14.10.18

Il-bnedmin u l-politika




1.    Hemm bżonn il-bniedem fil-politika.  Mingħajru ma hija xejn.  Hija għodda f’idejh.  M’għandhiex eżistenza separata u mhix il-bidu u t-tmiem tal-ħajja.  Min qiegħed fid-dinja għas-servizz tal-pajjiż jagħraf dan biċċa biċċa.  F’mumenti jkun mitluf.  Jaħseb li biex juri l-abbiltà politika tiegħu jrid iwettaq dak li m’għandux jitwettaq.  Għal mumenti ta’ vanaglorja jmur ‘il bgħid mit-toroq tas-sewwa u jimbarka jwettaq azzjonijiet xejn tajba.  Sfortunatament ikun hemm min jagħraf li b’għemilu ser iweġġa’ u jġib ħsara u ma jibqax lura, imma jibqa’ għaddej bih.  Qisu jiġġustifika l-eżistenza politika tiegħu bħala dak li mhuwiex “too good”.

Min jitlef id-dinjità

2.    Fil-ħajja, bħal f’kollox, hemm il-ħidma t-tajba u hemm dik li mhix.  Imma stranament, fid-dinja politika, din id-distinzjoni ċara u netta jkun hemm min ma jagħrafhiex.  L-importanza tal-attenzjoni hija iktar qawwija minn dik tas-sens u s-sustanza li jkunu qed jingħadu.  Iktar ma wieħed jidher, anki għar-raġunijiet li aħna naraw żbaljati, iktar aħjar għalih.  Għad hawn min jaħseb li b’dan il-mod qiegħed jibgħat barra l-immaġini ta’ kemm “jaħdem”, u ta’ kemm huwa “tajjeb”.  Għax, kif tneħħi r-regoli tas-sewwa, taqbad it-triq li minnha kollox isir strument politiku għalik.  Biss, l-eżempju li jinbena f’dan, iġib mill-bnedmin fil-politika persuni li jitilfu d-dinjità tagħhom u tal-professjoni li għandu jkollhom l-unur li jservu fiha.

Distruzzjoni tal-bniedem

3.    Dawn huma lezzjonijiet sempliċi fil-politika.  Lezzjonijiet li ilhom ġejjin is-sekli.  Snin li fihom bnedmin għexu u aġixxew daqqa mod u daqqa ieħor.  L-iżbalji li saru fil-passat, flok wieħed jieħu nota biex ma jirrepetihomx, insibu min irid jerġa’ jidħol għalihom.  Għax hemm il-politika demokratika u hemm dik faxxista.  Hemm dik li tħares lejn il-bniedem li jiġi rispettat u mhux użat, u hemm dik li le, għax importanti iktar il-mira politika milli l-bniedem.  Dak li twettaq qabel taħt il-faxxiżmu ġieb id-distruzzjoni tal-politika u tal-bniedem.  Li taħseb li l-volontà tiegħek biss tgħodd, jew li ma hemmx morali fl-azzjoni jwassal sabiex bnedmin jitkissru.

Attakki żbaljati

4.    F’dawn il-gżejjer, ngħid sforz li fostna għandna dawk li jridu jimitaw lill-“oħrajn”, u li jaraw dak li jsir barra minn xtutna f’dawl tant sabiħ li mhumiex kapaċi jagħrbluh, qed iwassal biex aħna wkoll inwettqu azzjonijiet żbaljati.  Kull naħa, kull partit politiku għandu bagalja minn dan.  Persuni fuq in-naħa l-oħra jsiru l-mira ta’ attakki żbaljati u żleali.  Fejn ma jkunx hemm la rispett, la ħniena u wisq inqas ġustizzja ma’ dak li jkun.  L-aġenda “politika” tinbena biss fuq il-premessa li persuna oħra li qed isservi tiġi skreditata.  Titqiegħed f’dawl ħażin apposta, biex jiġi ppruvat il-punt politiku.  Il-post tar-raġuni u tal-użu tal-loġika jsir dak li ma jservi xejn minnhom.

Sofferenza tal-familja

5.    Proprju għalhekk li hawn esperjenzi qarsa.  Uħud tbiddilhom għall-bqija ta’ ħajjithom.  Tagħmilhom iebsa u preparati jservu lura dak li rċevew.  Ikomplu, flok iwaqqfu, dak li huma sofrew minnu għax f’mumenti jimmaġinaw li qed issir xi forma ta’ ġustizzja magħhom.  Uħud ikunu tant mitlufa li ma jindunawx li dak li qed isofru, fil-fatt kienu huma stess li qegħdu lil oħrajn fis-sofferenza tiegħu.  Uħud, min-naħa l-oħra, jibnu l-ħsieb li huma dawk li ġew kalpestati tant li jiddeċiedu f’moħħhom li issa huma saru difensuri assoluti tal-verità u l-onestà.  Jaħsbu li għandhom l-abbiltà li jixħtu l-ġebla għax “dnubiet” huma ma wettqux.  Tibda tarahom jitkellmu u jixxeneġġjaw fil-Kamra tad-Deputati f’ħafna reċti li nafu min, fid-dinja nażista, kien tant iħobb iħares u jara lilu nnifsu fil-mera jitkellem.

Tortijiet politiċi

6.    Biss, għal min ikun fil-mira, nafu bl-esperjenza li ma jirbaħx bl-istess mod.  Il-politika hija kiefra mal-bnedmin involuti, imma ċertament ferm iktar ma’ dawk li huma fil-familja magħhom.  In-nisa tagħhom, l-ulied, il-ġenituri, l-aħwa, li jsibu ruħhom jieħdu tortijiet li ma jkollhomx.  Dak li jitwettaq mill-bnedmin l-oħra fin-normalità tal-ħajja jitkabbar tant li jidher bħala l-ikbar dnub u żball.  Iktar u iktar meta wieħed isib ruħu maqtugħ minn dawk li jaf.  Jieqfu jkellmuk, jew verament tinduna għala kienu jkellmuk.  Jew isibu lilhom infushom u tal-familja fil-gazzetti, imperċċin u mżebilħa.  Dawk li jfittxu li jkunu maħbuba minn kulħadd u li ma hemm xejn kontra tagħhom isibu lilhom infushom jgħixu ħajja skomda.

Ir-raġuni ma tridx forza

7.    Jikber, ċertament, riżentiment kontra dak li jkun għaddej.  It-triq il-ħafifa lura hija dik li tpatti, mentri dik tal-prova – u l-iktar diffiċli – hi dik li taħrab mit-tentazzjonijiet.  Għall-politika l-ħażina rridu nwieġbu b’dik tas-sewwa.  Għal dik li tħajjar li naraw lill-politiċi bħala oġġetti u mhux bnedmin irridu nwieġbu billi nassiguraw il-kontra.  Nistgħu faċilment inressqu l-punt politiku mingħajr ma nagħmlu ħsara lid-dinjità tal-bniedem fil-politika.  Anki dawk li jiżbaljaw għandhom dinjità; ma jsirux miri politiċi.  Wieħed irid jiżra’ s-sewwa u jħares fit-tul lejn dak li jkun qed iwettaq.  Għax fil-politika, bħal fil-ħajja, hemm regola li tirbaħ dejjem: dik li tgħid li r-raġuni ma tridx forza.

Bis-sewwa tibni

8.    Il-bniedem fil-politika jrid jifhem iktar li jista’ jwassal il-punt politiku tiegħu bir-raġuni, milli b’mod ieħor.  Min jaħseb li din hija xi dgħjufija politika juri kemm huwa nieqes mis-sudizza hu.  Għax jekk għandek raġun, trid tkompli tressqu bis-sewwa, mingħajr ma twettaq dak li huwa żbaljat.  Mingħajr ma tiżra’ ż-żerriegħa l-ħażina.  Dan huwa li nipprova nkun jien fil-politika.  Dan hu li nittama li iktar jingħaqdu fih.  Għax bis-sewwa tibni l-bniedem it-tajjeb fil-politika.


No comments:

UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA - LAQGĦAT

22088. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ: Jista...