24.3.14

Il-bidla fl-eventi tad-dinja.



1.         Ftit jiem ilu ġiet nieqsa persuna li kellha sehem importanti ħafna fl-istorja politika ta’ pajjiżha.  Min jaf l-eventi jinduna kemm din il-mara, li daħlet sabiex issir avukat però abbandunat it-triq sabiex tiżżewweġ, ma kellha qatt f’rasha l-ħsieb li setgħet issir il-President tar-Repubblika ta’ pajjiżha.  Imma l-ħajja, minkejja dak li jistgħu jbassru dawk li huma attenti, li huma esperti, xorta tibqa’ tagħtik dak li ma tistenniex.  Hekk ġara fil-każ ta’ Corazon C. Aquino, omm ta’ ħames ulied, mart ġurnalist prominenti.  Persuna li ma kellhiex ebda sehem pubbliku u anqas ma kellha xi ambizzjoni f’din it-triq.

2.         Kif kienet popolarment magħrufa, Cory kienet twieldet fl-1933 u hija wkoll kienet parti minn familja numeruża f’dak il-pajjiż Kattoliku tal-Filippini.  Żewġha nvolva ruħu fid-dinja politika u sab lilu nnifsu jmexxi l-Oppożizzjoni kontra l-ħakma politika tal-konjuġi Marcos.  L-aġir ta’ Ferdinand u Imelda Marcos għadu suġġett għal diversi studji fl-abbużi kbar li wettqu.  Ta’ kif il-poter jiġi għas-servizzi privati tagħhom.  Kienu dittaturi li d-dinja tas-snin tmenin kienet għadha tara jaġixxu, bl-arja u bl-arroganza li poter inkontrollat jaf jagħti.  Bħall-konjuġi Ceaucescu u diversi oħra li kienu ttrasformaw kollox għat-tgawdija tagħhom, b’għażliet estravaganti u li jirbħu anke lil dawk li huma sinjuruni.

3.         Benigno Aquino qabad it-triq politika tiegħu b’ħidma mill-iktar marbuta ma’ dik demokratika.  Daq mill-ewwel id-dittatura meta fl-1972 ġie misjub inġustament ħati ta’ delitti ta’ sovverżjoni u pussess illegali ta’ armi u b’hekk spiċċa seba’ snin fil-ħabs.  Fl-1980 kien talab li jmur l-Istati Uniti ta’ l-Amerika sabiex issirlu operazzjoni f’qalbu u Ferdinand Marcos, bil-parir kuntrarju ta’ martu, bagħtu.  L-operazzjoni rnexxiet u Benigno, flok ħarab, iddeċieda li jerġa’ lura lejn pajjiżu.  Però appena niżel mill-ajruplan, iż-żewġ suldati li kellu skorta miegħu, sparawlu u qatluh kif miss siequ fuq it-tarmak.  Aġir mill-iktar viljakk.

4.         Kontra kull min seta’ jbassar il-futur, kontra kull sens ta’ loġika, martu sabet ruħha l-kap ta’ l-Oppożizzjoni b’kandidatura għall-Presidenza tal-pajjiż.  Għadni niftakar l-eventi mqanqla li permezz tagħhom ġiet formalment eletta u d-demokrazija restawrata, bil-konjuġi Marcos barra.  Mumenti ta’ tensjoni li sabu ruħhom parti mill-midja internazzjonali li, naturalment, dak iż-żmien stajna nsegwu mill-mezzi ta’ l-aħbarijiet Taljani.  Cory kien irnexxielha tegħleb kull diffikultà u bagħtet messaġġ ta’ tama għal diversi Stati oħra li kellhom l-istess sitwazzjoni bħall-Filippini.  Id-dinja baqgħet skantata kif din il-mara tad-dar umli f’egħmilha, spiċċat tneħħi lid-dittatura Marcos.

5.         Fl-1986, meta ġiet eletta, pajjiżna kien għaddej minn mumenti diffiċli bi gvern li kien fil-minoranza u Oppożizzjoni bil-maġġoranza tal-voti, gvern li kien qiegħed fir-raba’ sena tal-leġislatura u ma jridx iċedi l-poter minn idejh.  Meta nerġa’ niftakar f’dawk ix-xhur diffiċli, f’dawk li okkupaw il-karigi ta’ ministri u dawk li kien hemm fil-poter tal-partit u tal-apparat sħiħ ta’ klijenteliżmu sfaċċat tiegħu, wieħed illum jifhem dejjem iktar kemm l-esperjenza Filippina kienet riħ frisk u safi għalina.  Il-fatt li kien irnexxielha tirbaħ il-poter u ġġibu mhux għaliha, iżda għall-poplu tagħha, kien messaġġ qawwi ta’ tama, speċjalment għalina li konna qed ngħaddu minn passjoni.

6.         Corazon C. Aquino irnexxielha tniżżel isimha ma’ mexxejja oħra li dak iż-żmien kienu qed jikkumbattu l-elementi tad-dlam.  Ta’ dawk li riedu joqtlu l-apparat demokratiku sabiex jibqgħu fil-poter.  Jiġu mill-ewwel quddiem għajnejja persuni bħal Lech Walesa tal-Polonja, Nelson Mandela ta’ l-Afrika ta’ Isfel, li kull min kellu l-opportunità li jaqra x’kitbu jaf kemm batew.  Aquino kienet hemm, persuna kompletament differenti mill-politiċi l-oħra.  Anzi, kienet Kattolika prattikanti li ma tistħix tgħid li waqt il-Presidenza tagħha diversi drabi marret għall-irtiri, f’kunventi biex titlob l-għajnuna u tirrifletti.  Kienet persuna trasparenti u miftuħa, eżempju ċar ta’ kif l-eventi tad-dinja jistgħu jseħħu bi bnedmin umli u li huma miftuħa għas-servizz tal-proxxmu.

7.         Il-mewt tagħha b’kankru f’Awissu ta’ din is-sena, ovvjament ġiebet diversi bħali jirriflettu.  Kif il-politika hija ħafna, u fl-istess ħin, xejn.  Kif kapaċi tbiddel il-ħajja tal-bniedem għall-aħjar jew għall-agħar, kif dawk li l-inqas taħseb li ser ikollhom sehem effettivament ikollhom.  Il-funeral tagħha wera biċ-ċar kemm il-poplu baqa’ jirrispettaha.  Proprju għax kienet President għal kważi għaxar snin li kienu determinanti sabiex il-Filippini jieħdu lura l-libertà u d-demokrazija.  Hemm ħafna x’wieħed jitgħallem illum, però nillimitaw ruħna sabiex napprezzaw kemm dawk li l-inqas għandhom arja, kemm dawk li huma umli, kemm dawk li ma jibżgħux jgħidu li jaqblu ma’ linja ta’ ħsieb Kattoliku jsibu ruħhom fiċ-ċentru tal-bidliet it-tajba.


Artikolu li deher fl-Illum fis-16 ta Awissu 2009.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...