6907.
L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-
Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima: Jista’
l-Ministru jgħid liema siġar indiġeni u arkeofati qed jiġu protetti
mill-Ministeru u l-Awtorità tal-Ambjent u jista’ jindika x’passi effettivi
ttieħdu għal dan il-għan?
20/09/2018
ONOR. JOSÈ HERRERA: Ninforma lill-Onor. Interpellant li
l-ERA ħarġet regolament ġdid fuq il-protezzjoni tas-siġar u msaġar, SL 549.123,
li fih hemm ukoll inkluża lista ta’ siġar indiġeni u arkeofiti li huma protetti
jew f’kull sit jew inkella f’ċertu siti skond l-ispeċi. Wieħed jista’ jirreferi
għall-lista ta’ siġar protetti kif muri fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda
tal-Kamra. Dan il-regolament għandu
multi għola mir-regolament li kien fis-seħħ qablu bħala miżura biex ikunu
protetti dawn is-siġar.
L-istess regolament jagħti għodda lill-ERA biex tipproteġi ċerti siġar
bħala żoni għal ħarsien ta’ siġar. L-ERA diġà rduppjat iż-żoni ta’ ħarsien ta’
siġar kemm ilha imwaqqfa, minn tlettin (30) sit għal sittin (60) sit.
L-ERA u Ambjent Malta qegħdin ukoll jaħdmu flimkien fuq it-tkattir ta’ dawn
is-siġar, partikolarment dawk mhedda u rari ħafna, u saħansitra daħħlu lura
fis-selvaġġ siġar li kienu nqerdu (bħall-imbragla) jew li minnhom kien għad
fadal biss ftit eżemplari biss fis-selvaġġ (bħall-olivastru u l-ġummar) permezz
ta’ numru ta’ proġetti ta’ afforestazzjoni u restawr f’numru ta’ nħawi
fil-Gżejjer Maltin.
Seduta 143
10/10/2018
No comments:
Post a Comment