11.3.14

Fl-ewwel sena tiegħu, il-Prim Ministru Muscat sema’ lilu nnifsu biss.



Il-Partit Nazzjonalista jirreferi għall-konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Prim Ministru Muscat fi tmiem sena ta’ Gvern Laburista dalgħodu. Dalgħodu ġie kkonfermat kemm l-għebusija tar-ras tal-Prim Ministru Muscat saret karatteristika ewlenija ta’ Gvern Laburista. 

Fi tmiem sena ta’ Gvern Laburista, il-Partit Nazzjonalista jfakkar li l-Prim Ministru Muscat webbes rasu u daħħal lil Malta fi sqaq meta pprova jwettaq pushback fuq l-immigranti irregolari li waslu f’pajjiżna. Il-Prim Ministru Muscat ta daqqa ta’ ħarta lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna meta nsista li jimxi bi skema taċ-ċittadinanza li kienet sigrieta, bla ħolqien ta’ investiment u li ma toħloqx rabta mal-individwi interessati. U issa l-Prim Ministru qed jerġa’ jwebbes rasu bid-deċiżjoni tiegħu li jankra l-periklu fil-bajja ta’ Marsaxlokk. 

Kuntrarju għal dak li qegħdin jgħidu l-esperti, kemm lokali u anke barranin, il-Prim Ministru Joseph Muscat dalgħodu kompla jippersisti bid-deċiżjoni tiegħu li jaħżen il-gass fuq tanker ankrat fil-bajja ta’ Marsaxlokk. Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li jumejn ilu, il-konsulent tal-għaqda ambjentali Din l-Art Ħelwa, il-Professur Hans Pasman, stqarr f’żewġ ġurnali lokali li d-deċiżjoni li jiġi ankrat tanker fil-bajja ta’ Marsaxlokk joħloq periklu għas-sigurtà u l-għixien tar-residenti tal-lokalitajiet madwar il-bajja, u li l-aktar deċiżjoni għaqlija għas-sigurtà tar-residenti hi li l-gass jiġi maħżun barra l-port. Dan il-metodu diġà jeżisti f’diversi każijiet barra minn xtutna, bħal fil-każ ta’ Livorno, l-Italja.

Il-Prim Ministru Muscat mhux qed ikun trasparenti fil-mod kif qed jaġixxi dwar il-ħażna tal-gass fil-bajja ta’ Marsaxlokk. Nhar il-Ħadd li għadda, il-gazzetta The Malta Independent on Sunday żvelat li jeżisti minn tal-inqas rapport ieħor ikkummissjonat mill-Gvern li ma ġiex ippubblikat, dak li tfassal mill-Inġinier Umberto Maffezzoli. U fil-ġurnal The Times ta’ nhar l-Erbgħa, 5 ta’ Marzu, uffiċjal tal-MEPA kkonferma li l-Awtorità ma kinitx qiegħda tikkunsidra proposta li l-ħażna tal-gass issir barra l-port. 

Minkejja li 91% tar-residenti tan-nofsinhar ta’ Malta huma kontra d-deċiżjoni li l-gass jiġi maħżun fil-bajja ta’ Marsaxlokk, u minkejja l-punti tekniċi li tqajjmu minn numru ta’ esperti indipendenti, il-Prim Ministru qed jibqa’ jwebbes rasu li jankra l-periklu fil-bajja ta’ Marsaxlokk.

Sena wara l-elezzjoni, hu ċar li l-Prim Ministru nqata’ min-nies u qed jisma’ lilu nnifsu biss. 

--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...