha tista’ tagħmel avvanzi ikbar fis-settur delikat li għandek f’idejk, fis-settur komplikat li għandek f’idejk, li huwa dak tas-saħħa.  Jiena ngħidlek ħu pjaċir biha din il-ħaġa għax ministru li jsib interlokutur fuq in-naħa l-oħra u qed ngħidlek mill-esperjenza personali tiegħi, tista’ tavvanza ferm iktar milli jekk ikollok xi ħadd fuq in-naħa l-oħra li, jew mhux qed jifhmek jew inkella qiegħed il-ħin kollu jżommok lura milli tavvanza ‘l quddiem fl-affarijiet.  Għalina, is-setur tas-saħħa, huwa settur importanti ħafna u aħna b’att ta’ politika matura, b’att ta’ politika avvanzata, b’att ta’ politika frott ta’ snin li aħna konna fil-gvern, ħassejna li għandna nagħmlu din il-mozzjoni. 

 Kien inġust dak li sar fil-leġislatura l-oħra.
Sewwa kif inhi formulata din il-mozzjoni, huwa sewwa wkoll li l-gvern qabel magħha u qed jimxi fuqha għax hija ta’ ġid għaż-żewġ naħat tal-Kamra li dan is-settur li, aħna fil-leġislatura l-oħra, rajna u smajna kritika varja differenti dwarha.  L-affarijiet  li kien qed jilmenta minnhom il-Minsitru, f’partijiet mid-diskors tiegħu, rajnihom isiru kontra l-kollega tiegħi l-Onor. Joe Cassar meta hu kien ministru.  Kull darba li kien ikun hemm xi problema partikolari li tiġi, jew minħabba l-istaġun ikun hemm iktar nies li jidħlu l-isptar minħabba kwestjonijiet ta’ saħħa, f’daqqa waħda minn kwestjoni ta’ saħħa kif wieħed jista’ jindirizzaha, issir kwistjoni politika u l-ministru qisu mhu qed jagħmel xejn għax hemm ħafna nies li marru l-isptar.  L-ewwel nett, inżommu f’moħħna li, kif sar dan l-isptar, għamel avvanz kbir fis-settur tas-saħħa għal pajjiżna, bil-kwalità li fih,  bis-servizz li fih, bl-establishment li fih, bl-affarijiet kollha.  Jien nista’ ngħid, personalment Ministru, għamilt xahar u nofs l-isptar, għamilt xahar u nofs waqt li kelli xi ħbieb fl-oppożizzjoni jħabtu mal-bieb u jgħidu kontra tiegħi waqt li jien kont qed nieħu l-kura u nikkumbatti kontra ghal ħajti. Minn hemm ġew, stajt nosserva u stajt nifhem iktar il-problemi li hemm fl-isptar u stajt napprezza kemm jingħata servizz tajjeb fl-isptar.  Kien inġust dak li sar fil-leġislatura l-oħra.  Aħna m’aħneix qegħdin inħallsu lura bl-istess munita li ġejna mħallsa imma fl-istess ħin, Ministru, irrid inwassal dan il-messaġġ li dan huwa setur komplikat ħafna u komplikatissimu li joxxilla min-naħa għal oħra.  Jekk kemm-il darba hemm kura ġdida barra minn Malta, jekk hemm pillola ġdida li ħarġet, illum il-ġurnata m’għadniex fiż-żmien l-antik, fejn huwa xi professur li għax qara xi rivista sar jaf biha.  Illum, in-nies bl-internet, bl-informazzjoni  li għaddejja, bil-programi varji ta’ bumbardament li hemm fid-Discovery Channels u f’channels differenti, in-nies qed isiru jafu bil-kura medika li hemm f’postijiet  oħra.  

Din hija sfida li tmexxijna ferm iktar ‘il quddiem u mhux faċli.  Aħna nafu li dan is-settur mhux faċli u jitlob ħafna attenzjoni. 

Dan huwa settur ta’ ġustizzja soċjali.

Inħoss li inti għandek il-vantaġġ, illum, b’din il-mozzjoni li l-oppożizzjoni mhux qed tagħtik l-għajnuna tal-kollaborazzjoni biex wieħed jimxi ‘l quddiem.  Inħoss partikolarment għal dan is-settur għax dan huwa settur ta’ ġustizzja soċjali.  Dan huwa settur li jjimmarkana minn kwalunkwe settur soċjetà oħra.  Nirribella min jiġi jitkellem u jgħid li s-saħħa għandha tkun biss  għal min għandu l-flus.  Dik hija l-iktar ħaġa deprimenti u l-Partit Nazzjonalista meta kien fil-gvern żamm  il-politika soda minkejja l-kritika li kien ikollu, minkejja d-diversi opinjonijiet ta’ ċerti ekonomisti, żamm is-saħħa b’xejn biex jassigura li min m’għandux flus jingħata l-istess trattament bħal min għandu.  Dik hija l-linja ta’ prinċipju, il-linja ta’ dinjità umana, il-linja li tieħu ħsieb li tipproteġi verament il-bniedem f’dak il-mument partikolari, f’dak il-mument vulnerabbli.  Ma nawgura lil ħadd minnkom li jgħaddi minn dak li għaddejt imma meta tkun fuq is-sodda, meta tkun hemm hekk tieħu l-kura u wara li tiġi operat u d-diffikultajiet kollha li tgħaddi, mhumiex taċ-ċajt.  

Illum, b’din il-mozzjoni, għandna assigurazzjoni ftit iktar ‘il quddiem, Ministru, li qed jagħmel tant tajjeb il-kollega tiegħi l-Onor. Claudio Grech li nassiguraw mod iktar qawwi li ħadd ma jibqa’ lura billi jingħata s-servizz tas-saħħa f’pajjiżna.  Niddejjaq nisma’ ideat ta’ min irid, b’xi mod, idaħħal l-ideja li f’dan il-pajjiż min m’għandux mezzi ma ghandux jkollu aċċess għal ċerta kura medika.  Nirribella għaliha. 

Aħna, nafu li hawn il-faqar f’pajjiżna, il-faqar huwa diffiċli biex tikkumbattih, joxxilla, ivarja, daqqa jkun naħa u daqqa jkun oħra, imam rridu nassiguraw dejjem li kulħadd għandu drittijiet bażiċi u kura bażika li trid tingħatalu.  F’dan il-kumitat, dan huwa kumitat li se jgħin iktar ‘il quddiem, se jgħin biex din il-ħaġa timxi ‘l quddiem.  Din turi b’mod ċar li l-Partit Nazzjonalista li qiegħed fl-oppożizzjoni mhux ħsara qed jagħmel lill-pajjiżna, mhux qed jipprova jkerrah lill-pajjiżna, il-Partit Nazzjonalista baqa’ dejjem responsabbli u baqa’ dejjem dak il-partit li jħares li ttarbija tikber, mhux li t-tarbija tmut imma issa l-oppożizzjoni trid mhux biex issemma’ l-vuċi tagħha, imma trid ukoll li l-gvern jifhem li l-ispirtu  tagħna, meta nikkritikaw, huwa dejjem spirtu kostrutiv u ma jistax ikun li l-gvern jieħu l-linja li kull darba li jisma’ xi kelma jew xi ħaġa ta’ kritika li ma tgħoġbux, allura jipprova jgħid li aħna qed nagħmlu jew ħsara lill-pajjiżna, jew qed inkunu negattivi.  

Bil-Malti ngħidu aħseb fil-ħażin biex it-tajjeb ma jonqosx.  Mela, ma naħsbux ħażin biex it-tajjeb jibqa’ ma jonqosx.  Naħseb li f’dan iż-żmien hawn ġew, qed nagħtu prova ċara, konkreta li permezz tagħha qed nuru li aħna favur li nimxu ‘l quddiem f’diversi setturi u nibnu b’kollaborazzjoni fl-affarijiet li qabel ħaddieħor ma qabbilux jibdiha l-kollaborazzjoni.  Kieku dan il-kumitat twettaq fil-leġislatura oħra jew ta’ qabilha, konna nimxu ‘l quddiem u nneħħu ‘l barra s-saħħa mil-logħba politika li fl-aħħar tal-ġurnata min se jbati?  Ħa jbatu n-nies. 

 Xogħol tajjeb  sar minn Gvernijiet Nazzjonalisti

Inħoss li, is-saħħa verament hija t-tarka għal fqir, tassigura l-ġustizzja soċjali, tara li kull pesuna għandha aċċess għas-saħħa mhux għax għandha xi vantaġġ imma għax hijha ugwali daqs ħaddieħor.  Din il-mozzjoni hija parti sħiħa bix tassigura li din il-ħaġa ssir u hija fl-interess nazzjonali u hija magħmula b’intelliġenza.  Aħna niġu attakkati, ġejna attakkati inġustament li aħna għamilna xi ħsara għal pajjiżna fil-Parlament Ewropew,  inkella li ma konniex kolleġjali mal-gvern fejn kellna nkunu kolleġjali.  Dan mhu minnu xejn.  Din il-mozzjoni tassigura li aħna, anke fuq affarijiet ta’ Unjoni Ewropea, għax hawnhekk hawn: 

  “Tipproponi li jitwaqqaf Kumitat Permanenti għas-Saħħa biex bil-għan li fost affarijiet oħrajn jiddiskuti u janalizza l-impatt tad-deċiżjonijiet tal-gvern u l-Unjoni Ewropea fil-qasam tas-saħħa”. 

Naħseb li din id-dikjarazzjoni waħedha xxejjen, tneħħi min-nofs kwalunkwe tiċpisa li saret fil-logħba medjatika li, sfortunatament, hemm min iħobb jilgħab fiha.  Aħna qegħdin biex nagħmlu x-xogħol tagħna tajjeb.  Aħna qegħdin hawn biex nassiguraw li meta dik il-mara fqira, dawk il-persuni li ma jistgħux, dawk in-nies li sabu ruħhom f’diffikultà, għandhom l-għodda, għandhom l-istrumenti għad-dispożizzjoni tagħhom biex jgħinuhom.  Sfortunatament, il-mard jiġi fuq kulħadd, jiġi bħal żiffa imma jmur biil-mod u rridu naċċettaw li fl-isptar hemm ħafna xogħol tajjeb li sar minn Gvernijiet Nazzjonalisti, hemm ħafna xogħol tajjeb li sar mill-ministri ta’ qabel.  Ejja nsemmuhom!  Ejja nsemmu lill-Onor. Joe Cassar, ejja nsemmu lil Dr Louis Deguara, ejja nsemmu lil kull min kellu dan il-portafol f’idejh daqshekk diffiċli u daqshekk sensitiv.  Mexa ‘l quddiem u ejja naċċettaw li mexa ‘l quddiem.  Aħna, bħala oppożizjoni, irridu nkomplu nassiguraw li dan il-ġid li għamilna mhux jitmermer, mhux imur lura imma jimxi iktar ‘il quddiem. 


Ma rridx nieħu iktar ħin minn dak li tani l-Onor. Claudio Grech imma rrid nagħlaq billi ngħġid li aħna, bħala oppożizzjoni, ressaqna din il-mozzjoni mhux bħala sinjal ta’ triomfaliżmu, lanqas bħala xi sinjal li se nieħdu xi kukarda politika imma bħal dejjem, bħald ik l-omm fil-kwestjoni ta’ Salamun, nagħżlu dejjem li nrabbu iktar din it-tarbija, inrabbu iktar l-istat tas-saħħa f’pajjiżna sabiex jibqa’ jimxi ‘l quddiem.  Ħadt pjaċir nisma’ lill-Ministru u l-Onor. Claudio Grech jitkellem fuq l-avvanzi li hawn imma dawn l-avvanzi ma twieldux mill-bieraħ għal-lum.  Jien ma kontx minsitru?  Meta tiġi biex tagħmel xi ħaġa tieħu l-ħin tagħha.  Ara, hawn xi ħadd jaħseb li qam filgħodu u filgħaxija se jirnexxilu jagħmel xi proġett kbir jew hawn xi ħadd jaħseb li f’ħakka t’għajn f’sentejn, tliet snin, se jagħmel il-mirakli.  L-affarijiet jieħdu l-ħin tagħhom, għandhom il-proċess tagħhom u ħadd ma jista’ jinnega f’din il-Kamra li s-sitwazzjoni fis-saħħa kienet tajba kif tħalliet mill-Partit Nazzjonalista u hija prijorità nazzjonali li l-Partit Nazzjonalista qed jidħol għaliha sabiex jassigura li s-saħħa ma tmurx lura, ma tiddgħajjifx, ma tispiċax xi settur magħmul biss għal min għandu l-flus imma jibqa’ settur li hwua b’xejn għal poplu Malti kollu u jibqa’ jingaħta fl-ogħla livelli possibbli.  Grazzi.  Sur President.  

No comments:

UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA - LAQGĦAT

22088. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ: Jista...