24.3.14

Id-dinja timxi fil-paċi



1.         Hemm diversi lezzjonijiet li nistgħu nieħdu mill-istorja.  Il-fatti, l-analiżi tagħhom, kemm dawn effettivament jaslu għand il-poplu huma parti mis-soluzzjoni sabiex tinduna x’inhuwa l-bniedem sewwasew.  Iservuh sabiex jimxi ‘l quddiem u japprezza aktar dak li hu.  Meta tqis kollox tara li l-paċi hija l-ikbar mertu l-bniedem jista’ jaspira għalih.  Fil-perjodi qosra li fihom id-dinja rat il-paċi, rat ukoll avvanzi fil-kwalità tal-ħajja, fil-ħsieb, fit-tagħlim u fl-ekonomija.  Il-gwerer diżastri biss wasslu.  Mwiet ta’ bnedmin fix-xejn, distruzzjoni ta’ pajjiżi, ekonomiji li fl-aħħar tal-ġurnata servew biss biex bagħtu lil diversi lura.

2.         Il-forza li għandu fih il-bniedem li jaħdem għas-sewwa trid tiġi apprezzata iktar.  Huwa minn l-abbiltà li tqum u terġa’ lura lejn it-triq li għandu biss il-bniedem, kif is-sekli twal jirnexxilhom juru. Din il-ġimgħa kellna żewġ appuntamenti importanti li fakkruna mill-ġdid fuq kemm il-gwerra ġġib distruzzjoni u ma sservi assolutament għal xejn.  Qed nirreferi, l-ewwel, għall-mewt ta’ l-aħħar suldat li ħa sehem fl-Ewwel Gwerra Dinjija, Harry Patek, li miet ta’ fl-età ta’ mija u ħdax-il sena; u t-tieni, l-erbgħa u erbgħin anniversarju mill-attakk nukleari ta’ Hiroshima u Nagasaki.

3.         Harry Patek li ħa sehem attiv f’dak il-konfront inutili, fejn il-bnedmin kienu jinqatlu qishom numri, f’kundizzjonijiet diżumani għall-aħħar, esprima ruħu diversi drabi kontra l-gwerra.  Biss, aktar minn dan, fuq l-“inutilità” tagħha.  Kemm huwa diffiċli sabiex nifhmu li l-kunflitti bħal dawn ma jwasslu mkien.  Huwa żball li nibqgħu naħsbu li huma “soluzzjonijiet” għax l-esperjenza turi li, minflok, huma kumplikazzjonijiet.

4.         L-attakki atomiċi tat-Tieni Gwerra Dinjija fuq il-Ġappun iwasslu huma wkoll sabiex nirriflettu fuq il-valur tal-ħajja u l-importanza tal-paċi.  Meta tikkunsidra li mija u erbgħin elf persuna mietu f’daqqa, tifhem kemm il-gwerra hija ġennata li ma tistax tiġġustifikaha.  Mhux biss, imma l-fatt li għad għandna mal-erbgħa u għoxrin elf bomba nukleari fuq il-pjaneta għandu jwassalna sabiex inħarsu lejn il-proposta ta’ Barack Obama sabiex mal-2020 inneħħuhom kompletament.  Hemm, iva, responsabbiltà morali u, ngħid jien legali, lejn l-umanità u l-paċi li nneħħuhom.

5.         Il-ġlieda hemm qegħda, fl-abbiltà tagħna bħala bnedmin sabiex infehmu u nifhmu li ma hemmx triq li għandha tibqa’ kkunsidrata.  Aħna nemmnu li l-paċi hija t-triq u għalhekk għandna naħdmu sabiex tinbidel klima li ilha għaddejja s-sekli.  Il-mexxejja tad-dinja jridu jgħaddu mill-proċess diffiċli li jirreġistraw fil-manwali tagħhom li l-gwerra hija kapitolu magħluq mhux biss għalihom imma għad-dinja tagħna.

6.         Il-proċess irid jittieħed bis-serjetà u dan ifisser li aħna għandna nikkonċentraw fuq iktar diskussjoni, djalogu u negozjati.  Dik hija t-triq it-tajba.  Ammirajt bil-kbir il-ħidma ta’ Bill Clinton li mar fil-Korea ta’ Fuq sabiex jitkellem magħhom u l-missjoni kienet suċċess.  Il-kundanni jistgħu jkollhom effett immedjat, però r-riżultati jiġu mid-diskussjoni.  Għalina l-paċi hija valur u biex tiġi assigurata rridu nkomplu naħdmu biex tikber il-kultura tas-sewwa.  Il-poplu tagħna jitlobhielna u aħna fid-dmir li nagħtuhielu.




No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...