11.3.14

Diskors Parlamentari tal-Budget.

Introduzzjoni.
Sur President, hija konswetudni soda f’dan il-Parlament li biha nesprimu n-nuqqas ta’ fiduċja tagħna fil-Gvern tal-ġurnata, u rrid nagħmilha ċara li mhux fil-Ministru personalment għax għandna rispett lejh u napprezzaw li matul l-aħħar xhur ġie mħabbat sew b’numru ta’ vjaġġi impenjattivi. Għalhekk, nirrepeti li anke jekk se nressaq il-kritika tal-Oppożizzjoni bl-ebda mod mhi intenzjonata biex tattakka lill-Ministru b’mod personali. Aħna qegħdin inressqu għall-konsiderazzjoni tal-poplu l-aġir, fl-opinjoni tagħna mhux dejjem korrett u ċar, tal-Gvern tal-ġurnata. 

Irrid nieħu l-opportunità biex min-naħa tal-Oppożizzjoni nirringrazzja lill-persuni li jaħdmu fil-Ministeru, mis-Segretarju Permanenti ‘l isfel, għax aħna konxji tax-xogħol involut u napprezzaw id-diffikultajiet u l-komplikazzjonijiet li minn żmien għal żmien jiġu ppreżentati quddiemhom għall-konsiderazzjoni u d-deċiżjonijiet tagħhom. Irrid nirringrazzja wkoll lid-diversi kontributuri li jiktbu fil-gazzettti b’mod regolari dwar dan is-suġġett, b’mod partikolari s-Sur Anthony Manduca f’”The Sunday Times”, in-numru ta’ editorjali li kienet għaddejja bihom “The Malta Independent”, kif ukoll il-ġurnalisti li jagħżlu li jirrapportaw fil-gazzetti dwar dan is-suġġett daqshekk importanti u impenjattiv. 

Bzonn ta Iktar Diskussjoni.
Sur President, bħal kull sena qegħdin niddiskutu l-politika barranija ta’ pajjiżna, u dan nagħmluh taħt il-parametri tal-estimi finanzjarji għall-Ministeru għall-Affarijiet Barranin kif indirizzati fl-estimi finanzjarji tal-Gvern. Hija wkoll okkażjoni biex niddiskutu suġġett daqshekk importanti u vitali għal pajjiżna.  Huwa importanti li niddiskutu l-politika barranija tagħna, anke jekk irrid nirrimarka li f’dawn l-aħħar disa’ xhur għad ma kellniex mument veru u proprju li fih stajna nressqu għad-diskussjoni sitwazzjonijiet li jkun għaqli għalina lkoll li nagħmlu diskussjoni u dibattitu dwarhom fil-Parlament. 

Ninsab konxju li saru numru ta’ stqarrijiet ministerjali li għalihom l-Oppożizzjoni jkollha l-ħin biex tistaqsi d-domandi fil-qosor, imbagħad wara l-Gvern ikollu l-opportunità jwieġeb fit-tul jew fil-qosor skont is-suġġett, però naħseb li dan mhuwiex biżżejjed. Naħseb li l-Ministru għandu jaqbel miegħi li hemm bżonn li jkollna dibattitu itwal. L-istqarrijiet ħafna drabi jkunu marbuta ma’ elenku ta’ fatti u eventi, imma ma jkunx hemm dibattiu miftuħ dwar xi strateġija għandna niedħu u xi prijoritajiet għandu jkollu l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, għal-lum u għas-snin li ġejjin.  Nappella lill-Gvern li jikkonsidra li jwettaq dan, għax pajjiżna jixraqlu li jkollu bdil ta’ ideat u opinjonijiet li jgħinuna lkoll sabiex inkomplu nassiguraw li l-politika barranija tal-pajjiż, kemm jista’ jkun ikollha l-kunsens taż-żewġ naħat tal-Kamra. 


Nispera li fix-xhur li ġejjin, forsi meta l-Ministru jkun iktar azzettat, ikollna l-opportunità li niddiskutu l-ewwel fil-Kumitat Permanenti, imbagħad iktar ‘il quddiem f’din il-Kamra, numru ta’ suġġetti li żgur, mhux forsi, huwa tajjeb li niddiskutuhom, kemm biex aħna stess naraw is-suġġett fl-irkejjen kollha tiegħu, kif ukoll biex inkunu nistgħu nimmarkaw fil-poplu li f’dan il-pajjiż hawn min jikkonsidra tajjeb il-politika barranija. Hemm bżonn ta’ kontinwità u kunsens, imma għalkemm ninsab ittantat, ma rridx ngħid li l-Gvern bil-maġġoranza li għandu diġà qed iħoss li jista’ jmexxi mingħajr ma jkellem lill-Oppożizzjoni u jħalliha ssir taf b’dak li qed iseħħ mill-gazzetti u l-press releases

Bzonn ta Kontinwita u Kunsens.
Nittama li ħadd ma jippretendi li għandna nbaxxu rasna għal dak li jingħad u nippermettu li jittieħdu deċiżjonijiet li jorbtuna fil-futur f’dan is-settur mingħajr ma nikkritikawhom fejn inħossu li m’hemmx il-kunsens tagħna dwarhom. Dmir l-Oppożizzjoni intom tafuh tajjeb u l-kunsens li bnejna fil-passat fuq diversi punti m’għandniex nipperikolawh. M’għandniex bżonn inkomplu nisimgħu diskors li l-Gvern welled xi relazzjonijiet ġodda fjamanti, jew xi linja ta’ politika ta’ barra minn hawn, għax ilkoll nafu li l-pajjiż u l-amministrazzjoni preżenti qegħdin igawdu minn dak li ħadna ħsieb nagħmlu aħna meta konna fil-gvern. Hawn irrid insemmi lid-diversi ex-Ministri tal-Affarijiet Barranin li għamlulna ġieħ kbir.

Se nibda mill-Presidenti Emeriti Dr Ċensu Tabone u Dr Guido de Marco – Alla jagħtihom il-ġenna – kif ukoll Dr Joe Borg, Dr Michael Frendo, Dr Tonio Borg u l-Onor. Francis Zammit Dimech li lkoll kemm huma ħallew il-marka ċara u diretta tagħhom u li ħadd ma jista’ jikkritikahom li b’xi mod ittraskuraw jew ma kkultivawx ir-rapporti tagħna ma’ diversi pajjżi oħra, għax għalihom kull pajjiż u poplu kien importanti. Aħna għandna l-vantaġġ li l-politika barranija tagħna hija stabbli u għalhekk irrid nagħmilha ċara li l-fatt li jsir diskors min-naħa ta’ dan il-Gvern li għamel xi rabta speċjali, jew li għamel iktar ma’ dak jew mal-ieħor, frankament ma jagħmilx ġid imma jimmina l-kunsens li għandna u li lkoll nafu li hemm bżonnu. 

Politika Barranija Stabbli.
Għalkemm iktar tard se niġbed l-attenzjoni tal-Ministru għal numru ta’ punti u fl-istess ħin nikkritikahom, irrid nafferma li f’dan is-settur għandna kunsens qawwi fuq diversi punti. Illum il-pajjiż mexa ‘l quddiem għax għamilna politika ta’ kunsens f’diversi setturi, b’mod partikolari fl-Unjoni Ewropea. Wieħed jinnota b’sodisfazzjon meta ttieħdu passi ‘l quddiem ma’ pajjiżi ġirien tagħna għal skambju, mhux biss fuq livell ta’ unjoni, imma anke bilaterali.  Ix-xogħol li sar riċentement mal-Itajla, mal-Greċja u ma’ Ċipru miexi fid-direzzjoni t-tajba u din hija t-triq li għandna nkomplu nikkoltivaw,  iktar u iktar b’dak kollu li ġej għal pajjiżna fil-kuntest tal-presidenza tagħna, li titlob ħafna ħidma u preparazzjoni minn kull ministeru. 

Illum il-Partit Laburista, almenu fil-parti l-kbira tiegħu, m’għadux kontra li Malta tieħu sehem fl-Unjoni Ewropea u għalhekk m’hemmx ostakli kbar biex ikollna politika barranija sostanzjalment stabbli u li ma tinbidilx ma’ kull elezzjoni. Il-kontinwità fil-politika barranija tagħna tkabbar il-fiduċja fina, kemm ta’ gvernijiet, kemm ta’ pajjiżi oħra, kif ukoll ta’ ivestituri barranin. Illum ilkoll naqblu fil-linji ġenerali tal-politika barranija tagħna, bħalma naqblu wkoll dwar l-Unjoni Ewropea, dwar il-politika fil-Mediterran u n-newtralità, li però m’għandux ifisser li m’għandux ikollna ħbiberija u relazzjonijiet tajbin ma’ dawk li sa ftit ilu kienu ż-żewġ superpotenzi, kif ukoll maċ-Ċina, mal-Indja u ma’ pajjiżi emerġenti oħra, bħall-Indoneżja, il-Brażil u l-Afrika t’Isfel. 

Lanqas hemm dubju li b’mertu taż-żewġ naħat tal-Kamra, illum intlaħaq kunsens importanti fuq il-Kunsill għall-Maltin li jgħixu barra minn Malta.  Infakkar li għax saret konsultazzjoni sħiħa u ġew inkorporati diversi punti ta’ proposti daparti tagħkom meta kontu fl-Oppożizzjoni, dan il-Kunsill qiegħed jaħdem tajjeb ħafna u hemm entużjażmu minn diversi Maltin li, għalkemm jgħixu barra, xorta waħda jqisu lilhom infushom bħala Maltin.  Kelli l-okkażjoni li niltaqa’ ma’ diversi membri ta’ dan il-Kunsill li m’hemmx dubju li hu kompost minn persuni tal-affari tagħhom u li qed jaġixxu b’mod tajjeb ħafna. Lanqas m’għandi dubju li għandna nkomplu nsostnu lil dan il-Kunsill u nimxu ‘l quddiem.

Però l-Ministeru jrid jara kif se jiċċara l-impressjoni ħażina li ngħatat fl-aħħar diskorsi tal-Prim Ministru fuq il-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza, fejn qabbel iċ-ċittadinanza ottenuta mill-Maltin li jgħixu barra minn Malta ma’ dawk li għada pitgħada se jixtru ċ-ċittadinanza tagħhom. Infakkar li kien Gvern Nazzjonalista li b’kunsens introduċa tliet riformi importanti fil-qasam taċ-ċittadinanza li ssarrfu f’ġid, fejn tajna ċ-ċittadinanza doppja awtomatikament lil dawk li twieldu Malta u minħabba li emigraw tilfu ċ-ċittadinanza Maltija. Tajnieha wkoll lil dawk li twieldu barra minn Malta minn ġenituri Maltin, imbagħad tilfuha għax akkwistaw ċittadinanza ta’ pajjiż ieħor, b’mod partikolari l-Awstralja.

Imbagħad, fl-aħħar tal-2007, meta kont Segretarju Parlamentari konna estendejna ċ-ċittadinanza lil kull persuna li tipprova li xi wieħed mill-antenati tagħha f’linja diretta, jiġifieri n-nanniet jew il-bużnanniet, kienu Maltin imweldin f’Malta. Din ġiet apprezzata u wżata tajjeb ħafna. Irrid infakkar lil din il-Kamra li, b’mertu ta’ dan, ‘il fuq minn 3,500 persuni Matin li jgħixu barra minn Malta saru ċittadini Maltin.  Din hija xi ħaġa li għandna niftaħru biha, però meta l-Prim Ministru semma li kien hemm 7,000 ruħ li l-Partit Nazzjonalista kważi nnaturalizzahom, kien qed jinkludi wkoll lil dawn it-3,500 persuna.  Smajt li kien hemm min ħa għalih fuq din il-ħaġa u rrid ngħid li l-Ministeru għandu jieħdu ħsieb li din tiġi ċċarata u spjegata lil dawk il-Maltin li ħassewhom offiżi.

Aħna nsegwu wkoll dak li qiegħed isir fuq il-kwestjoni tal-Lvant Nofsani, inkluż il-  ħidma tas-Segretarju tal-Istat John Kerry u dak li qiegħed jiżviluppa.  Hawn ukoll iż-żewġ naħat tal-Kamra għandhom pożizzjoni ugwali, u nerġa’ nafferma li f’dan il-qasam dejjem għamilnieha ċara li aħna m’għandna xejn kontra ħadd, anzi nemmnu li Iżrael mhux biss għandu dritt li jeżisti – allaħares m’għandux dan id-dritt –  imma li jeżisti f’ambitu u fi fruntieri ċerti u siguri mingħajr biża’, attakki u perikli, iżda dan taħt l-ebda raġuni ma jista’ jiġi ggarantit bi skapitu tad-drittijiet tal-poplu Palestinjan. Din kienet il-pożizzjoni li aħna dejjem żammejna, għax nafu li l-poplu Palestinjan matul is-snin ġie kkalpestat u umiljat minkejja d-diversi roadmaps –  qishom ir-roadmaps ma tantx jirnexxu fid-dinja – u riżoluzzjonijiet tal-Ġnus Magħquda.  Għalhekk wieħed għandu jara li kemm jista’ jkun din is-sitwazzjoni timxi ‘l quddiem.  Hawn ma jien qed nivvinta xejn ġdid, għax aħna minn dejjem sostnenja din l-aspirazzjoni għall-poplu Palestinjan u għall-Istat tiegħu. 

Infakkar li l-Gvern preċedenti kellu d-diffikultajiet tiegħu meta ġie għall-vot dwar ir-rikonoxximent fil-UNESCO u, kif jaf il-Ministru, aħna ma kkritkajna bl-ebda mod il-vista tiegħu u tal-Prim Ministru fir-rigward ta’ dan ir-reġjun, li nibtet mir-relazzjonijiet tajba li wirtu mingħandna u li serviet pożittivament sabiex insemmgħu l-vuċi tagħna.  Infakkar li kien Gvern Nazzjonalista li fetaħ uffiċċju f’Ramallah u Tel Aviv.  Din il-linja tgħodd ukoll għad-diversi pajjiżi oħrajn li żammejna relazzjonijiet tajbin magħhom u li hemm bżonn li nkomplu nibnu fuqhom.  Fost dawn insemmi l-Istati Uniti tal-Amerika, li għamilna diversi passi magħhom b’relazzjoni speċjali. Hemm elenku ta’ punti li servew sabiex nimxu ‘l quddiem, fosthom il-programm volontarju li jikkonċerna r-refuġjati. Infakkar li dan sar b’mertu tagħna wkoll u llum ġew rilokati madwar, jekk mhux iktar, minn elf persuna. Dan apparti d-Double Taxation Agreement li minnu qed nirċievu madwar $5 miljuni fis-sena, apparti l-Visa Waiver Programme, li nittama li ma jiġix minsus bil-Liġi taċ-Ċittadinanza. 

Qed nieħu pjaċir li se jsir istitut f’Malta biex jiffaċilita l-preparazzjoni u l-formazzjoni li tista’ tingħata lil min irid jaħdem fl-isfera tad-demokrazija u ninsab żgur li l-kunċett tal- globalizzazzjoni tal-liġi se jkun pass pożittiv għal dan l-għan.  Iċ-Ċina hija wkoll pajjiż li żammejna relazzjonijiet tajbin ħafna magħha, jekk mhux eċċellenti, b’mod intelliġenti u b’rispett reċiproku. Kif nafu, taħt l-amminstrazzjoni preċedenti ġew iffirmati numru konsiderevoli ta’ trattati u ħadd ma jista’ jmeri li kien proprju taħt Gvern Nazzjonalista li ksibna ċentru kulturali fil-Belt, li hu attiv u sinjal ta’ preżenza ċara. Ir-relazzjonijiet magħhom huma verament eċċellenti u umilment infakkar li wara l-kriżi tal-Libja, il-Prim Ministru Wen Jiabao bagħat ittra mill-isbaħ ta’ ringrazzjament lill-Prim Ministru Lawrence Gonzi ta’ dak iż-żmien għal dak li għamilna fl-evakwazzjoni ta’ diversi Ċiniżi li kien hemm fil-Libja. 

Il-pożizzjoni tagħna fil-konfront ta’ dak li sar mill-Gvern preżenti fuq l-enerġija ma kenitx kontra dan il-poplu, imma kontra l-mod żbaljat ta’ kif aġixxa dan il-Gvern fuq l-operazzjoni. Il-pożizzjoni tagħna kienet tkun l-istess fil-konfront ta’ kull ftehim li jsir b’dan il-mod, anke ma’ ħaddieħor. L-istess jgħodd għar-relazzjonijiet tagħna mar-Russja li m’hemmx dubju li kkultivajniehom u dejjem hemm il-lok li wieħed jimxi ‘l quddiem, kif it-tnejn li aħna naqblu li għandna nimxu ‘l quddiem fuqhom.  Infakkar li l-Ministru tal-Affarijiet Barranin ta’ dak iż-żmien, illum Kummissarju fl-Ewropa Dr Tonio Borg, kien iltaqa’ wkoll mal-Ministru Sergei Lavrov li flimkien kienu ħadmu dwar il-ftehim tal-ħelsien mit-taxxa doppja. Dwar il-Mediterran inħoss li għandna nibqgħu impenjati biex nissodaw ir-reġjun u biex dak li ġie mwaqqaf jibqa’ jaħdem.  Hawn qed nirreferi għall-Union of the Mediterranean, il-Euromed, il-Barcelona Process u l-5+5.  Dawn huma kollha vitali u għandna nkomplu naħdmu fihom u ninsitu fil-fora Ewropej biex inżommuhom attivi u ħajjin. Naħseb li huwa punt importanti ħafna għalina li nkomplu nsostnu li dawn il-laqgħat jibqgħu jsiru u dawn il-fora jibqgħu attivi u ħajjin. 

Hemm diversi punti oħrajn li għandna qbil fuqhom u li flimkien imxejna ‘l quddiem fihom. Din hija xi ħaġa pożittiva u għandna nibqgħu għaddejjin billi nirrispettaw lil xulxin mingħajr ma nidħku b’xulxin jew bil-poplu.  Aħna nirrikonoxxu li n-nuqqas ta’ paċi fil-Mediterran tħalli effett poltiku, soċjali u ekonomiku negattiv u għalhekk għandna nibqgħu impenjati għax Mediterran b’saħħtu jfisser ġid, paċi u stabbiltà għalina wkoll.  Dwar il-pajjiżi tal-Golf aħna naqblu li għandna nkomplu naħdmu f’din il-linja ta’ koperazzjoni u rrid infakkar li kienet proprju l-gwerra ċivili tal-Libja li kompliet fetħitilna l-bieb ma’ dan ir-reġjun. 

Infakkar li ġew ffirmati ftehimiet, fosthom id-Double Taxation Agreement mal-Bahrain u mal-Qatar, imbagħad kellna oħrajn fil-qasam tas-saħħa mal-Kuwait, mal-Qatar u mal-Bahrain.  Kienu ġew konklużi wkoll trattati fuq taxxa doppja mas-Saudi Arabja u mal-Oman. Ftaħna wkoll ambaxxata Maltija fil-Kuwait u għandna ambaxxata tal-Kuwait hawnhekk. Għalhekk ikun tajjeb li nkomplu sejrin f’din id-direzzjoni, basta b’attenzjoni kbira.  Hemm qbil ukoll rigward il-preżenza tagħna fil-fora internazzjonali u m’għandniex nitilfu l-preżenza u l-ħidma tagħna fin-Nazzjonijiet Uniti. Infakkar li minkejja d-dimensjoni tagħna, aħna tajna xiehda tar-relevanza tagħna għal-Law of the Sea, il-Climate Change u l-kwestjoni tal-Ageing

Dawn huma inizjattivi li jagħmluna relevanti u naħseb li għandna nkomplu naħdmu fuqhom. Għalhekk hemm bżonn isiru diskussjonijiet iktar qawwija bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra fuq il-futur tagħna f’dawn id-diversi organizzazzjonijiet, b’mod partikolari għall-OSCE li fiha rnexxielna nżommu l-aġenda tal-Mediterran.  Naħseb li dan huwa punt tajjeb ħafna li m’għandniex immorru lura minnu.  L-istess ngħid għall-Kunsill tal-Ewropa, li wkoll għamilna ħafna xogħol fih. Qabel konna nagħtuh iktar importanza milli konna qegħdin nagħtuh f’ċertu żmien, però naħseb li peress li qbiżna l-ewwel għaxar snin fl-Unjoni Ewropea, hemm bżonn ta’ ftit re-thinking tas-sitwazzjoni tagħna fil-Kunsill tal-Ewropa biex naraw jekk l-istrateġija li qegħdin nieħdu u l-passi li qegħdin nagħmlu humiex tajbin sabiex nimxu ‘l quddiem. 

Prijoritajiet li ma jaghmlux Gustizzja mal-Ministeru.

Ministru, aħfirli niġbidlek l-attenzjoni li l-prijoritajiet li daħlu fid-Diskors tal-Baġit ma jagħmlux ġustizzja mal-Ministeru tiegħek. Bir-rispett kollu, fl-opinjoni tagħna ma kienx proprju l-aħjar mod ta’ kif tiddikjara l-politika barranija tagħna, meta fid-Diskors tal-Baġit sibt paragrafu li llum ninsab iktar u iktar ċert li la nkiteb minnu u wisq inqas ġie kkonsultat fuqu, fejn hemm, ippermettili ngħid, linji li mhuma ċari xejn. Minn dak li qrajt sibt li dak li nkiteb ma jagħmilx ġustizzja għal dan is-settur li jitlob kunsens. Il-Ministru ġustament insista għal dan diversi drabi meta kien fl-Oppożizzjoni. Insibu dikjarazzjonijiet li ma kellhomx għalfejn isiru u fl-opinjoni tagħna qed iwasslu għal sitwazzjoni redikola. Infakkar lill-Ministru f’dak li hemm miktub fid-Diskors, li l-politika barranija tagħna se titmexxa skont sitt prijoritajiet, filwaqt li jien għoddejt sebgħa, li huma s-segwenti:

“Se nsaħħu s-sehem tagħna fl-Unjoni Ewropea.”

Bħallikieku kien hemm bżonn ngħiduh dan! 

“Se nsaħħu r-relazzjonijiet tagħna mal-Istati Uniti, ir-Russja, iċ-Ċina u l-Istati tal-Golf.”.

Tajjeb!  Dawn biss?  Xi prijoritajiet oħrajn għandna? 

“Se naħdmu sabiex tissaħħaħ il-paċi u s-sigurtà fil-Mediterran u sabiex tinstab soluzzjoni ġusta u dejjiema għall-paċi fil-Lvant Nofsani.”.

Kien hemm bżonn nirrepetu dak li huwa ovvju li hemm bżonn isir?

“Se nipparteċipaw attivament f’organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali.”.

Mhux dejjem hekk għamilna?  Possibbli hemm min jaħseb li meta morna fil-passat jew meta se mmorru llum, se mmorru hemmhekk biex ma nkunux parteċipi u attivi? 

Il-ħames:

“Il-miri tal-iżvilupp tal-Millennju se jibqgħu prijorità.”.

Is-sitt waħda:

“Attenzjoni speċjali qiegħda u se tibqa’ tingħata lill-isfidi kkawżati mill-influss kontinwu ta’ immigranti irregolari lejn xtutna.  Se nħarsu l-interessi ta’ pajjiżna kullimkien u b’kull mezz.”.

Tajba din!  Hawn waqa’ kollox fuqek, Ministru! 

Is-seba’ waħda:

“Il-komunità Maltija li tgħix barra se tinstema’ waqt it-tfassil tal-politika tagħna.  Irridu ninkoraġġixxu l-involviment tagħhom fl-isforzi tagħna għall-promozzjoni ta’ Malta fl-oqsma kummerċjali u kulturali.”.

Mhux diġà qegħdin nagħmlu hekk? X’hemm ġdid, Ministru? Bir-rispett kollu lejk, Ministru, int żgur kont titkibha differenti u forsi kont tara li jidħlu punti oħrajn ferm iktar relevanti u li jimmeritaw li fid-diskors dwar il-Baġit, fejn il-Gvern qiegħed jagħmel il-politika tiegħu, din tkun ċara. L-iktar ħaġa ċara u ovvja kienet proprju li wieħed isemmi l-Commonwealth, li l-ġimgħa li għaddiet attendejtu għaliha inti u l-Prim Ministru. Possibbli l-Ministru għall-Finanzi nesa jsemmi l-Commonwealth?! Irrid ngħid li minn dak li rajna, f’daqqa waħda l-Commonwealth saret prijorità għax kontu nsejtuha u ħallejtuha barra, allura issa daħlet lura malajr, malajr!  Din l-għaqda, li fiha ħdimna fl-imgħoddi, għadha importanti u mhux ta’ min ibaxxiha fil-prijoritajiet. Kont nistenna li jekk insemmu l-politika barranija, almenu konna nsemmu l-Commonwealth.

Xorta waħda huwa tajjeb li se jkollna din l-attività u għalkemm mhux se jkun faċli biex torganizzaha fi żmien daqshekk qasir u mingħajr id-diversi persuni li kellhom esperjenza passata li tneħħew minn posthom, kif għidt lill-Ministru jumejn ilu, aħna favur li tiġi organizzata din il-laqgħa f’Malta. Ovvjament wieħed irid joqgħod attent li ma niġux interpretati li qegħdin nagħtu t-tberik lill-aġir anti-demokratiku u kontra d-drittijiet tal-bniedem. Dawn għandhom jibqgħu kkundannati u jsir l-isforz sabiex ngħiduha b’mod ċar u dirett wkoll lil dawn in-nies.  (Onor. Membri: Hear, hear)  Meta nitkellmu b’mod diplomatiku f’dawn il-fora kulħadd jikber u anke lil min jista’ jidher li hu skomdu, nagħmlulu ġid li nressqulu dawn il-konsiderazzjonijiet. 

Niġbed ukoll l-attenzjoni tal-Ministru li fil-leġiżlatura preċedenti kien sar sforz marbut mal-pajjiżi magħrufa bħala l-Western Balkans. Ir-raġunament tagħna dak iż-żmien kien li għandna nkunu ħbieb magħhom sabiex ninvestu fihom qabel ma jidħlu kollha fl-Unjoni Ewropea, però anke din ġiet abbandunata minn dawn il-prijoritajiet. 

Board of Review of Malta’s Representations Overseas”

Qed ngħid hekk għax tul din il-leġiżlatura l-Ministru għamel tajjeb li kkummissjona rapport imsejjaħ “Board of Review of Malta’s Representations Overseas”.  Dan ir-rapport ġie ppubblikat fit-18 ta’ Lulju, 2013 u tmexxa mill-Professur Stephen C. Calleya, li huwa d-Direttur tal-MEDAC. Dan ir-rapport il-Ministru għamlu pubbliku u qiegħed għad-dispożizzjoni ta’ kulħadd fuq il-website, u ta’ dan nirringrazzjah.  Saret biċċa xogħol tajba ħafna fejn saru numru ta’ rakkmandazzjonijiet li l-prijoritajiet tal-Baġit qed jinjoraw partijiet importanti u vitali tagħhom. 

Ninsab ċert li l-Ministru jafu tajjeb dan ir-rapport, li huwa road map, jew forsi aħjar ngħid li huwa viżjoni tajba ħafna, li kont nistenna li se niddibattu f’xi ħin. Hawn kull ma nista’ nagħmel hu li nħajjar lill-Ministru jressqu f’xi seduta iktar ‘l quddiem sabiex niddiskutuh. Sakemm tiġi dik il-ġurnata, irrid ngħid li l-prijoritajiet li ġew elenkati hemm, fil-maġġoranza tagħhom ġew injorati. Kieku d-Diskors għamel referenza sempliċi għal dan ir-rapport kien ikun iktar milli biżżejjed, imma jidher ċar li f’dan il-każ kellna sitwazzjoni fejn id ma tafx x’inhi tagħmel l-id l-oħra! F’dak ir-rapport jissemma li hemm bżonn jitwaqqaf commercial and economic diplomacy unit, li għandu jkun hemm attenzjoni għall-branding li iktar tard nittama li nitkellem iktar dwarha, u li għandu jiddiskuti l-futur tal-ambaxxati tagħna dettaljatament sabiex jara kif se nkomplu nsaħħu r-relazzjonijiet, fosthom kif nistgħu naħdmu aħjar mal-pajjiżi li qegħdin fi transizzjoni politika bħall-Eġittu, il-Libja u t-Tuneżija, li hawn ma jissemmewx. 

Tissemma ċ-Ċina mal-Indja – il-Ministru għadu kif iffirma ftehim rigward il-visa tad-diplomatiċi – il-Kanada mal-Istati Uniti, il-Polonja mar-Russja, l-Awstralja, Iżrael u t-Turkija. Dawn stranament tħallew barra mill-prijoritajiet tad-Diskors tal-Baġit, però għall-Ministru għall-Finanzi jidher ċar li dan mhuwiex importanti. Anke jekk mhux f’dan ir-rapport, bir-rispett kollu, daqskemm iltaqa’ ma’ kapijiet ta’ stati l-Prim Ministru, kont nippretendi li se jsibu posthom diversi stati oħrajn bħall-Ukrajna u l-Alġerija, imma naħseb li l-eżerċizzju li rajna matul is-sajf seta’ kien indirizzat iktar fit-triq tal-aljenazzjoni milli tax-xogħol!

L-Immigrazzjoni Irregolari.

Xtaqt nieħu l-opportunità biex nitkellem dwar l-immigrazzjoni irregolari li issa hija waħda mill-prijoritajiet tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin. Huwa ċar li dak li ġie ddikjarat fid-Diskors tal-Baġit ma kienx feliċi assolutament, biss minnu ħareġ iktar ċar li l-Ministeru se jieħu r-responsabbiltà totali fuq is-settur tal-immigrazzjoni irregolari.  Nixtieq infakkar lill-Ministru li l-kliem użat hu:

“Attenzjoni speċjali qiegħda u se tibqa’ tingħata lill-isfidi kkawżati mill-influss kontinwu ta’ immigranti irregolari lejn xtutna.  Se nħarsu l-interessi ta’ pajjiżna kullimkien u b’kull mezz.”.

Din il-kwestjoni bla ebda dubju hija waħda kbira li timmerita attenzjoni.  Hija wkoll waħda mill-isfidi l-kbar, jekk mhux l-ikbar, li għandu quddiemu pajjiżna, imma din l-isfida mhijiex f’idejn il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin biss, għax mid-diskors jidher ċar li mkien iktar ma issemmiet, jekk mhux taħt dan il-Ministeru. Skont dan id-diskors ħadd m’għandu din ir-responsabbiltà jekk mhux il-Ministru George Vella.  Aħna nafu li dan jitlob attenzjoni ta’ gvern sħiħ u mhux ta’ parti biss, u jeħtieġ verament l-użu tad-diplomazija fl-ogħla livelli. Diskors iebes u aġir żbaljat, minflok ma jġib attenzjoni, iġib nuqqas tagħha. Għalhekk hemm bżonn li tibdew iġġibu l-pożizzjoni tagħkom fl-ordni, għax s’issa b’dak li għamiltu ma rnexxielkom taslu mkien, salv li titilfu diversi vantaġġi li kien irnexxielna nirreġistraw qabel. Infakkar lill-Ministru li hu stess kien jirrikonoxxi dak li sar u saħansitra kien faħħar lill-Kap tal-Oppożizzjoni, l-Onor. Simon Busuttil, meta kien membru parlamentari Ewropew, fuq dan is-suġġett.   

Il-Ministru ftit ġimgħat ilu pprova jwaqqagħni għaċ-ċajt meta staqsejtu jekk il-Gvern għandux jikkonsidra li joħroġ iktar flus sabiex jgħin lill-Gvern attwali tas-Somalja.  Għamel sew li attenda għall-konferenza fi Brussell “A New Deal for Somalia” u faħħartu fuq dan, imma deherli li r-risposta tiegħu lejja ma kenitx ġusta. Qed ngħid dan għax fid-domanda kont għamiltlu l-premessa li tul din l-aħħar sena kien hemm gvern ta’ ċerta stabbiltà li qabel ma kienx hemm. Għalhekk staqsejt jekk għandhomx jikkonsidraw li jżidu l-kontribuzzjoni ta’ pajjiżna lejn dak il-pajjiż mill-€50,000 li se jagħtu kull sena. Għidtlu dan għax fl-aħħar snin il-maġġoranza ta’ persuni li ħarbu minn hemm u waslu hawn bi tbatija kbira ġew minn dak il-pajjiż. Jien għamilt il-ħames snin tal-aħħar leġiżlatura nsegwi biċċa, biċċa dak li kien qed jiżviluppa hemm, bit-terroriżmu li kien għaddej. 

Jekk ikun hemm l-istabbiltà f’dak ir-reġjun, diversi persuni li qegħdin hawn jew li għaddew minn hawn jerġgħu jmorru lura. Għalhekk għalija hi prijorità li nagħtuhom assistenza ikbar, jew differenti. Iva, nafu li rridu nagħtu assistenza lil dawk li hawn f’pajjiżna, imma jekk irridu verament inħarsu ‘l quddiem, il-Ministru kellu jikkonsidra attivament li jżid din l-assistenza.  Ippermettili ngħid li qatt qabel dak inhar ma konna tajna lil pajjiżi oħra, mhux li għandhom il-problemi enormi ta’ failed state bħas-Somalja, imma li kellhom diżastri naturali bħat-terremot f’Chang-Shu-Wan fiċ-Ċina fejn ħriġna €23,000, dak ta’ Haiti fejn ħriġna €90,000 u ċ-ċiklun ta’ Myanmar meta ħriġna €45,000. Għalhekk ma nafx għalfejn il-Ministru ddeskriva dak li kont qed nistaqsih, jiġifieri biex jerġa’ jikkonsidra, bħala ipokresija jew li qed nipprova nirredikolah. 

Hawn umilment qed nerġa’ nressaqlu dan il-punt sabiex jikkonsidrah mill-ġdid.  Jekk ikun hemm stabbiltà u paċi u ngħinu sabiex titwaqqaf ekonomija, allura nkunu qegħdin insolvu parti kbira minn din it-traġedja umana li tneħħi l-possibbiltajiet ta’ traffikar u sfruttament kriminali li għadu għaddej. Bir-rispett kollu, din kellha tkun waħda mis-seba’ prijoritajiet tagħkom. Għalhekk irridu  naħtfu din l-opportunità llum, inkella nitilfuha. Ministru, jien kelli x-xorti niltaqa’ ma’ numru minn dawn in-nies u nista’ ngħidlek li dak li għamilna magħhom u għad irridu nagħmlu, japprezzawh żgur.  L-immigrazzjoni irregolari huwa suġġett iebes ħafna u mhuwiex faċli, biss trid tibqa’ taħseb ‘il quddiem u għalkemm m’iniex nara sinjali ta’ dan, għandi t-tama li jekk kollox ikun f’idejk, inti tieħu deċiżjonijiet tajbin.

Branding.

Lill-Ministru ngħidlu li f’paġna 10 tar-rapport li sar mill-Board of Review intitolat Malta’s Representations Overseas hemm parti essenzjali għal pajjiżna.  Din tgħodd aktar u aktar wara l-iżball li sar meta daħħalna fis-seħħ il-liġi dwar iċ-ċittadinanza li sal-lum il-ġurnata għandna l-klawsola tas-segretezza. Aktar minn hekk, wara li ħadna daqshekk pubbliċità ħażina, dak li nkiteb fid-Diskors tal-Baġit mhuwiex propizju. Ma nistgħux mmeru l-fatt li daħlet impressjoni żbaljata f’diversi pajjiżi u fl-opinjoni pubblika, u din trid tiġi rranġata. Il-Board of Review fir-rapport tagħhom ma setgħux kienu aktar ċari meta qalu hekk:

Branding a country is an important yet difficult task. Building a brand and a positive image for a country is a costly, long-term process. Yet, one can introduce measures that could facilitate this process in a step by step approach.”.

Għaldaqstant dan il-Bord għamel xi suġġerimenti “that will help raise the profile of commercial and economic diplomacy” u fost dawn insibu partner country events, national anniversaries funds u tibdil in the Ministry’s communication tools.  Dawn huma kollha suġġerimenti tajbin u skont l-istqarrija li għamel il-Ministru jidher li qiegħed iħares lejhom pożittivament għalkemm fl-Estimi m’hemm l-ebda fondi ġodda allokati għal dawn l-għanijiet. 

Il-konċett tal-partner country jidher li ġie abbandunat. Infakkar lill-Ministru li hawnhekk kien ġie propost li għall-ħames snin li ġejjin nagħżlu ħames pajjiżi jew reġjuni fejn immorru.  Fil-fatt konna għażilna r-Renju Unit għas-sena 2014, iċ-Ċina għas-sena 2015, il-Ġermanja għas-sena 2016, il-Kuwajt u l-Emirati Għarab Magħquda għas-sena 2017 u l-Libja għas-sena 2018. Prijoritajiet tajba li, sfortunatament, jidher li ġew abbandunati għalkollox. Għaldaqstant naħseb li issa dak li hawn indikat jitlob attenzjoni aktar minn qatt qabel.

Pajjiżna mar lura waħda sew fix-xenarju Ewropew u internazzjonali.  Ma ħsibnihiex biżżejjed din il-liġi.  Morna kontra dak li hu sewwa u dak li hemm f’qalb kull bniedem u issa l-Gvern stess qed jgħid li għadda liġi li hija żbaljata. Fil-fatt se jneħħi biċċa minnha jew se jħalliha fl-Att prinċipali imma jeskludiha b’kunflitt legali f’dik sussidjarja. Jien ma nafx x’immaġini qed nibagħtu barra minn Malta u x’qed jiġi rappurtat mill-Ambaxxati li għandna fuq din is-sitwazzjoni. Huwa kompitu tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin li jiċċara din is-sitwazzjoni u jikkorreġi din l-immaġini ħażina li, ngħidu x’ngħidu, pajjiżna ħa fil-gazzetti barranin.

Ambaxxaturi Godda.

Nixtieq ngħaddi xi ftit kummenti dwar l-ambaxxaturi l-ġodda. Naf li l-Ministru m’għandux aktar flus ivvutati sabiex isir il-branding u, jekk rajt tajjeb, salv xi tibdiliet fuq l-allowances jew is-salarji, m’hemmx żidiet f’dan is-settur.  Konsegwenza ta’ dan, pajjiżna se jkun qed jiddependi b’mod aktar qawwi fuq il-kwalità u l-esperjenza tal-ambaxxaturi li għandna. Jien nemmen li l-ambaxxaturi m’għażilhomx il-Ministru iżda ġew imposti fuqu minn Kastilja. Ħafna mill-għażliet mhumiex indikati u tant iddaħħlu persuni li ma kellhomx idaħħlu li lanqas għandi bżonn noqgħod naqbad wieħed wieħed.  

Mingħajr ma nnaqqas mill-mertu tal-ambaxxaturi li servew qabel ngħid li jien m’għandi ebda oġġezzjoni li l-Imħallef Joseph Filetti jkun wieħed minn dawn, u lanqas diversi diplomatiċi li jafu xogħolhom. Min-naħa l-oħra però ntgħażlu wkoll nies li fil-maġġoranza tagħhom m’għandhom esperjenza ta’ xejn.  Għandhom esperjenza fuq affarijiet oħrajn imma mhux fuq dan is-settur, liema settur illum qiegħed jikber fl-importanza tiegħu u jirrikjedi speċjalizzazzjoni, u hemm bżonn li jintuża biex l-immaġini ħażina li ħadna b’din il-liġi taċ-ċittadinanza tiġi korretta. 

Ħafna għażliet li saru cry out to heaven.  Mhux se nsemmihom għaliex ma naħsibx li nkun leali jekk nattakka lil xi ħadd li mhuwiex preżenti u li tkun diffiċli għalih li jweġibni, però ppermettuli ngħid li ħafna għażliet huma tal-mistħija u verament skandalużi.  Dan apparti l-fatt li dak li sar hawn qiegħed kompletament ikisser dak li għamel il-Board of Review ikkummissjonat mill-Ministru fir-rapport Malta’s Representations Overseas. Dak kollu li hemm indikat fil-punt 2.6, The Future of MROs sa paġna 21, naħseb li ma tantx nistgħu nittamaw fih.  Bil-persuni li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu l-Ministru – diversi ambaxxaturi huma bla esperjenza u dan ma jistax imerih, dawn qegħdin hemm sempliċement b’golden handshake – ma nafx x’jista’ jagħmel għall-branding, għall-immigrazzjoni irregolari u għall-prijoritajiet ta’ pajjiżna. 

Illum nifhem aktar għalfejn il-Ministru ħarab kompletament minn dak li pproponejtlu fis-sajf, jiġifieri li qabel ma jiġu magħżula l-ambaxxaturi jidhru quddiem il-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet Barranin u Ewropej. Kieku aċċetta konna nistabbilixxu preċedent ieħor favur li jiġu magħżula persuni li jkunu ta’ servizz għal pajjiżna, però l-Gvern attwali, dan il-Gvern progressiv u mimli trasparenzi u meritokrazija, irrifjuta.  U dan apparti li qalbu kompletament il-proċess pożittiv li kien inbeda sabiex idaħħlu aktar persuni li huma diplomatiċi tal-karriera. Qabel il-figuri kienu favur ambaxxaturi tal-karriera però issa l-Ministru dawn ġabhom kompletament fix-xejn. Fil-fatt skont il-figuri li għandi sa qabel l-aħħar elezzjoni kien hemm 42.3% li kienu ħatriet politiċi u 57.7% tal-karriera filwaqt li llum għandna 65.6% li huma ħatriet politiċi u 34.4% tal-karriera.  Dan ifisser li kellna żieda ta’ kważi 24% fil-ħatriet politiċi.  Għalija din hija daqqa ta’ ħarta lill-pajjiż u lill-istorja tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin li żgur ma tixraqlux. 

Sur President, irrid nagħmel ukoll kumment fuq l-aġir fil-konfront ta’ numru ta’ persuni li taw kontribut ġenwin u ġabru esperjenza siewja.  Lil dawn tawhom daqqiet ta’ sieq qishom m’għamlu xejn meta dawn, fl-aħħar leġiżlatura qdew tajjeb diversi impenji onerużi, bħal, pereżempju, il-kwestjoni tal-immigrazzjoni, il-kwestjoni tal-Libja u l-għażla ta’ pajjiżna bħala s-sede tal-European Asylum Support Office, apparti li ħafna minnhom ħadu sehem fl-organizzazzjoni taċ-CHOGM fl-2005.  Però ġew jaqgħu u jqumu minn dan għax l-ordnijiet minn Kastilja kienu differenti! Ma kien hemm ebda forma ta’ konsiderazzjoni għal ħafna u l-familji tagħhom.  L-aqwa li jinqdew dawk li ddeċidiet Kastilja mingħajr ebda ħsieb, konsiderazzjoni jew ippjanar tajjeb. Uħud lanqas naf hux se jmorru lura fil-Ministeru. 

Anke l-għażliet tal-persuni ma sarux b’ġudizzju tajjeb għax, pereżempju, persuna li għandha esperjenza politika fis-suġġett, minflok ġiet maħtura fejn kienet jaqbel, ġiet maħtura f’post li, fl-opinjoni tagħna, jirrikjedi persuni tekniċi bħal, pereżempju, fil-World Trade Organisation. Diversi diplomatiċi tal-karriera ħallewhom b’togħma morra u saħansitra tilfuhom. Infakkar li s-Sinj. Catherine Ashton addirittura qabdet u ħatfet wieħed mill-aħjar elementi li kellu l-Ministru. Inżid ngħid li kien hemm numru ta’ ambaxxaturi barranin li kienu sorpriżi bl-għażliet li se nibagħtulhom. Però l-Ministru jaf. Ir-responsabbil        tà hija fuq il-Gvern u jrid ikun hu li jiddefendi l-pożizzjoni tiegħu meta l-affarijiet jibdew imorru lura minħabba persuni li huma kompetenti f’setturi oħra imma mhux f’dan.

Inkompli nfakkar lil din il-Kamra li hekk kif pajjiżna akkwista l-indipendenza, waħda mill-prijoritajiet tal-Gvern Nazzjonalista ta’ dak iż-żmien kienet li jwaqqaf korp diplomatiku, u fil-fatt kien irnexxielu jattira diversi persuni li taw servizzi leali lil dawn il-gżejjer.  Sfortunatament, tul is-snin sebgħin u s-snin tmenin dan ġie kompletament żarmat u kellna nerġgħu nibdew nibnuh mill-ġdid wara l-1987. Ħidmitna kienet indirizzata sabiex l-ewwel nett ikun hemm kontinwità meta tinbidel l-amministrazzjoni u t-tieni nħajru lin-nies biex jagħżlu din il-linja għax jafu li hemm stabbiltà fil-post tax-xogħol. 

Però dan ukoll jidher li beda jiżżarma. Minflok qed inkomplu nsostnu din il-linja tajba, proprju issa, meta l-aktar li għandna bżonn nagħmlu dan għall-ġid ta’ pajjiżna, qed inżarmaw dak li armajna. Il-ħatriet li saru qegħdin jimminaw il-moral u l-ħeġġa ta’ diversi uffiċjali, però ladarba dawn il-ħatriet saru, fl-opinjoni tagħna kontra r-raġuni u l-ġudizzju tajjeb, nittama li għall-inqas ftiehmu biex ikun hemm xi forma ta’ mission statement. Nittama li ma tawhomx carta libera li jagħmlu li jridu u li jiġi merħba bih għax mhuma jistennew xejn lura mingħandhom! 

Sur President, ngħaddi biex nitkellem dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja. Jien kont nippretendi li din tingħata aktar attenzjoni fid-Diskors tal-Baġit. Matul is-sajf konna kkritikajna lill-Gvern għax ebda Ministru ma kien mar għal-laqgħa importanti li kienet saret dwar dak li kien għaddej f’dan il-pajjiż.  Dan għamilnieh għaliex ħassejna li kien hemm verament bżonn li xi ħadd ikun preżenti.  Isiefru tant il-Ministri! Possibbli minn Kabinett ta’ 23 ħadd ma sab il-ħin biex imur għal din il-laqgħa? Is-Sirja u l-konflitt tagħha huma ta’ prijorità għalina. Nifhmu d-diffikultajiet u l-kumplikazzjonijiet li hemm, imma dan ma jfissirx li għandna nneħħuha minn fuq l-aġenda tagħna jew naqtgħu qalbna mis-sitwazzjoni. Aħna għandna vuċi fil-kapitlu li hemm bżonn li tinstema’ dejjem aktar.  Infakkar li f’pajjiżna hawn komunità Sirjana u f’dawn l-aħħar sentejn u nofs ħafna ġew rikonoxxuti bħala refuġjati.

Xtaqt insemmi wkoll il-Libja, it-Tuneżija u l-Eġittu. Nifhem li hemm diversi punti li jridu jiġu rreġistrati, speċjalment fuq il-Libja li tant hija viċin tagħna u tant tajnieha matul is-snin u b’mod partikolari tul il-gwerra ċivili.  Jien, li kont involut direttament f’dak li kien qiegħed isir, naf kemm kien żmien diffiċli għalihom u anke għalina.  Kontinwament kienu qed jintużaw armamenti sofistikati u persuni minn dak il-pajjiż kontinwament kienu qed jitilqu lejn il-fruntieri Tuneżini, Eġizzjani, Taljani u tagħna u allura ma kienx perjodu faċli.

F’xi mumenti nħares lura u niftakar f’diversi deċiżjonijiet li kelli nieħu bħala Ministru tal-Intern, inkluż kif wieħed kellu jaffronta żewġ ajruplani militari li ħabta u sabta ġew fuqna. Biss dan għadda u rridu nħarsu ’l quddiem.  Bħalissa s-sitwazzjoni fil-Libja mhix tajba, però jien xorta qed nittama li ż-żerriegħa t-tajba li nżergħet tieħu aktar ’il quddiem. Pajjiżna għandu potenzjal u hemm bżonn pjan ta’ ħidma biex tkun xi tkun is-sitwazzjoni nkunu nistgħu nagħtu appoġġ lid-demokrazija u l-istabbiltà. Naħseb li m’għandniex nitilfu dak li sar u għandna niddiskutu ma’ persuni u mal-organizzazzjonijiet interessati sabiex inkomplu nibnu pjan ta’ ħidma u strateġija tajba li forsi għad m’għandniex. Konxju li f’dawn il-jiem għandu jkun hemm laqgħa bejn Malta u l-Libja f’din id-direzzjoni, però naħseb li hemm bżonn li nagħmlu strateġija nazzjonali aktar diretta u ċara. 

Nixtieq ngħid żewġ kelmiet fuq in-newtralità li tant naqblu fuqha. L-aktar li naqblu huwa fuq l-ispirtu tan-newtralità għaliex huwa minnu li l-kliem li ġie użat fiċ-ċirkostanzi tal-1987 llum ġie superat, għalkemm issa hemm theddid ieħor li qiegħed joħorġ, differenti minn dak li kellna bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Sovjetika. Illum din il-Federazzjoni Russa hija parti mill-Partnership for Peace tan-NATO u m’hemmx il-pożizzjonijiet li kien hemm qabel. Illum hemm sitwazzjonijiet kompletament ġodda li qegħdin jikbru, fosthom dik bejn il-pajjiżi Sunni u dawk Xiti.  Diġà qegħdin naraw dan il-konflitt ġewwa s-Sirja.

Però nafu wkoll bis-sitwazzjoni li hemm bejn l-Iran u l-Pakistan fejn in-nukleari jdur fl-arja. Fil-fatt jien inkwetajt meta rajt li l-Prim Ministru impenja ruħu mal-Pakistan li se  jagħtihom assistenza fis-settur finanzjarju. Bir-rispett kollu, dak li aħna ma ndunajniex bih hawn Malta żgur li l-Ministru jaf li ġie innotat minn kapitali oħra.  M’għandniex bżonn nitilfu l-pożizzjoni ta’ newtralità li għandna u nidħlu f’sitwazzjonijiet li m’għandniex nidħlu fihom. Naf li l-Ministru ħareġ stqarrija għall-istampa u kien kawt ħafna u anke uża kliem ta’ twissija, però jidher ċar li l-Prim Ministru ma rahiex din l-istqarrija. Naħseb li għandna naqblu li huwa importanti li nkunu imparzjali.

L-aħħar punt tiegħi huwa dwar it-taħriġ. Fir-rapport li semmejt aktar kmieni saret enfasi qawwija ħafna fuq it-taħriġ.  Jien nemmen f’dan u m’għandix dubju li diġà mexjin f’dik it-triq. Biss xtaqt ukoll li jiġi kkonsidrat dak li llum jissejjaħ cultural intelligence jew cultural quotient fin-negozju u fil-Gvern. Naħseb li m’hemmx settur aktar indikat għal dan mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin. Dan il-konċett ifisser li wieħed, minflok jiġbor biss informazzjoni dwar il-fatti, jinvestiga aktar fil-fond il-mentalità, il-kultura u l-atmosfera intellettwali li jgħixu fiha dawk li jkun qed jittratta magħhom. 

Naħseb huwa meħtieġ li l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, minbarra li jkollu informazzjoni wiesgħa dwar il-pajjiżi li jkun qed jittratta magħhom, ikollu wkoll aktar preparazzjoni dwar il-kultura u l-klima tal-ħsieb ta’ dawn l-istess pajjiżi. Nieħdu pereżempju l-pajjiżi tal-Lvant tan-Nofs u l-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq.  Huwa importanti li nifhmu sew id-differenza bejn ix-Xiti u s-Sunni. L-istess meta nittrattaw mal-pajjiżi Skandinavi jew ma’ pajjiżi tal-Ewropa ta’ Fuq.  Wieħed irid ikun studja sewwa l-istorja u l-mentalità tagħhom biex jifhimhom aħjar u jkun jista’ jegħleb xi preġudizzji li jkollhom fil-konfront tagħna. 

Billi l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin ikun mistenni li jipprovdi lill-Prim Ministru u lill-Ministri l-oħra noti ta’ preparazzjoni li aħna nafuhom bħala l-background notes, il-cultural intelligence tal-uffiċjali kollha tal-Ministeru, kemm dawk li jservu barra kif ukoll dawk li jservu hawn Malta, tagħmel differenza kbira fil-mod kif diversi Ministri jittrattaw ma’ barra. Illum kważi l-Ministeri kollha jittrattaw ma’ barra. Dan jgħodd ħafna wkoll f’dak li għandu x’jaqsam mar-relazzjonijiet tagħna fi ħdan l-Unjoni Ewropea. 

Nittama li l-Ministru jieħu dak li għedt fi spirtu tajjeb.  L-Oppożizzjoni għandha kull interess li dan is-settur jimxi ’l quddiem u għalhekk ikkritikajt l-għażliet ta’ ambaxxaturi li saru. Xtaqt ukoll nuri s-solidarjetà tagħna mal-poplu Taljan in vista ta’ dak li seħħ f’dawn il-jiem ġewwa Sardinja.  Il-poplu Taljan għenna kemm-il darba fil-passat u tana sapport f’diversi ċirkostanzi u sitwazzjonijiet. Aħna nqisuh bħala ġar tagħna u umilment nissuġġerixxi li l-Ministru joffri l-assistenza tagħna permezz tal-mekkaniżmi tas-soltu.  Nirringrazzjak.  (Onor. Membri:  Hear, hear)


No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...