6904. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-
Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ: Jista’ l-Ministru
jgħid x’passi, x’diskussjonijiet u x’analiżi qegħdin isiru fi ħdan il-Ministeru
dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea?
20/09/2018
ONOR. CARMELO
ABELA: Ninforma lill-Onor. Interepellant li hekk kif tħabbar
ir-riżultat tal-referendum f’Ġunju 2016, li r-Renju Unit mhux se jibqa Stat
Membru fl-Unjoni Ewropea, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u
l-Promozzjoni tal-Kummerċ nieda inizjattivi sabiex jagħraf x’inhuma l-effetti,
kemm pożittivi kif ukoll negattivi, tal-Brexit fuq pajjiżna. Kumitat fi ħdan
il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin ġie stabbilit sabiex iħares aktar
mill-qrib lejn l-iżviluppi tal-Brexit. Ir-rapport li ħareġ minn dan il-Kumitat
kien parti minn eżerċizzju li mexxa il-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u
l-Ugwaljanza ma’ kull Ministeru sabiex jinftiehem iktar l-impatt ħolistiku
tal-Brexit.
Eżerċizzju biex jiġu elenkati
il-ftehim bilaterali kollha li ġew iffirmati
bejn Malta u r-Renju Unit sar fl-2016.
Dan l-eżerċizzju qed jiġi rivedut bħalissa, sabiex eventwalment
mal-awtoritajiet tar-Renju Unit, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u
l-Promozzjoni tal-Kummerċ jistħarreġ kif jistaw jiġu żviluppati iktar ‘il
quddiem ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi.
F’dan l-isfond aktar kmieni
din is-sena fit-3 ta’ Frar 2018, u fl-20 ta’ April 2018, il-Ministru
għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ iltaqa’ mal-Ministru
għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, Lord Callanan, u mal-Ministru
ta' l-Istat tar-Renju Unit għall-Ewropa u l-Amerika Latina, Sir Alan Duncan,
rispettivament. Magħhom iddiskuta
l-impatt mistenni tal-Brexit fuq ir-relazzjonijiet bilaterali ekonomici,
soċjali, kummerċjali u politici bejn Malta u r-Renju Unit, kif ukoll l-impatt
li dan mistenni jkollu fuq Maltin li jgħixu, jaħdmu, jistudjaw, jew jirċievu
kura fl-Ingilterra.
Fit-8 ta’ Ġunju 2018 saret
ukoll laqgħa bilaterali bejn id-Direttur Generali għall-Affarijiet Politiċi fi
ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ u il-Viċi
Kap tad-Direttorat għall-Punent u n-Nofsinhar tal-Ewropa fi ħdan il-Foreign and Commonwealth Office
Ingliż. It-tnejn iddiskutew mezzi dwar
kif ir-relazzjonijiet bilaterali bejn ir-Renju Unit u Malta jistgħu jimxu 'l
quddiem.
Aktar ricenti, fit-30 ta’
Awissu 2018, il-Ministru Abela kellu laqgħa bilaterali man-Negozjatur Ewlieni
tal-Unjoni Ewropea għall-Brexit, Michel Barnier, f’Dubrovnik, fejn ġie diskuss
l-aħħar żvilluppi fit-taħdidiet mar-Renju Unit, u l-impatt tal-Brexit fuq
ftehim bilaterali bejn Malta u r-Renju Unit.
Waħda mill-prioritajiet
ewlenin ta’ Malta fit-taħdidiet fuq Brexit fuq livell Ewropew kienet li tħares
id-drittijiet taċ-ċittadini Maltin li qed jgħxu fir-Renju Unit. Hija prijorità
tal-Ministeru li jwassal bl-iktar mod wiesa’ lill-Maltin fl-Ingilterra, tagħrif
dwar id-drittijiet tagħhom in vista
tal-Brexit u kif jistgħu jiksbu s-“Settled
Status Scheme”. Dan sabiex ikunu
jistgħu jibqgħu residenti fir-Renju Unit wara l-Brexit għal raġunijiet varji.
F’dan ir-rigward il-Ministeru
flimkien mal-Kummissjoni Għolja ta’ Malta f’Londra, f'Ġunju 2018, nieda
kampanja ta’ informazzjoni li tinkludi dawn li ġejjin:
· Avviżi u laqgħat sabiex iżżomm id-dijaspora Maltija
fir-Renju Unit infurmata dwar l-iżviluppi relatati ma' Brexit fir-rigward
id-drittijiet taċ-ċittadini u l-iSkema tas-“Settled
Status”.
· Il-Kummissjoni Għolja ta’ Malta f’Londra organizzat
laqgħa għall-Maltin li jgħixu fl-Ingilterra nhar id-19 ta’ Ġunju 2018 u li
għaliha attendew ukoll il-Ministru għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni
Ewropea, Lord Callanan, kif ukoll uffiċjali mill-Home Office tar-Renju Unit sabiex jindirrizzaw il-mistoqsijiet
imressqa mill-Maltin fl-Ingilterra.
· Nhar il-Ħadd, 15 ta’ Settembru 2018, il-Ministeru
ppublika avviżi fil-gazzetti lokali kollha f’Malta sabiex iżomm il-familjari
f’Malta aġġornati biex ikunu jistgħu jinfurmaw lill-qraba tagħhom
fl-Ingilterra.
· Nhar it-Tlieta 18 ta’ Settembru u s-Sibt 22 ta’
Settembru 2018, il-Ministeru nieda wkoll avvizi simili fuq il-medja televiżiva
permezz tax-xandir tal-aħbarijiet.
· Inizzjattivi oħra qegħdin jiġu mfassla għas-sena 2019.
Il-Maltin fl-Ingilterra ser
ikollhom ċans sa sentejn wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea sabiex
jirregolarizzaw rwieħhom permezz tas-“Settled
Status Scheme”.
Seduta 142
09/10/2018
No comments:
Post a Comment