2.10.18

AMBAXXATAMALTIJA GĦALL-GREĊJA - ĦIDMA U INIZJATTIVI




6637. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’ħidma u x’inizjattivi ttieħdu mill-ambaxxata tagħna għall-Greċja tul dawn l-aħħar tletin xahar?

25/06/2018

  ONOR. CARMELO ABELA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u l-Greċja huma ferm pożittivi u qegħdin ikomplu jissaħħu. Għaldaqstant, f’dawn l-aħħar tletin xahar, l-Ambaxxata Maltija fil-Greċja ħadmet bla waqfien sabiex dawn ir-relazzjonijiet ikomplu jiġu approfondati permezz ta’ inizjattivi u ħidma li saħħew il-kooperazzjoni politika, bilaterali, kummerċjali u kulturali bejn iż-żewg pajjiżi.

Ħidma Konsulari

L-Ambaxxata dejjem kienet għad-disposizzjoni taċ-ċittadini Maltin li jgħixu fil-Greċja u dawk li jivvjaġġaw lejn dan il-pajjiż, u ċittadini Griegi li jixtiequ jivvjaġġaw lejn Malta li jeħtieġu xi għajnuna, kemm fuq temi konsulari, kif ukoll temi turistiċi u kummerċjali. Fost l-oħrajn l-Ambaxxata assistiet f’informazzjoni dwar iċ-ċittadinanza Maltija, tiġdid ta’ passaporti, informazzjoni dwar żjarat f’Malta għal skopijiet kummerċjali u anki edukattivi u ħruġ ta’ dokumenti urġenti tas-safar għal Maltin li tilfu jew ġew misruqa d-dokumenti tagħhom waqt li kienu fil-Greċja. 

Promozzjoni ta’ Malta

Wieħed mis-setturi li l-Ambaxxata tagħti importanza speċjali huwa s-settur tal-promozzjoni ta’ Malta. Għalhekk, l-Ambaxxatur attenda diversi avvenimenti u għamel diskors sabiex jippromwovi lil pajjiżna, fosthom u b’mod partikulari fis-settur Marittimu u oqsma kummerċjali oħra li kull ma jmur qegħdin jissaħħu bejn iż-żewġ il-pajjiżi.

Matul is-snin, l-Ambaxxatur kellu bosta intervisti ma’ ġurnalisti  b’konessjoni mar-relazzjonjiet ta’ Malta mal-Greċja. Dan sar b’mod partikulari waqt il-Presidenza ta’ Malta tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u matul din is-sena, tal-Belt Valletta bħala l-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura. 

Turiżmu

Is-settur tat-turiżmu ħa spinta ’l quddiem f’dawn l-aħħar snin hekk kif żdiedu t-titjiriet diretti bejn iż-żewġ pajjiżi minn tnejn fil-ġimgħa għal ħamsa. F’perjodi partikulari dawn it-titjiriet kienu ta’ sitta u anki sebgħa fil-ġimgħa. Hemm ħafna aktar xi jsir fejn tidħol konnetività bejn iż-żewġ pajjiżi speċjalment fejn tidħol il-konnetività marittima. Mal-industrija diġà eżistenti tal-‘Cruise Liners’ hemm konsiderazzjoni għal-konnetività diretta bejn iż-żewġ pajjiżi u dan biex jiġi ffacilitat aktar il-kummerċ u t-turiżmu bejniethom.

L-Ambaxxata  ħadet diversi inizjattivi sabiex il-konnetività bejn iż-żewġ pajjiżi tissaħħaħ kif ukoll sabiex Malta tkun ta’ attrazzjoni turistika għall-poplu Grieg. Dan sar f’ħidma għal żieda ta’ titjiriet bejn iż-żewg pajjiżi.

Relazzjonijiet Kummerċjali

Fir-rigward ta’ relazzjonijiet kummerċjali, l-Ambaxxata Maltija fil-Greċja tieħu inizjattivi biex tippromwovi u kif ukoll tirċievi diversi proposti ta’ interess kummerċjali bejn iż-żewg pajjiżi. Il-kummerċ bejn iż-żewġ  pajjiżi f’dawn l-aħħar snin ħa spinta ’l quddiem u fis-snin li ġejjin mistenni jkompli jikber.

Attivitajiet imtella’ mill-Ambaxxata

L-Ambaxxata Maltija fil-Greċja organizzat diversi attivitajiet b’konessjoni mal-Presidenza ta’  Malta tal-Kunsill Ewropew tal-Unjoni Ewropea kif ukoll b’konessjoni mal-Belt Valletta bħala l-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura. L-attivitajiet, il-ħidma u l-inizjattivi matul il-Presidenza tal-UE kienu vasti u kien hemm apprezzament ġenerali mill-missjonjiet l-oħra tal-pajjiżi tal-UE f’Ateni u Nikosija għall-programm intensiv li organizzat l-Ambaxxata tagħna.  L-istess jista’ jingħad għall-attività u l-promozzjoni tal-Belt Valletta bħala Belt Ewropea tal-Kultura matul din is-sena. Għal din l-okkażjoni ġiet mistiedna is-Socjetà Mużikali tal-Karmnu, Balluta, li flimkien mal-Banda tal-Municipalità ta’ Ateni, pparteċipat fi sfilata fiċ-Ċentru ta’ Ateni u madwar l-Akropolis kif ukoll tellgħet Kunċert ta’ mużika Maltija u Griega quddiem il-bini tal-Municipalità ta’ Ateni. 

L-Ambaxxata torganizza wkoll il-Malta Day kull sena u torganizza attivitajiet oħra flimkien mar-Reġistru Marittimu ta’ Malta biex tkompli tippromwovi u ssaħħaħ ir-rabtiet kummerċjali f’dan is-settur tant importanti u vitali għal Malta. 

Il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

F’dawn l-aħħar tletin xahar, l-Ambaxxata fil-Greċja, bħal bosta Ambaxxati, Ministeri u entitajiet oħra tal-Gvern, kienet iffukata fuq il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Apparti x-xogħol relatat mal-presidenza tal-laqgħat informattivi li jsiru kull xahar bil-kollaborazzjoni mal-Ministeru tal-Affarrijiet Barranin tal-Greċja u diversi Ministeri oħra (bħal pereżempju, ECOFIN, FAC, GAC, AGRIFISH u EPSCO), l-Ambaxxata assistiet lill-Prim Ministru waqt iż-żjarat tiegħu bħala parti mit-Tour des Capitales, lill-Ministru tat-Trasport u Infrastruttura, lill-Ministru tal-Affarijiet Ewropej u lill-Ministru tal-Intern u Sigurtà Nazzjonali waqt żjarat uffiċjali li dawn għamlu f’Ateni.

Matul il-Presidenza ġew organizzati Konferenza tal-Aħbarijiet tal-ftuħ tal-Presidenza,Attività li mmarkat il-Ftuħ, ħames Ikliet ta’ nofsinhar ta’ Uffiċjali Għolja, Attività Kulturali, Tour tal-Ambaxxaturi tal-UE, ġimgħa attivitajiet dwar l-immigrazzjoni, ipparteċipajna fil-Kunċert ta’ Jum l-Ewropa f’Ateni, diversi laqgħat tat-Trio u Attivitàtal-Għeluq. Apparti dawn l-attivitajiet l-Ambaxxatur ħa sehem f’diversi konferenzi u attivitajiet oħraa. 

Bi preparazzjoni għall-Presidenza, il-bini tal-Ambaxxata ġie rinovat u dan bi spiża tassew minima. Illum nistgħu ngħidu li għandna bini ta’ Ambaxxata preżentabbli li jista’ jilqa’ fih lid-dinjatarji u nies oħra. 

Żjarat Uffiċjali

Tajjeb ukoll li wieħed isemmi l-assistenza li l-Ambaxxata pprovdiet lil diversi dinjitarji Maltin li żaru l-Greċja f’dawn l-aħħar tletin xahar, fosthom: darbtejn il-Prim Ministru waqt il-parteċipazzjoni ta’ Malta fis-Summit tal-Pajjizi tal-Unjoni Ewropea tal-Meditteran u waqt il-parteċipazzjoni ta’ Malta fis-Summit bejn l-UE u l-Pajjiżi Għarab. Żjarat oħra uffiċjali saru darbtejn mill-Ministru responsabbli mis-Settur Marittimu għall-Fiera Posedonia li ssir kull sentejn, mill-Ministru tas-Saħħa u mis-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-V18 u l-Protezzjoni tal-Konsumatur. 

Seduta  139
02/10/2018

No comments:

UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA - LAQGĦAT

22088. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ: Jista...