5.3.14

Il-Partit Nazzjonalista jressaq żewġ ilmenti fil-konfront tal-PBS



Il-Partit Nazzjonalista llum ressaq żewġ ilmenti lill-Public Broadcasting Services. L-ewwel ilment hu dwar il-programm Dissett li xxandar ilbieraħ, 27 ta’ Frar, fuq l-istazzjon TVM. Għal dan il-programm ġie mistieden il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Emanuel Mallia waħdu biex jitkellem dwar numru ta’ temi differenti, fosthom il-bejgħ taċ-ċittadinanza, il-Korp tal-Pulizija, l-Armata, ix-xandir nazzjonali u r-responsabbiltà politika. Dawn it-temi huma ta’ natura politika kontroversjali u tul il-programm il-Ministru għall-Intern għadda numru ta’ kummenti politiċi fil-konfront tal-Partit Nazzjonalista. Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista qed jistenna li jiġi mistieden Kelliem tal-Partit Nazzjonalista waħdu biex jiddiskuti dawn it-temi f’edizzjoni sħiħa u li jmiss tal-programm Dissett.

It-tieni lment huwa dwar il-bulettin tal-aħbarijiet tal-bieraħ, 27 ta’ Frar, li fih ġiet irrappurtata r-reazzjoni tal-Ministru Emanuel Mallia għall-kummenti li kien għamel fid-diskussjonijiet bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni dwar l-iskema ta’ bejgħ taċ-ċittadinanza, fejn kien stqarr li jekk tiddaħħal imqar ġurnata waħda ta’ residenza fil-liġi dwar din l-iskema jirriżenja mill-Parlament. Minkejja li din il-materja ġiet żvelata mill-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Intern Jason Azzopardi fuq il-programm Realtà fuq TVM2, u minkejja li dakinhar il-PBS ma rax li dak li ġie żvelat kellu valur ta’ aħbar, ilbieraħ ġie rrappurtat dak li ntqal mill-Ministru Mallia mingħajr ma ngħatat opportunità lill-Oppożizzjoni biex tagħti l-verżjoni tagħha dwar din il-materja. Dan huwa każ ieħor li fih il-PBS qed ikun selettiv ħafna dwar il-mod kif jirrapporta l-aħbarijiet, bil-għan li javvanza l-aġenda tal-Gvern u jiċċensura lil kull min jgħid xi ħaġa li tista’ tkun imbarazzanti għall-Gvern Laburista. 



--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...