5.3.14

Il-Eurostat terġa’ tikkonferma żieda oħra fil-qgħad.



Il-Partit Nazzjonalista jagħmel referenza għall-istatistika ġdida dwar il-qgħad li ġiet ippubblikata mill-aġenzija Eurostat illum. Filwaqt li huwa pożittiv li l-Kummissjoni Ewropea qiegħda tbassar li l-ekonomija Maltija se tkompli tikber fis-snin li ġejjin, mit-tbassir għar-realtà hemm baħar jaqsam – u xhieda ta’ dan kienet il-konferma mill-Eurostat ta’ żieda oħra fil-qgħad matul ix-xahar ta’ Jannar.

L-istqarrija ppubblikata llum mill-Uffiċċju Ewropew tal-Istatistika turi li matul ix-xahar ta’ Jannar 2014 il-qgħad reġa’ żdied għal 6.9%, żieda sostanzjali meta mqabbla max-xahar ta’ Jannar 2013, meta l-qgħad kien ta’ 6.3%. B’mod preokkupanti, kompla jiżdied ukoll il-qgħad fost iż-żgħażagħ li issa jlaħħaq il-15.3%.

Dawn iċ-ċifri jikkonfermaw ir-rankatura fiż-żieda fil-qgħad, fattur li ma jista’ jiġi attribwit għall-ebda fattur internazzjonali. Tant u hekk, li għal dawn l-aħħar erba’ xhur, ir-rata tal-qgħad fl-Unjoni Ewropea baqgħet waħda stabbli.


Minkejja dawn l-indikaturi li qegħdin jagħtu twissija serja lill-Gvern dwar il-qgħad, il-Prim Ministru Joseph Muscat qed jibqa’ jwebbes rasu, jiknes il-problema taħt it-tapit u jipprova jsib kull skuża biex jinjora l-weġgħa ta’ kważi 8,000 ruħ li qed jirreġistraw għax-xogħol. Il-Partit Nazzjonalista jtenni li l-Prim Ministru ma jistax jibqa’ jinjora din il-problema u jinsisti li minnufih ilaqqa’ l-imsieħba soċjali u lill-Oppożizzjoni biex jiżviluppa pjan strateġiku dwar ix-xogħol.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...