26.3.25

KUNSILL LOKALI TAŻ-ŻEJTUN - RIVISTI PPUBBLIKATI

26274. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il rivista ħareġ il-Kunsill Lokali taż-Żejtun matul is-snin 2021, 2022, 2023 u 2024 biex jinforma l-lokalità b’dak li qiegħed jiġri fl-istess lokalità u kemm kienet in-nefqa rispettiva? Jista’ jgħid ukoll kemm kien in-numru ta’ pubblikazzjonijiet stampati u jqiegħed kopja fuq il-Mejda tal-Kamra?

 

05/03/2025

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali taż-Żejtun ħareġ rivista waħda fl-2024  b’nefqa ta’ €4,037.25. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rivista.

 

Seduta  326

25/03/2025

ĦAL TARXIEN - SKOLA TAL-PRIMARJA L-ANTIKA

26273. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ l-Ministru jgħid x’użu qiegħed isir jew ser isir mill-Iskola tal-Primarja l-antika f’Ħal Tarxien?

 

05/03/2025

 

ONOR. CLIFTON GRIMA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskola msemmija qed tintuża bħala skola.

 

Seduta  326

25/03/2025

KUNSILL LOKALI TAL-FGURA - RIVISTI PPUBBLIKATI

26272. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il rivista ħareġ il-Kunsill Lokali tal-Fgura matul is-snin 2021, 2022, 2023 u 2024 biex jinforma l-lokalità b’dak li qiegħed jiġri fl-istess lokalità u kemm kienet in-nefqa rispettiva? Jista’ jgħid ukoll kemm kien in-numru ta’ pubblikazzjonijiet stampati u jqiegħed kopja fuq il-Mejda tal-Kamra?

 

05/03/2025

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali tal-Fgura ħareġ żewġ rivisti fis-snin 2021 u 2022 b’nefqa ta’ €1,605.00 u € 3,640.25 rispettivament.

 

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rivisti.

 

Seduta  326

25/03/2025

ĦAL TARXIEN - TRIQ L-ISKOLA - XOGĦLIJIET

26271. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika: Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet qed jsiru fi Triq l-Iskola, f’Ħal Tarxien u kemm ser jiswew?

 

05/03/2025

 

ONOR. MIRIAM DALLI:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħala parti mit-tieni fażi ta’ rinfurzar tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku, fejn fl-ewwel fażi tpoġġew aktar minn 82 kilometru ta’ cables ġodda, Enemalta qed tqiegħed 60 kilometru ieħor ta’ cables ġodda taħt l-art f’diversi lokalitajiet inkluż f’Ħal Tarxien. Billi x-xogħlijiet huma kkordinati minn Infrastructre Malta, flimkien ma’ interventi infrastrutturali oħrajn li se twettaq fiż-żona indikata, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.

 

Seduta  326

25/03/2025

ĦAL TARXIEN - TRIQ L-ISKOLA - XOGĦLIJIET

26270. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet qed isiru fi Triq l-Iskola, f’Ħal Tarxien u kemm ser jiswew?

 

05/03/2025

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

 

Seduta  326

25/03/2025

ĦAL TARXIEN - TRIQ L-ISKOLA - XOGĦLIJIET

26269. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet qed isiru fi Triq l-Iskola, f’Ħal Tarxien u kemm ser jiswew?

 

05/03/2025

 

ONOR. CHRIS BONETT:  Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Triq l-Iskola hija parti minn numru ta’ toroq b’xogħlijiet tal-Enemalta f’Ħal Tarxien. Ix-xogħlijiet kienu jinkludu tqattigħ ta’ trinek f’diversi toroq sabiex tpoġġew cables tal-Enemalta. Saru wkoll xogħlijiet ta’ rimedju fuq bankini li ġew affettwati mit-tqattigħ tat-trinek. Minħabba li l-proġett jinkludi numri ta’ toroq, l-ispiża ta’ Triq l-Iskola waħedha ma tistax tiġi kkalkulata.

 

Seduta  326

25/03/2025

IL-BAŻI GĦANDHA VUĊI

1. Fost il-kitba li nsibu fil-kultura tagħna, dik li aħna werrieta tagħha, hemm ittra interessanti mhux tant magħrufa. Iktar għarfa u diretta, mingħajr pariri żbaljati. Waħda li għandha l-punti validi u hija f’kuntrast ukoll ma’ oħrajn. Għax f’ċerti mumenti hemm wisq dawk li jemmnu u jimxu fuq dak li kiteb Niccolò Macchiavelli (1469-1527) fil-ktejjeb tiegħu Il Principe (1513). Dawk li jaħsbu li l-politika t-tajba ssir bil-linja li fiha l-ħatfa tal-poter tiġġustifika kull azzjoni. Mentri hemm iktar f’ittra mimlija b’pariri li Quintus Tullius Cicero (102-43 QK) jgħaddi lil ħuħ, Marcus Tullio Cicero (106-43 QK), dak il-ħin kandidat għall-Konsolat, f’dak li għandu jwettaq biex jiġi elett. Waħda li hija pożittiva u mhux negattiva, miftuħa u mhux repressiva, dik li titlob il-kunsens politiku u mhux timponih.

Parir ċar


2. Fiha hemm numru ta’ pariri ċari ħafna lil min qiegħed jitlob li jiġi elett. Jibda, però, b’żewġ dmirijiet. Huwa jgħidlu: “Et petitio magistratus divisa est in duarum rationum diligentiam, quarum altera in amicorum studiis, altera in popolari volontate ponenda est.” (Meta wieħed ikun qiegħed jikkontesta għandu żewġ linji ta’ ħidma: l-ewwel li jġib l-appoġġ tal-ħbieb u wara li jirbaħ il-volontà tal-poplu.) Pariri tajba, forsi wkoll ovvji, imma li huwa dejjem mhux indikat li tinjorahom. Jgħoddu fuq żewġ livelli: dawk personali meta l-kandidat ikun waħdu bħal Ċiċerun, jew jagħraf li jrid jaqdef għal rasu. Jgħoddu aktar, u f’kuntest differenti, meta jkun hemm partit politiku sħiħ li jrid jikkontesta fis-sistema demokratika.

Bdil fl-ideat

3. F’dan wieħed irid jagħraf numru ta’ punti fost id-diversi li hemm jiġru fuq fomm il-bażi tal-Partit. Dan aktar fl-għarfien li hemm id-differenza bejn dawk li huma fil-poter u moħħhom iffukat biex jibqgħu jżommuh, u dawk fl-Oppożizzjoni li jridu jaraw kif ser jidħlu huma fis-siġġu. Jinteressana minn dawk tat-tieni kategorija: l-ewwel għax il-pajjiż għandu bżonn bidla; u t-tieni għax il-Partit Nazzjonalista jixraq li jkun lura hemm. Biss l-intenzjonijiet u d-direzzjonijiet mhumiex dejjem kapaċi jaħdmu id f’id. Hemm ħafna fil-poplu li jagħrfu l-pożizzjoni attwali. Jagħrfu dak li ninsabu fih fis-sens li hemm ir-realpolitik: dik li minkejja d-dnubiet mortali li l-Gvern kien, u jidher li għadu kapaċi jwettaq, xorta ma hemmx bdil fil-barometru tal-kunsensi elettorali.

Hemm tessut soċjali

4. Hemm f’dan storja twila ta’ Partit li rnexxilu, tul snin twal, jirrappreżenta lil diversi fil-pajjiż. Mhuwiex fil-maġġoranza, u ilu ma jkun, imma almenu fil-mument partikolari, minkejja kollox għadu jżomm madwar 40% tal-elettorat. Vera għandu bżonn 11% oħra, u hawn l-argument huwa kif wieħed jista’ jieħu l-pariri ta’ dak ir-Ruman Quintus Tullius Cicero biex iżidhom. Forsi f’dan il-mument partikolari hemm bżonn aktar l-għarfien ta’ dak li hu l-bażi tal-Partit li għadha ħajja hemm, minkejja d-diffikultajiet organizzattivi u amministrattivi li trid u tippretendi mingħandna. Jista’ jkun li naqsu dawk li jattendu l-bini tal-każini, imma dan ma jfissirx li ma sarux mobbli f’postijiet oħra. Dak li wħud jidher li ma jagħtux piż biżżejjed għalih huwa proprju l-kontra għax hemm diskussjoni ħajja u kostanti għaddejja. Mhux neċessarjament mismugħa, informata, u wisq inqas preparata imma attiva ħafna.

Kif tħabbar u tkabbar

5. F’dan huwa ċar u evidenti li l-Partit irid jifhem li hemm bidla fil-mentalità li trid issir ftit aktar. M’aħniex fil-Gvern u ma nistgħux naħsbu jew naġixxu aktar bħallikieku qegħdin hemm. It-tieni: m’aħniex ġabra ta’ partiti f’daqqa f’wieħed. Fis-sens li kull kandidat, minn fuq s’isfel, mhuwiex la xi forma ta’ monarka u anqas waħdu, imma huwa f’daqqa ma’ oħrajn bħalu. Anqas, fit-tielet, ma tista’ tibqa’ għaddejja l-mentalità ta’ dawk li jħallu lill-oħrajn jgħidu u jinjoraw l-argumenti li jressqu. Ħafna, fil-bażi, proprju fuq dan issibhom jiddiskutu u jilmentaw. Għax biex l-uffiċjal tal-Partit jew id-deputat jew il-kunsillier jimxi ma jistax jitlaq għal rasu, imma jrid ikollu l-bażi elettorali warajh. Irid jitlaq billi jħares sew lura u jifhem il-polz politiku u mhux jitlaq waħdu fl-immaġinazzjoni li b’dak li ser jgħid jew jagħmel ser iġib lil ħafna jiġru warajh. Għax f’dan isib minflok lil min ma tantx jaqbel u jikteb fil-mezzi varji soċjali u tradizzjonali daqqa bid-diplomazija u daqq’oħra b’ferm inqas f’dak li jaħseb.

Snakes and Ladders

6. Hemm din il-logħba ta’ kif titla’ ’l fuq u tinżel malajr ’l isfel li ħafna ma jieħdux. Jaħsbu fil-pariri tal-mument u impulsivi tagħhom li tista’ tixħet id-dadi u taħseb li inti tant tajjeb u kapaċi li ser tikkontrolla li ġġib in-numru minn wieħed sa sitta preċiż. Mentri, kif naraw, dan ma jgħoddx għax il-politika hija xjenza ċara u mhux logħob tal-azzard. Forsi inqas protagonisti, inqas diskors żejjed u inqas konfrontazzjoni inutili jafu jġibuna lura fil-konnessjoni mal-bażi Demokratika-Kristjana tal-Partit. Pass lura huwa aħjar u fil-mument partikolari l-kawtela hija aktar determinanti. Anzi, is-silenzju aqwa. Aktar dożi fl-umiltà li wieħed jagħraf li huwa parti mill-partit sħiħ, u li mhuwiex waħdu. Is-sigriet li sarraf fit-tul fis-snin passati huwa proprju dan: li l-Partit iħares li jkun Demokratiku-Kristjan fil-valuri tiegħu. Il-bnedmin jivvutawlu għax huwa dak tas-soluzzjonijiet fil-moderazzjoni, fl-attenzjoni tal-isfidi li l-poplu jaffronta u fil-valuri Nsara.

Linja politika

7. F’dawn il-jiem ser ikun hemm għall-bejgħ il-ktieb Più Uno ta’ Ernesto Maria Ruffini (1969). Fih, dan l-avukat intelliġenti jgħidilna: “Perché l’unico modo di andare avanti è farlo insieme, in prima personale plurale. Ogni giorno, più uno!”. Dak li aħna wkoll nagħrfu, għax aħna parti mill-wirt ta’ linja politika ċara, stabbli u kostanti. M’hemmx bżonn nibdlu dak li ħadem imma li nħaddmu wkoll tajjeb dak li għandna. F’dan wieħed irid jibda billi jmur lura lejn il-bażi tal-Partit. Wieħed minn fost il-bażi, il-Ħadd li għadda fl-Independent qalilna: “Grassroots engagement cannot be an afterthought.”. Għandu raġun. Irid jiġu koltivat, impenjat u involut. Biss dan jeħodna għat-tieni punt fil-pariri ta’ Quintus Tullius Cicero: kif iżżid il-kunsens elettorali. Kif ukoll ġustament irrimarka dan il-kittieb, ċertament għax irid il-ġid u jrid li l-pożizzjoni tinbidel fiż-żieda: “People will not vote for an opposition that merely reacts to Labour mistakes. They will vote for a party that inspires confidence, offers proper solutions and addresses their concerns.” F’dan proprju tinsab miftuħa l-isfida tagħna ’l quddiem.

Nikteb

8. F’dan għalhekk nersaq nikteb dan l-artiklu bi ħsieb ċar. Dak li nkompli ngħin aktar sabiex il-Partit li ilni nimmilita fih ikun f’pożizzjoni politika aħjar. Ilni nagħti sehmi għax nemmen li huwa strument ta’ bidla. Nista’, kif nintalab ukoll, li nħalli kollox għaddej. Imma jekk irridu nġibu progress f’dan il-pajjiż naħseb li dik mhijiex il-pożizzjoni politika ġusta. Nemmen li rridu ninvolvu aktar bnedmin u nifhmu li min jikteb irid l-affarijiet sewwa u jrid jieħu sehem fil-proċess sabiex dawn jinbidlu. Nemmen li l-bażi elettorali tal-Partit għandha ħafna xi tgħid, li trid ħafna iktar mingħandna u dan għax trid bidla fil-Gvern tal-ġurnata. X’partit inkunu mingħajr bażi, u daqshekk ieħor jekk sentejn qabel l-elezzjoni ġenerali, li huma determinanti għall-futur, ma nassigurawx il-parteċipazzjoni attiva tagħha? Ejja nifhmu li din il-bażi għandna vuċi u ejja nifhmu li għandna nagħtuha widen.

KUNSILL LOKALI TAL-GUDJA - RIVISTI PPUBBLIKATI

26268. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il rivista ħareġ il-Kunsill Lokali tal-Gudja matul is-snin 2021, 2022, 2023 u 2024 biex jinforma l-lokalità b’dak li qiegħed jiġri fl-istess lokalità u kemm kienet in-nefqa rispettiva? Jista’ jgħid ukoll kemm kien in-numru ta’ pubblikazzjonijiet stampati u jqiegħed kopja fuq il-Mejda tal-Kamra?

 

05/03/2025

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali Gudja li matul is-snin imsemmija ma ppublika l-ebda rivista minħabba li juża mezzi oħra biex ixerred l-informazzjoni.

 

Seduta  325

24/03/2025

KUNSILL LOKALI TA’ ĦAL TARXIEN - RIVISTI PPUBBLIKATI

26267. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il rivista ħareġ il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien matul is-snin 2021, 2022, 2023 u 2024 biex jinforma l-lokalità b’dak li qiegħed jiġri fl-istess lokalità u kemm kienet in-nefqa rispettiva? Jista’ jgħid ukoll kemm kien in-numru ta’ pubblikazzjonijiet stampati u jqiegħed kopja fuq il-Mejda tal-Kamra?

 

05/03/2025

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali Ħal Tarxien ħareġ l-ewwel rivista f’ Lulju 2024 b’nefqa ta’ €318.  Fi Frar 2025 tqassmet it-tieni pubblikazzjoni iżda l-Kunsill għadu ma rċeviex il-kont tan-nefqa.

 

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra kopja diġitali tar-rivisti.

 

Seduta  325

24/03/2025

IL-BIRGU - FORTIZZA TA’ SANT’ANĠLU - CONTAINERS

26266. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi: Jista’ l-Ministru jgħid jekk in-numru ta’ containers li hemm quddiem il-Fortizza ta’ Sant’Anġlu fil-Birgu humiex qegħdin jostakolaw il-vista u l-ispazju?

 

05/03/2025

 

ONOR. SILVIO SCHEMBRI:  Ninforma l-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

 

Seduta  325

24/03/2025

IL-BIRGU - FORTIZZA TA’ SANT’ANĠLU - CONTAINERS

26265. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid jekk in-numru ta’ containers li hemm quddiem il-Fortizza ta’ Sant’Anġlu fil-Birgu humiex qegħdin jostakolaw il-vista u l-ispazju?

 

05/03/2025

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26264.

 

Seduta  325

24/03/2025

IL-BIRGU - FORTIZZA TA’ SANT’ANĠLU - CONTAINERS

26264. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: Jista’ l-Ministru jgħid jekk in-numru ta’ containers li hemm quddiem il-Fortizza ta’ Sant’Anġlu fil-Birgu humiex qegħdin jostakolaw il-vista u l-ispazju?

 

05/03/2025

 

ONOR. CHRIS BONETT:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li saret spezzjoni mill-Uffiċjali tal-Infurzar ta’ Transport Malta, li fiha ġie determinat li l-containers inkwistjoni jinsabu fuq art privata.

 

Seduta  325

24/03/2025

KUNSILL LOKALI TA’ SANTA LUĊIJA - RIVISTI PPUBBLIKATI

26263. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il rivista ħareġ il-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija matul is-snin 2021, 2022, 2023 u 2024 biex jinforma l-lokalità b’dak li qiegħed jiġri fl-istess lokalità u kemm kienet in-nefqa rispettiva? Jista’ jgħid ukoll kemm kien in-numru ta’ pubblikazzjonijiet stampati u jqiegħed kopja fuq il-Mejda tal-Kamra?

 

05/03/2025

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija li fis-snin imsemmija ma ppubblika l-ebda rivista minħabba li juża mezzi oħra biex ixerred l-informazzjoni.

 

Seduta  325

24/03/2025

ĦEJJA T-TRIQ - Apprezzament tal-Arċisqof Emeritu Mons. Pawl Cremona

1. Tul din il-ġimgħa ġie msejjaħ lura sabiex jistrieħ ma’ missirijietna persuna ta’ qdusija partikolari. Nibqa’ nemmen li l-bnedmin jissejħu għal ħajja aħjar waqt li hemm fuq ikunu qed jiċċelebraw bil-kbir. Ma kienx b’kumbinazzjoni li fil-ġranet kollha tas-sena, dan l-Isqof li serviena sew, għadda għal dinja aħjar lejlet il-Festa ta’ San Ġużepp. Kif f’dan kien iggwida nhar it-30 ta’ April 2008, meta qal hekk: “Hemm ċerti affarijiet li jiġu mir-raġunar tagħna; jiġu mir-realtà tad-dinja ta’ madwarna. Imma mbagħad, il-bniedem li jkun nisrani, kultant iħares u jgħid “ħa nara Alla l-Imbierek, fil-għerf tiegħu, xi jrid jgħidli.

Mumenti iebsa

2. Serva bħala Arċisqof ta’ Malta f’mument diffiċli ħafna u kkumplikat iżżejjed. Mill-2007 sal-2014 ġarr fuqu l-problemi li kienu ġejjin mis-snin preċedenti fuq is-soċjetà tagħna u fuq il-Knisja Kattolika. Kien jaf li l-missjoni ma kienet xejn faċli għalih f’dak il-mument storiku. Kien jaf li kien ser ikun hemm forom ta’ transizzjoni mit-tmexxija preċedenti għal dik tiegħu biex il-Knisja timxi sew fil-Millennju l-Ġdid. Iktar u iktar fl-isfond ta’ dak li kien għaddej ġewwa Ruma. Fit-tibdiliet li kienu qed isiru, l-ewwel minn id il-Qaddis Papa Ġwanni Pawlu II, għal wara Benedittu XVI. Kif ukoll ir-riżenja ta’ Benedittu, li ħasdet lid-dinja u d-dħul ta’ Papa Franġisku magħha. Dan il-bniedem qaddis, intelliġenti u għaref sew kellu ħafna x’jaffronta.

Linja differenti

3. Il-formazzjoni Dumnikana tiegħu ċertament kienet fonti determinanti fejn ried imexxina sabiex, kif kien iddikjara: “Ħejju t-Triq għall-Mulej”. Kellu linja differenti, aktar umana, viċin is-sofferenza tal-bnedmin u tal-istess Fidi tagħna. Kellu mod li fiha, u għaliha, l-istess Kurja, ma kenitx ippreparata. Biss, il-pajjiż laqgħu b’imħabba u b’entużjażmu. Rajt diversi jduru lura u jinġibdu minn kliemu u minn għemilu. Ħadd ma seta’ jgħid kelma żbaljata fuq din ir-ruħ twajba, sensittiva, umli u li f’ħafna kien qiegħed iħoss dak li kien ġej u l-ambjent li fih kellha tibda sservi l-Knisja. Dak ta’ soċjetà li tiddikjara li hija Nisranija, imma li ma tridx taċċetta l-wirt u l-passat tajjeb li hija tatna. F’dinja fejn inqas persuni jipprattikaw dak li jemmnu fih. Separazzjoni ġdida li fetħet beraħ dak li kien qiegħed jinbena biċċa biċċa fis-snin ta’ qablu.

Mexxa sewwa

4. Fil-mumenti varji li kellu quddiemu għaraf jidderieġi lil diversi bnedmin. Kellu mumenti meta ċertament kien mill-iktar onorat, bħal meta ġie f’pajjiżna l-Papa Benedittu XVI, u oħrajn diffiċli, fl-ewwel impatti tal-bidliet li d-dħul fl-Unjoni Ewropea ġieb miegħu, u ma’ dan ġarrab ukoll il-passjoni li jara l-vot favur id-dħul tad-divorzju f’pajjiżna. F’dan ħa responsabbiltà ferm iktar milli kellu. Imma l-kuraġġ li jiddikjara dak li huwa sewwa u dak li għandu jsir dejjem baqa’ jiddikjarah u jwettqu huwa stess. Niftakar b’mod partikolari fil-quddiesa sabiex jinfetaħ il-Parlament tal-10 ta’ Mejju 2008, jgħidilna lilna d-deputati eletti fil-priedka ppreparata, meditata u stampata: “L-Ispirtu s-Santu jagħti l-qawwa biex dak li inti taf u li hu tajjeb ma tibżax, ma tiddubitax li tagħmlu. Jalla l-Ispirtu s-Santu, li għamel ħwejjeġ kbar fil-bidu tal-Knisja jerġa’ jagħmel dan kollu fuqkom.

Tista’ tkellmu

5. F’ħafna kien jispira qdusija u kunfidenza. Bnedmin li kienu qabel passi lura, issa kien jiġbidhom jersqu lejh. Ikellem lil diversi b’attenzjoni, dinjità u bl-abbiltà li jinftiehem ma’ min ikun qiegħed jikkomunika. Kelli f’dan diversi mumenti fejn stajt inkellmu fuq suġġetti varji. Kellu ċar f’moħħu li fid-dinja li qed ngħixu, in-Nisrani veru jrid jagħraf iktar il-valur tal-katakombi sabiex il-Fidi tinżamm u tibqa’ tiġi osservata. Kien dirett ħafna, mhux impulsiv. Jimmedita dwar dak li qed tgħid, u kont trid ukoll tkun attent f’dak li qiegħed tgħid miegħu. Kien deċiż jiggwida lil kull persuna ta’ rieda tajba. Iħares fit-tul u jibqa’ għaddej. Dan kemm seta’, għax ċert li f’mument kien qiegħed iħoss forom ta’ abbandun minn dawk li dmirhom kien li jsostnuh u jappoġġjawh, jew almenu li jkollhom l-għaqal u l-għerf li ma jitkellmux kuntrarjament għal dak li kien qiegħed jgħid hu. Kien hemm kontestazzjonijiet inutili u li ma jixirqux.

Ħielsa biex nimxu wara Ġesù


6. Ma kienx faċli għalih, hu li għex ħajja mhux proprju fl-għajn pubblika, li f’daqqa waħda sab ruħu hemm bl-irwiefen li dik il-pożizzjoni esponietu għalihom. Però f’qalbu u f’moħħu kellu l-għarfien tal-Istat u tar-responsabbiltà morali li kull persuna għandha. Niftakru fis-sena wara li kien f’pajjiżna Papa Benedittu XVI, li kien ċertament viċin tiegħu ħafna fil-ħsieb u fl-aġir, jindirizza lill-pajjiż fl-Indipendenza tal-2011. Hemm żewġ passi partikolari applikabbli għal kull żmien. Quddiem il-valuri tal-Ġustizzja, il-Ħniena u s-Sinċerità kien qal hekk: “Dawn huma l-virtujiet li jagħmlu soċjetà iktar umana: ġustizzja biex tagħti lil kull wieħed dak li hu tiegħu, u li ġej mid-dinjità proprja tiegħu bħala bniedem; ħniena għaliex hemm xi wħud li jridu għajnuna biex jirnexxilhom jieħdu dak li hu tagħhom; sinċerità għaliex irid ikun hemm kontinwità bejn il-moħħ, il-kliem u l-għemil tal-persuni biex dan iseħħ.” Kliem li jibqgħu dawl fid-dlam li qed ngħixu fih illum.

Sens tal-Istat

7. Kellu f’dan ukoll is-sens tal-Istat li jista’ jinbena fuq il-pilastri Nsara. Id-Demokrazija, il-Ġustizzja Soċjali huma dawn il-komponenti li jżidu fil-valur veru tagħna. Lejn l-aħħar ta’ dak l-indirizz, kien ikkonkluda hekk: “Anke l-Indipendenza u s-sovranità ta’ pajjiż tiddependi minn din is-solidarjetà fl-għemil ta’ kull ċittadin. Inkunu ħafna iktar mexjin lejn Indipendenza vera meta nifhmu li kull għemil ħażin għandu l-effetti tiegħu fuq l-oħrajn, kif ukoll għemil tajjeb u ġust għandu wkoll l-effett fuq l-oħrajn ukoll. L-Indipendenza hija ġabra ta’ dan kollu, tar-responsabbiltà personali ta’ kull wieħed u waħda minna.” Kien jaf sewwa x’inhu jgħid. Kemm kien hemm oħrajn li kienu lesti li jisimgħuh, dik hija ħaġ’oħra.

Tlifna

8. Waqt li ċertament insellmulu f’dak kollu li kien, u f’ħafna, f’dak li hu. Kliemu, ħidmietu ma jistgħux jintesew. Ser jibqgħu deċiżament magħna. Persuna mimlija b’għerf, intelliġenza u fuq kollox b’dożi kbar ta’ qdusija. L-Ordni ta’ San Duminku tilfu gwida interna għalihom, u pajjiżna daqstant ieħor. Nittama biss li f’dawn is-snin li ġejjin ikun hemm min janalizza u jikteb dwar dak kollu li ħallielna f’iktar dettall u fil-linji li huwa kien iħaddan. Mill-qalb insellimlu u nagħraf verament li kien strument determinanti sabiex iħejji t-triq għall-Mulej.

19.3.25

ĦAL TARXIEN - TRIQ SANTU WISTIN - XOGĦLIJIET

26262. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika: Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet qed isiru fi Triq Santu Wistin, f’Ħal Tarxien u kemm ser jiswew?

 

05/03/2025

 

ONOR. MIRIAM DALLI:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħala parti mit-tieni fażi ta’ rinfurzar tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku, fejn fl-ewwel fażi tpoġġew aktar minn 82 kilometru ta’ cables ġodda, Enemalta qed tqiegħed 60 kilometru ieħor ta’ cables ġodda taħt l-art f’diversi lokalitajiet inkluż f’Ħal Tarxien. Billi x-xogħlijiet huma kkordinati minn Infrastructre Malta, flimkien ma’ interventi infrastrutturali oħrajn li se twettaq fiż-żona indikata, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru konċernat.

 

Seduta  324

18/03/2025

ĦAL TARXIEN - TRIQ SANTU WISTIN - XOGĦLIJIET

26261. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet qed isiru fi Triq Santu Wistin, f’Ħal Tarxien u kemm ser jiswew?

 

05/03/2025

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

 

Seduta  324

18/03/2025 

ĦAL TARXIEN - TRIQ SANTU WISTIN - XOGĦLIJIET

26260. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet qed isiru fi Triq Santu Wistin, f’Ħal Tarxien u kemm ser jiswew?

 

05/03/2025

 

ONOR. CHRIS BONETT:  Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ma sarux xogħlijiet fi Triq Santu Wistin, imma fi triq kantuniera magħha, ċjoè Triq l-Iskola.

 

Seduta  324

18/03/2025

KUNSILL LOKALI TA’ RAĦAL ĠDID - RIVISTI PPUBBLIKATI

26259. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il rivista ħareġ il-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid matul is-snin 2021, 2022, 2023 u 2024 biex jinforma l-lokalità b’dak li qiegħed jiġri fl-istess lokalità u kemm kienet in-nefqa rispettiva? Jista’ jgħid ukoll kemm kien in-numru ta’ pubblikazzjonijiet stampati u jqiegħed kopja fuq il-Mejda tal-Kamra?

 

05/03/2025

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid li fis-snin imsemmija ma ippubblika l-ebda rivista minħabba li juża mezzi oħra biex ixerred l-informazzjoni.

 

Seduta  324

18/03/2025

SPTAR SAN LUQA - TINDIF U MANUTENZJONI TAS-SOQFA - RAPPORT

26258. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25697, jista’ l-Ministru jgħid jekk ir-rapport tax-xogħlijiet ta’ tindif u manutenzjoni tas-soqfa tal-Isptar San Luqa ġiex iffinalizzat? Jekk le, jista’ jgħid kemm huwa stmat li għad fadal biex dan ir-rapport jiġi ffinalizzat?

 

05/03/2025

 

ONOR. JO ETIENNE ABELA:  Nirreferi lill-Onor. Interpellant li għalissa m’għandi xejn aktar x’inżid mat-tweġiba tal-mistqosija parlamentari 25697.

 

Seduta  324

18/03/2025

FAĊILITÀ KORRETTIVA TA’ KORDIN - SENTENZA TA’ INQAS MINN 24 XAHAR

26257. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li matul is-sena 2024 kienu qed jiskontaw sentenza ta’ ħabs ta’ inqas minn 24 xahar?

 

05/03/2025

 

ONOR. BYRON CAMILLERI:  Infurmat li li matul is-sena 2024 kien hemm 537 il-persuna jiskontaw sentenza ta’ ħabs ta’ inqas minn 24 xahar.

 

Seduta  324

18/03/2025

IKTAR, MHUX INQAS

1. Biex tikkuntrasta dak kollu li huwa anti-demokratiku trid sempliċement ferm aktar demokrazija. Trid aktar spazju sabiex din is-sistema, li tiggarantixxi ħajja aħjar, timraħ fih. Jista’ jkollha d-difetti li l-bnedmin li jikkomponuha għandhom fihom. Biss, ir-rimedju mhuwiex li tnaqqsilha mill-ispazju. Tista’ żżid fil-liġijiet sabiex tibni, kemm tista’, il-garanziji li ħafna jippretendu li jkun hemm. Tista’ tfittex bnedmin iffurmati biex jidħlu jieħdu sehem u tista’ tassigura aktar mezzi biex tifforma sew lil dawk li għandek diġà. Tista’ tagħti aktar ħin u widen lil dawk li jservu fil-politika u tista’ wkoll ma taħsibx li minn barra għandek is-soluzzjonijiet ta’ ġewwa. Għall-Parlament ma hemmx għaqdiet jew organizzazzjonijiet superjuri għalih fil-kamp demokratiku.

Romano Prodi (1939)


2. Ftit ilu, dan il-bniedem li serva lil pajjiżu u li kliemu fih ħafna sens u sustanza, ġie mistoqsi mill-gazzetta La Repubblica dwar il-pożizzjoni demokratika fl-Italja llum. Fuq id-domanda: “E le ragioni della crisi quali sono?” (U r-raġunijiet tal-kriżi, x’inhuma?), huwa jwieġeb hekk: “Pensare che democrazia significhi che se vinci le elezioni puoi fare quel che vuoi. Il voto, legittima il comportamento autoriario. Lo strumento principe della democrazia viene usato per ucciderla.” (Il-ħsieb illi d-demokrazija tfisser illi jekk inti tirbaħ l-elezzjoni tista’ tagħmel dak li trid. Li l-vot jilleġittima l-aġir awtoritarju. L-istrument prinċipali tad-demokrazija jiġi wżat biex din tinqatel.)

Hija sfida

3. Kliem li jmexxina nifhmu ferm aktar l-isfidi li għandna llum, fejn id-dinja trid tidher dominata minn vuċijiet awtoritarji. Nistgħu nittolleraw, nibqgħu pass lura, ma ngħidux l-affarijiet kif inhuma, imma fir-realtà hija dik il-pożizzjoni. Direttament jew indirettament, ħlief diskors kontra dawk li jħaddnu sistemi demokratiċi m’aħniex naraw. Għax jekk tħares bħala mira dik li tolqot lill-Unjoni Ewropea, fil-fatt qiegħed tipprova tattakka u tnaqqas mis-saħħa vuċi demokratika li f’ħafna hija wkoll kuxjenza mondjali. L-għarfien li hemm, fost il-kbar tad-dinja, sistemi li jiggarantixxu lil xulxin proprju għax marbuta ma’ linji ta’ libertajiet u drittijiet fundamentali li jistgħu jibqgħu jimirħu għax huma f’demokrazija. Dawk li jagħmlu dinja aħjar għall-bnedmin.

Iggarantiet ukoll

4. F’dan hija kabbret u ggarantiet li l-ekonomiji ta’ dawn in-nazzjonijiet jikbru. Dan fil-libertà kummerċjali fi ħdan regoli ċari li jiggarantixxu l-kompetizzjoni ġusta mibnija fi stat tal-liġi. Fi stat fejn kull min qiegħed f’din il-linja ta’ ħidma jagħraf li mhuwiex sew li jkun hemm min ikollu vantaġġi ‘speċjali’ fuq oħrajn. Dak il-vantaġġ, flok ikabbar il-libertà u l-kummerċ, iċekkinhom. Flok jippermetti lil dawk li jkollhom ideat ġodda u li huma intraprendituri veri li jiffjorixxu, isibu ruħhom imxekkla minn dawk li għandhom il-ħbiberiji. Dawk li jersqu wisq viċin il-politiċi, li jixtruhom u li jdaħħluhom fejn m’għandhomx. F’ħafna, parti mit-traġedja li qed ngħixu f’pajjiżna fil-proċessi li qed naraw, hija din. Konnessjonijiet imwielda mill-inċens u t-tqassim lura ta’ ħidmiet żbaljati.

Kieku

5. Fil-verità, kollox jiddependi fuq numru ta’ fatturi. Fuq naħa kemm min qiegħed imexxi huwa skrupluż u attent fil-ġurament tiegħu li jkun u jaġixxi demokratikament fis-servizz tas-sistema. Fuq in-naħa l-oħra kemm is-sistema demokratika tkun b’saħħitha biex tikkontrolla fejn ikun hemm l-attitudni ta’ kif qal Prodi: “Il voto, legittima il comportamento autoritario.” Parti oħra minn dak li aħna llum ġej mill-passat reċenti li jħammar il-wiċċ ta’ diversi, li ppermetta linja li bniet lilha nfisha madwar il-kult tal-personalità. Ħafna ċekknu l-gravità anti-demokratika ta’ dak li kien għaddej. Oħrajn daħlu parti minnha fil-kompromessi bejn is-sewwa u dak li mhuwiex. Fil-verità f’dan, fl-aħħar tal-ġuranta kollox iddependa u jibqa’ jiddependi fuq kif, u kemm wieħed hu kapaċi juża l-istituzzjonijiet demokratiċi, l-iktar il-Parlament.

Il-Kamra tad-Deputati

6. Forsi ftit jifhmu kemm il-Parlament huwa determinanti mill-ħajja soċjo-ekonomika tagħna. Mhuwiex biss il-kumitat tal-politiċi: huwa ferm aktar. Meta tiġi biex tmissu trid iżżomm f’moħħok li mhuwiex kumpanija kummerċjali. Mhux post fejn hemm diretturi u managers, imma ferm aktar. Il-Parlament mhuwiex hemm biex jiġġustifika l-eżistenza tiegħu fuq bażi ekonomika, jew jekk jagħmilx sens li jkollna Parlament abbażi ta’ kemm qed inħallsu jew kemm qiegħed ikun hemm xi forma ta’ prodott ‘semi-industrijali’. Il-valur tad-deputat mhuwiex skont kemm jitħallas onorarja. Anqas kemm hemm ‘impjegati’ tal-Parlament li qed inħallsu ‘żejda’. Wisq inqas ma tgħodd xi forma ta’ loġika li aktar ma tħallashom, aktar ma jkunx hemm tentazzjonijiet. F’dan, u għalhekk ukoll, is-sistema demokratika hija miftuħa proprju biex tikxef id-differenza bejn dawk li jidħlu biex iwettqu l-ġid komuni u dawk li jħarsu aktar lejn dak personali.

Kif qegħdin

7. Fil-verità, għandna bżonn ta’ iktar ħin dedikat għall-ħidma fil-Kamra tad-Deputati. Jidher ċar li tnax-il siegħa ta’ seduti mhumiex biżżejjed. Ma’ dan hemm aktar il-problema li l-gazzetti u l-medja, sforz dak li jmissu ekonomikament miegħu biex jibqgħu għaddejjin, naqqsu mill-attenzjoni tagħhom lejn il-ħidma normali u regolari li ssir hemm ġew. Hemm vojt fin-nuqqas ta’ informazzjoni, bir-riżultat li hawn min jaħseb li l-ħidma ma ssirx jew li dak jsir mhuwiex importanti għalih. Ċertament sitwazzjoni fejn l-għarfien li fil-Parlament hemm diskussjoni neċessarja u salutari mhijiex tafferma ruħha. Għalhekk hemm bżonn ta’ iktar spazju u mhux inqas spazju demokratiku. Meta f’dan kollu wieħed iħares u jikkunsidra: l-ewwel, li jista’ jitnaqqas il-ħin għad-dispożizzjoni; it-tieni, tnaqqis fin-numru ta’ bnedmin li jiffurmawh; it-tielet: ir-rappurtaġġ ta’ dak li għaddej fih, fir-realtà jkun qiegħed jaċċetta u jkun parteċipi fit-tnaqqis tad-demokrazija. Għax huwa essenzjali li d-demokrazija tkun preżenti aktar, u li fil-fatt m’għandhiex il-bżonn li tkun effiċjenti, imma effikaċi.

Ma tantx naqbel

8. F’dan ma naqbilx ma’ min qiegħed jiddikjara li d-deputati għandhom jonqsu. M’għandhomx. Aktar ma jkun hemm mill-esperjenza politika li ġbart, aktar għandek garanziji li l-vuċi tal-poplu tinstema’. Iktar, għax qed tassigura li hemm bnedmin li jisimgħu, jiltaqgħu u jmissu direttament mal-problemi li għandu l-poplu. Lanqas ma naqbel li trid tirriduċi lil kull deputat sabiex isir ‘full-time’. Magħluq f’bozza jagħmel dak li ħaddieħor, li għandu l-mezzi, jiddeċiedi li jridu jwettaq. Kull deputat għandu jirċievi onorarja ġusta, imma l-ħeġġa tiegħu biex jaħdem m’għandhiex tkun marbuta ma’ dan.

Oligarkija

9. Kull min jidħol fil-kamp politiku jrid jiġi mħajjar sabiex ikun jista’ jidħol u joħroġ minnu għax għandu l-libertà. Dik li jkompli fil-professjoni u x-xogħol normali tiegħu u mhux isib ruħu fir-rikatt li jekk joħroġ u ma jikkonformax ma’ dak li ma jaqbilx miegħu ser isib il-vojt. Diġà hija diffiċli għal min huwa Ministru jwettaq dan. Ma nġibuhiex ukoll għal kull deputat. U wisq aktar f’dan, fuq in-naħa l-oħra, għandna nkunu attenti li ma nżidux il-ħsieb li kellna ftit ilu li jista’ jkollok ġabra ta’ oligarki fil-poter. Il-libertà demokratika titlob riflessjoni attenta, korretta, u minn ottika politika u mhux ekonomika jew neo-liberali tas-suq jew tal-korporattiv. Dan għaliex id-demokrazija hija dik is-sistema li tiggarantixxi l-futur tal-pajjiż tagħna. F’dan għandna nifhmu li aktar deputati mhumiex xi żvantaġġ għas-sistema, imma assikurazzjoni għaliha.

17.3.25

ĦAL TARXIEN - TRIQ SANTA MARIA - TINDIF TA’ SPRALLI

25983. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 1950, 1951 u 1952, jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħlijiet neċessarji fl-ispralli li jinsabu fi Triq Santa Maria, f’Ħal Tarxien, mill-kantuniera ta’ Triq is-Sorijiet sa Triq l-Iskola, humiex qed isiru, peress li kull darba li tagħmel ix-xita t-triq tkun mimlija perikli?

 

26/02/2025

 

ONOR. CHRIS BONETT:  Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

 

Seduta  323

17/03/2025

ĠURI PENDENTI

25962. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni: Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il ġuri kien hemm pendenti sal-aħħar tas-sena 2024 u liema huwa l-iktar li ilu pendenti?

 

26/02/2025

 

ONOR. JONATHAN ATTARD:  Ninforma lill-Onor. Interpellant illi sal-aħħar tas-sena 2024 kien hemm mitejn u sebgħa u għoxrin (227) ġuri pendenti.  Fosthom hemm sittax (16)-il ġuri appuntat.  Il-kumplament qed jistennew li jiġu appuntati jew l-eżitu ta’ proċeduri oħrajn.  L-aktar ġuri li ilu pendenti ilu hekk mis-sena 2008.

 

Seduta  323

17/03/2025

FAĊILITÀ KORRETTIVA TA’ KORDIN - KAŻIJIET BIEX JIĠU DEĊIŻI AKTAR MINN ĦAMES SNIN

25961. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25534, jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-persuni li kienu qed jistennew li l-każ tagħhom jiġi deċiż u l-proċess determinat waqt li kienu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, ilhom aktar minn ħames snin jistennew?

 

26/02/2025


ONOR. BYRON CAMILLERI:  Ninsab infurmat li persuna waħda biss.

 

Seduta  323

17/03/2025

FAĊILITÀ KORRETTIVA TA’ KORDIN - KAŻIJIET BIEX JIĠU DEĊIŻI AKTAR MINN GĦAXAR SNIN

25960. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25534, jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-persuni li kienu qed jistennew li l-każ tagħhom jiġi deċiż u l-proċess determinat waqt li kienu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, ilhom aktar minn għaxar snin jistennew?

 

26/02/2025

 

ONOR. BYRON CAMILLERI:  Ninsab infurmat li t-tweġiba hija fin-negattiv.

 

Seduta  323

17/03/2025

FAĊILITÀ KORRETTIVA TA’ KORDIN - PERSUNI TAĦT ARREST JEW BIEX JISKONTAW SENTENZA

25959. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu effettivament il-persuni li daħlu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin fis-sena 2025, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, jew li kienu taħt arrest jew biex jiskontaw sentenza?

 

26/02/2025

 

ONOR. BYRON CAMILLERI:  Ninsab infurmat li sal-aħħar ta’ Frar 2025, daħlu 181 persuna fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, li minnhom 140 daħlu arrestati u 41 b’sentenza.

 

Seduta  323

17/03/2025

FAĊILITÀ KORRETTIVA TA’ KORDIN - PERSUNI TAĦT ARREST JEW BIEX JISKONTAW SENTENZA

25958. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu effettivament il-persuni li daħlu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin matul is-sena 2024 jew li kienu taħt arrest jew biex jiskontaw sentenza?

 

26/02/2025

 

ONOR. BYRON CAMILLERI:  Ninsab infurmat li matul is-sena 2024 kien hemm 891 persuna li daħlu fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin.

 

Seduta  323

17/03/2025

ĠEJ LURA ĠONA?

1. Aljenati kif ninsabu fuq ħwejjeġ oħra, ma nirrealizzawx kemm għandna wirt ta’ bnedmin li ħadmu u servew fil-ħajja politika. Bnedmin li r-realtà hija li ftit jiġu apprezzati. Dawk li ġarrbu huma kapaċi jagħtu gwida ferm aħjar lil dawk li għadhom deħlin. Mhux biss, imma għandhom esperjenza frott dak li għaddew minnu li qegħda tintilef proprju għax ma hemmx fejn jinstemgħu, u mill-istess klassi politika preżenti anqas min irid jismagħhom. Qisu nibqgħu nirrepetu l-iżball li min jilħaq ‘ġdid’ jimmaġina li x-xemx telgħet miegħu u li waħdu huwa kapaċi jsib tarf ta’ problemi akbar minnu.

Fuq Profili

2. Ħadt pjaċir tul din il-ġimgħa nikkonferma dan kollu waqt li kont qed nisma’ intervista partikolari fuq il-programm magħruf Profili fuq NET Television. Ippreparat b’attenzjoni minn James Aaron Ellul, kull ġimgħa jkun hemm x’tifhem. Fl-aħħar wieħed kien hemm il-Professur Josef Bonnici (1953). Diskussjoni mill-isbaħ, mimlija b’għerf u gwida li, bħal dejjem, kapaċi jagħti. Persuna umli, ippreparat, titgħallem mingħandu u miftuħ għal ideat ġodda. Serva u għadu kemm jitħalla jservi lil pajjiżna. Bniedem li ħadem sew bħala Ministru fi Gvernijiet Nazzjonalista, fil-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea, Gvernatur tal-Bank Ċentrali, akkademiku, u kapaċi jiggwida u jifforma lil dak li jkun. Fil-ftit ħin li kellu għad-dispożizzjoni tiegħu għadda minjiera ta’ informazzjoni u direzzjoni. Ħasra li l-għerf tiegħu mhuwiex jinġabar u wżat mill-ġdid.

Djalogu

3. Forsi aktar f’dan wieħed jifhem kemm il-pajjiż, fil-verità, nbidel minn kif kien. Forsi sforz l-esperjenzi reċenti li kellna. Dawk marbuta mal-għarfien ta’ kemm il-ħajja u l-ordni huma fraġli. F’kemm fi ftit jiem, ħajja attiva ssir waħda magħluqa bil-preżenza tal-Pandemija. Forsi wkoll f’dak li l-edukazzjoni tul dawn l-aħħar snin irnexxielha tgħaddi. F’poplu aktar mgħarraf u attent f’dak li għaddej, fejn ftit minnu għadu jippermetti lilu nnifsu li jinħakem minn ideat politiċi li ma jħaddanx. Forsi wkoll f’dak li rajna quddiemna fix-xenarju internazzjonali ta’ mexxejja ta’ pajjiżi kbar iċanfru u jgħidu diskors żejjed fil-konfront ta’ xulxin pubblikament. Dak bħal ma rajna bejn Volodymyr Zelenskyy (1978) u Donald Trump (1946). Imma nħoss dejjem iktar li l-bnedmin fuq dawn il-gżejjer ma jridux aktar il-politika tal-konfrontazzjoni. Għalihom din saret sterili u inutli. Qed jippreferu ferm iktar dik li hija favur il-ħidma t-tajba u siewja milli dik tal-istorbju.

Fatti

4. Fil-punt kruċjali ta’ dak li għaddej huwa iktar ċar li l-pajjiż irid aktar verità minn dik li qed toħroġ jew li qed tingħad. Irid iktar politika bażata fuq prinċipji li mwielda mill-fonti tal-valuri jassiguraw tkabbir uman ġenwin. Hemm sejħa għal politika ta’ viżjoni bażata fuq il-linja politika li ż-żewġ partiti prinċipali jirrappreżentaw. Fuq in-naħa tagħna aktar dożi ta’ direzzjoni Demokratika Kristjana milli naħsbu. Iridu wkoll politika li ma tibqax tiċħad l-istatistika u dak li huwa mill-iktar evidenti li ser iseħħ fil-futur qarib. Il-poplu jippretendi li ma jkunx hemm aktar din il-linja li ma tagħtix każ tiegħu f’dak li qed jgħid, imma dik li taffronta verament il-problemi. Taffronta l-għarfien li minkejja d-diversi sforzi mhux qed ikun hemm il-bidliet li wieħed jippretendi fiċ-ċirkostanzi komplessivi tal-lum.

Dinjità u Valur

5. Forsi f’dan hemm iktar il-bżonn ta’ min imur kontra l-kurrent biex jispjega ċar li l-poplu għandu dinjità u valur li l-politiċi jridu jirrispettaw. Li, kif qrajt reċentement f’George Weigel (1951), hemm linja politika partikolari: “And the truth that recognizing this built-in dignity and value discloses certain moral obligations and responsibilities, including the obligation to contribute to the common good and the responsibility of living in solidarity with others, especially those who find living their obligations and fulfilling their responsibilities difficult.) (U l-verità li tagħraf din id-dinjità u valur naturali, li tgħaddi obbligazzjonijiet u responsabbiltajiet morali, inkluż dik li tikkontribwixxi għall-ġid komuni u r-responsabbiltà li tgħix f’solidarjetà ma’ oħrajn, speċjalment dawk li jsibuha diffiċli jwettqu u jgħixu r-responsabbiltajiet tagħhom.)

Żmien l-indiema

6. Huwa ċar li f’dan ninsabu fi żmien fejn wieħed jagħraf l-iżbalji passati u preżenti. Jagħraf kif irid jibda jsib tarf sabiex dan il-pajjiż jibdel iktar ir-rotta li qabad. Jagħraf li għandu jkollu alternattivi veri. Jagħraf li fil-fatt għandu bżonn vuċijiet fi ħdanu li jfehmu l-istorja sabiex tinbena aħjar fil-futur li ġej għaliha. Jagħraf aktar li hemm mument meta wieħed irid jersaq fil-ġenb, jieħu pass lura u jifhem li hemm lok għal dożi qawwija ta’ ndiema. Jagħraf iktar f’dan li għandu bżonn persuni mimlija għerf u esperjenza bħall-Professur Josef Bonnici li jservuna sew bi kliemhom. Verament m’aħniex fi żmien it-Testment l-Antik, imma ċertament nagħraf iktar li għandna soċjetà li qegħda tistaqsi jekk Ġona jistax, jew huwiex, ġej lura.

LIBRERIJI - RIMI TA’ KOTBA

25957. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 25522 u 25698, jista’ l-Ministru jindika mil-liema libreriji sar l-eżercizzju li qed jagħmel referenza għalih fl-istess tweġibiet u jgħid kemm kienu komplessivament il-kotba li ntremew?

 

26/02/2025

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Ninsab infurmat li s-sena l-oħra sar weeding f’dawn il-libreriji: Attard, Birkirkara, Central Public Library – Floriana, Fgura, Gozo Central Public Library, Għajnsielem, Għaxaq, Gudja, Gżira, Luqa, Mellieħa, Nadur, Mġarr, Mosta, Msida, Mtarfa, Naxxar, Pembroke, Paola, Qormi, Qrendi, Rabat (Malta), Sannat, San Pawl il-Baħar, Siġġiewi, Sliema, Santa Luċija, Xagħra, Xewkija, Żabbar, u Żejtun.

Nagħmel referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 25522 u 25698 fir-rigward tal-proċedura t’avalwazzjoni u l-użu jew recycling tal-weeded books. Din il-proċedura tal-weeding issir fil-libreriji tad-dinja kollha u huwa proċess importanti biex inżommu l-libreriji relevanti u siguri.

Ninsab infurmat li n-numru ta’ kotba li ġew weeded fl-2024 tammonta għal 22,582. Din l-istatistika tinżamm għal fini ta’ rekord u accountability. Fil-kotba ikun hemm ukoll checklist fejn tindika eżatt għal-liema raġuni ġie weeded u fejn sejjer jekk hux riċiklaċċ, jinbigħ bħala second handbook jew jingħata donazzjoni f’attivitajiet tal-libreriji.

 

Seduta  322

12/03/2025

AFM COMPLAINTS BOARD - COMMISSION FOR INJUSTICES - PAGAMENTI

25956. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25699, rigward l-operat tal-AFM Complaints Board - Commission for Injustices, jista’ l-Ministru jindika x’kienu l-parametri tal-pagamenti ex gratia jew li ġew deċiżi on case by case basis?

 

26/02/2025

 

ONOR. BYRON CAMILLERI:  Ninsab infurmat li, kif spjegajt fil-mistoqsija parlamentari 25699, li ex-gratia payment huwa pagament wieħed li ngħata lil dawk kollha li aċċettaw id-deċiżjoni bħala full & final settlement.

 

Mill-banda l-oħra, dawk li ngħataw raġun mill-Board u aċċettaw id-deċiżjoni, irċevew l-arretrati tal-pagi tagħhom dovuti skont il-bażi ta’ dak iż-żmien u d-differenza fir-rank, kif applikabbli.

 

Seduta  322

12/03/2025

KUMMISSJONI GĦOLJA TA’ MALTA FIL-KANADA - ĦIDMA

25955. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lid- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu: Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid x’ħidma saret mill-Kummissjoni Għolja ta’ pajjiżna fil-Kanada minn meta nfetħet sal-aħħar ta’ Diċembru 2024?

 

26/02/2025

 

ONOR. IAN BORG:  Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Kummissjoni Għolja ta’ Malta f’Ottawa ġewwa l-Kanada għaddejja mill-fażi inizjali tagħha. Il-Kummissarju Għoli Dr. Mark Pace ippreżenta l-kredenzjali tiegħu f’April li għadda. Għaddejja ħidma sħiħa biex jiġu stabbiliti l-funzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex il-Kummissjoni Għolja tkun tista’ topera bis-sħiħ.

Bħala titjib fir-relazzjonijiet bilaterali ta’ bejn Malta u l-Kanada saru diversi laqgħat introduttorji mal-awtoritajiet lokali. Il-Kanadiżi urew interess partikolari fl-irwol ta’ Malta f’organizzazzjonijiet multilaterali, bħall-Presidenza Maltija fil-Grupp ta’ Azzjoni Ministerjali fil-Commonwealth (Commonwealth Ministerial Action Group, CMAG), kif ukoll sabiex jibdew sensiela ta’ konsultazzjonijiet politiċi (Political Consultations).

Il-Kummissjoni Għolja stabbilixxiet kuntatti ma’ Membri tal-House of Commons u s-Senat u bħalissa għaddejjin diskussjonijiet għat-twaqqif ta’ Grupp ta’ Ħbiberija Parlamentari Kanadiż-Malti (Maltese-Canadian Parliamentary Friendship Group) bl-appoġġ ta’ Deputati Kanadiżi ta’ nisel Malti.

Il-Kummissjoni Għolja qiegħda tikkopera ukoll mal-Malta Enterprise u mal-Kamra tal-Kummerċ ta’ Malta dwar it-tfassil ta’ strateġija għal relazzjoni bilaterali aktar b’saħħitha fl-isfera ekonomika. Qed tikkopera ukoll mal-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu sabiex tfakkar is-sittin sena anniversarju tal-Indipendenza ta’ Malta kif ukoll minn meta ġew stabbiliti r-relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u l-Kanada.

Minn dan l-aspett, il-Kummisjoni Għolja qiegħda tagħti prijorita’ kbira lid-dijaspora Maltija. Ta’ min ifakkar li l-Kanada tospita t-tieni l-akbar komunita’ ta’ Maltin li jgħixu barra minn xtutna. Il-Kummissjoni għenet ukoll fl-identifikazzjoni tal-membri Kanadiżi fil-Kumitat tal-Maltin li jgħixu barra minn Malta. Barra minn hekk, il-Kummissjoni nediet ukoll għaqda informali ta’ professjonisti, akkademiċi u artisti Kanadiżi-Maltin li jiltaqgħu għal laqgħat regolari, bil-għan li trawwem kuntatti bejn in-nies, skambji ekonomiċi u edukattivi. Ġew stabbiliti ukoll kuntatti ma’ Universita’ ġewwa Ottawa u qed isiru l-preparamenti għall-ewwel diskussjonijiet ma’ tliet fakultajiet ġewwa l-Università ta’ Malta.

 

Seduta  322

12/03/2025

ASSEMBLEA ĠENERALI TAN-NAZZJONIJIET UNITI - KWISTJONI TAL-INVAŻJONI TAL-UKRAINA

25954. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lid- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu: Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid x’pożizzjoni ħadet pajjiżna fis-seduta quddiem l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti ta’ nhar il-24 ta’ Frar 2025 fil-kwistjoni tal-Invażjoni tal-Ukraina?

 

26/02/2025

 

ONOR. IAN BORG:  Ninforma lill-Onor. Interpellant illi hekk kif f’dawn il-jiem qed nimmarkaw tliet snin mill-bidu tal-aggressjoni Russa fuq l-Ukrajna, Malta tibqa’ soda fl-impenn tagħha lejn is-sovranita’ u l-integrita’ territorjali tal-Ukrajna fi ħdan il-fruntieri internazzjonalment rikonoxxuti tagħha. Dan kien il-messaġġ  li pajjiżna wassal waqt il-laqgħa tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda fl-24 ta’ Frar 2025 li huwa rifless fil-votazzjonijiet  fir-rigward taż-żewġ riżoluzzjonijiet li ġew adottati dwar l-Ukrajna.

 

Riżoluzzjoni tal-Ukrajna flimkien ma’ pajjiżi Ewropej:

L-Ukrajna, flimkien ma’ numru ta’ pajjiżi Ewropej, ipproponew Riżoluzzjoni bl-isem “L-avvanz ta’ paċi komprensiva, ġusta u dejjiema fl-Ukrajna”. Ir-riżoluzzjoni appellat għal impenn favur “is-sovranita’, l-indipendenza, l-għaqda u l-integrita’ territorjali tal-Ukrajna fi ħdan il-fruntieri internazzjonalment rikonoxxuti tagħha” u l-ħtieġa li jiġi żgurat l-obbligu ta’ rendikont għal reati mwettqa taħt il-liġi internazzjonali, permezz ta’ “investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet ġusti u indipendenti fuq livell nazzjonali u internazzjonali”. Din ir-riżoluzzjoni ġiet adottata bi 93 vot favur, 18 kontra, inkluż l-Istati Uniti u b’65 astensjoni. Malta vvutat favur u ko-sponsorjat din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni Ewropea, bl-esklużjoni ta’ pajjiż wiehed li vvota  kontra.


Riżoluzzjoni tal-Istati Uniti:

L-Istati Uniti ppreżentat riżoluzzjoni oħra bl-isem “Triq għall-Paċi” li iffukat fuq it-tqanqil tat-telf tal-ħajja tul il-kunflitt bejn ir-Russja u l-Ukrajna, fejn tenniet li l-iskop prinċipali tan-Nazzjonijiet Magħquda huwa li żżomm il-paċi u s-sigurta’ internazzjonali u li ssolvi b’mod paċifiku t-tilwim u ssejjaħ għat-tmiem rapidu tal-kunflitt, filwaqt li tħeġġeġ paċi dejjiema bejn l-Ukrajna u r-Russja.

Ir-Russja u l-Unjoni Ewropea ressqu emendi differenti għal din ir-riżoluzzjoni. Ir-Russja pproponiet li żżid il-kliem “inkluż billi tindirizza l-kawżi ewlenin tagħha” mat-tielet paragrafu (dwar tmiem rapidu tal-kunflitt). Din l-emenda ma ġietx adottata fl-Assemblea Ġenerali, b’31 vot favur, 71 kontra u 59 astensjoni. Li wieħed jinnota lis-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea kollha vvutaw kontra.

Franza, f’isem numru ta’ Stati Ewropej (inkluża Malta), ipproponiet tliet emendi għar-Riżoluzzjoni tal-Istati Uniti, li żiedu referenzi għall-invażjoni fuq skala sħiħa tar-Russja, is-sovranita’ u l-integrita’ territorjali tal-Ukrajna, u l-ħtieġa ta’ “paċi ġusta, dejjiema u komprensiva bejn l-Ukrajna u l-Federazzjoni Russa skont il-Karta (Charter) tan-Nazzjonijiet Magħquda”. L-Assemblea Ġenerali adottat dawn l-emendi b’60 vot favur, 18 kontra, u 81 astensjoni. Malta vvutat favur u ko-sponsorjat dawn l-emendi, flimkien ma’ 24 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea. [1] L-Istati Uniti vvutat kontra l-emendi u astjeniet fuq ir-riżoluzzjoni tagħha stess.

Il-verżjoni emendata tar-riżoluzzjoni tal-Istati Uniti ġiet adottata bi 93 vot favur, 8 kontra u 73 astensjoni. 26 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea inkluż Malta ivvota favur, filwaqt li pajjiż wiehed astjena.

 

Stqarrija ta’ Malta

Malta għamlet ukoll stqarrija waqt din il-laqgħa tal-Assemblea Ġenerali li mmarkat it-tielet Anniversarju tal-Gwerra tal-aggressjoni tar-Russja fuq l-Ukrajna. Fl-istqarrija tagħha, Malta sostniet li paċi ġusta, dejjiema, u komprensiva fl-Ukrajna teħtieġ it-tmiem immedjat tal-ostilitajiet mir-Russja, flimkien mal-irtirar bla kondizzjonijiet u sħiħ tal-forzi militari Russi mit-territorju kollu tal-Ukrajna b’rispett lejn il-fruntieri internazzjonalment rikonoxxuti tagħha. Malta esprimiet ukoll it-tħassib tagħha dwar is-sitwazzjoni umanitarja u l-vjolenza sesswali u l-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru u d-deportazzjonijiet sfurzati fl-Ukrajna, b’mod partikolari dwar it-trasferimenti tat-tfal lejn ir-Russja. 

 

 

_________________________

[1] L-Ungerija vvutat kontra u s-Slovakkja astjeniet. L-Italja vvutat favur imma ma ko-sponsorjatx.

 

Seduta  322

12/03/2025

IL-BELT, VALLETTA - ROUNDABOUT QUDDIEM L-BERĠA TA’ KASTILJA

25953. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jara li l-art madwar ir-roundabout preċiż quddiem il-Berġa ta’ Kastilja fil-Belt, Valletta, tiġi msewwija billi ilha hekk numru ta’ ġimgħat?

 

26/02/2025

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta li l-manutenzjoni ta’ Pjazza Kastilja dejjem issir mid-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni.  Għaldaqstant nirreferi lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

 

Seduta  322

12/03/2025

IL-BELT VALLETTA - TRIQ SAN ĠWANN - XOGĦLIJIET

25952. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 25039 u 25524 li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, jista’ l-Ministru jgħid kemm ser idumu għaddejjin ix-xogħlijiet fi Triq San Ġwann, il-Belt Valletta u kemm ser jiġu jiswew?

 

26/02/2025

 

ONOR. CHRIS BONETT:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet imsemmija mistennija li jitlestew fi żmien għaxar ġimgħat u huma stmati li jiswew €180,000.

 

Seduta  322

12/03/2025

REALPOLITIK MINGĦAJR VALURI

1. Hemm dibattitu li ilu sekli għaddej. Dak marbut mal-moralità u l-politika barranija. Mhux faċli tanalizza dan illum, fix-xenarji li qed jiżviluppaw quddiemna. Jew forsi huwa wkoll proprju minħabba dan li pajjiżi varji qed jirreaġixxu. Fuq naħa fl-għarfien li l-Istati Uniti tal-Amerika kellhom linji ta’ politika f’dan il-kamp mod, li llum jidhru li qed jinbidlu ta’ taħt fuq, u fuq hekk tqum id-domanda jekk dan huwiex biss każ ieħor ta’ realpolitik internazzjonali. Iktar u iktar quddiem il-fatt sempliċi li għal snin twal, f’dak il-pajjiż “totalitarianism was a mortal peril to free societies” u li l-preżenza Amerikana kienet hemm biex tiddefendi d-demokraziji u l-valuri oċċidentali. F’dan kien hemm lezzjonijiet u direzzjonijiet differenti, fejn ebda President ma segwa preċiżament lil ta’ qablu, imma hemm kienu.

X’jaħsbu

2. George Weigel (1951), magħruf l-aktar għall-ktieb voluminuż tiegħu dwar il-Papa qaddis Ġwanni Pawlu II imma preżenti fl-analiżi politika u soċjali attwali, għandu riflessjonijiet tajba dwar dan fil-ktieb The Fragility of Order (2018). Huwa jiddikjara hekk: “American power was a positive force in the world. The prudenti exercise of American power was not only necessary but good, for it aimed at securing the morally worthy goal of peace through freedom.” (Il-Forza Amerikana kienet waħda pożittiva għad-dinja. L-eżerċizzju għaqli tal-poter Amerikan ma kienx biss neċessarju imma tajjeb, għax kien jimmira li jħares li jassigura l-għan morali ta’ valur, li jkun hemm il-paċi permezz tal-libertà.) Ideat li, f’ħafna, għalihom u għalina kienu kostanti.

Pożizzjoni aqwa

3. Kienu f’dan aktar fi grad ta’ superjorità, li fl-aħħar mill-aħħar hemm din il-potenza mondjali differenti mid-dittatorjati. Mhux biss poter u saħħa fid-deċiżjonijiet mondjali, imma direzzjoni politika internazzjonali mmarkata li tafferma li l-valuri morali t-tajba għandhom jiġu affermati. Veru li mhux il-Presidenti kienu preċiżi fuq xulxin, iktar u iktar fl-għarfien li wħud kienu wlied il-Partit Demokratiku u oħrajn wlied dak Repubblikan. Biss, anke jekk ebda President ma jista’ jingħad fuqu li kien qaddis, għalkemm Jimmy Carter (1924-2024) ċertament kellu valuri Nsara dikjarati, xorta l-bandiera tal-libertà, tad-demokrazija u tad-drittijiet fundamentali ma ġewx abbandunati għall-esiġenzi politiċi puri. Waħda li diversi, fil-ġenerazzjoni li għaddejja, jidentifikaw mal-President John F. Kennedy (1917-1963).

Kien hemm


4. Kien hemm oħrajn qabel, però Kennedy kien dak li għaraf li l-vantaġġ bejn pajjiżu, u dak iż-żmien l-Unjoni Sovjetika, kienet ġejja minn dak ukoll. Kien kapaċi jwassal messaġġi ta’ Valuri u Realpolitik f’daqqa. Fl-20 ta’ Jannar 1961, fid-diskors inawgurali tiegħu kien iddikjara li kien hemm ġenerazzjoni ta’ bnedmin li batew biex setgħet Tirrenja l-paċi li ma kenitx lesta ċċedi fil-ġlieda tagħha għad-drittijiet fundamentali tal-bniedem. Diskors li jimmerita jinqara mill-ġdid illum, erbgħa u sittin sena wara. Senjatament meta tisma’ lura mill-ġdid li: “Let every nation know, whether it wishes us well or ill, that we shall pay any price, bear any burden, meet any hardship, support any friend, oppose any foe to assure the survival and the success of liberty.” (Kull pajjiż għandu jkun jaf, sija jekk iridilniex il-ġid jew id-deni, li aħna lesti li nħallsu kull prezz, nieħdu fuqna kull piż, naffrontaw kull diffikultà, nappoġġjaw kull ħabib, nopponu kull għadu sabiex nassiguraw l-eżistenza u s-suċċess tal-libertà.)

Inbniet kultura

5. F’dan inbniet għall-ġid ta’ dak il-pajjiż linja ta’ ideat kulturali li drajna f’sens pożittiv. Ħadd ma ħa lil ħadd, kif jgħidu huma stess, “for granted”, imma għal dawn l-aħħar tmenin sena dik kienet il-linja. Kennedy jibqa’ f’diskorsu dawl fil-valuri li ħaddan u li pprova jqiegħed fis-seħħ. Imma kif tajjeb jirrimarka Weigel, kien hemm Presidenti oħra wara li niżżlu isimhom u m’abbandunawx dan. George Bush (1946) li f’Jannar 2005 kien, fost oħrajn, iddikjara f’linja dejjem avvanzata u ċara li: “We are led, by events and common sense, to one conclusion: The survival of liberty in our land increasingly depends on the success of liberty in other lands. The best hope for peace in our world is the expansion of freedon in all the world.” (Aħna mmexxijin minn eventi u sens komun, lejn konklużjoni waħda: Il-libertà tibqa’ ħajja u tiddependi dejjem aktar f’pajjiżna mis-suċċess tal-libertà f’artijiet oħra. L-aħjar tama għall-paċi fid-dinja tagħna hija dik li tara t-tkabbir tal-libertà fid-dinja kollha.) Pożizzjoni mill-iktar ċara u evidenti.

Smajna u qrajna tajjeb

5. Proprju f’dan, għalhekk, ħadd ma jista’ jgħid li din il-pożizzjoni li għamlet il-ġid lil dak il-poplu ġiet ivvintata mill-pajjiżi Ewropej. Dik kienet ir-realtà u s-sens komun jitlob li dik tibqa’. Għax hija minn kif il-ħamsa u erbgħin Presidenti preċedenti fasslu li huwa fit-triq it-twila kostanti li twettaq is-sewwa fil-politika, li tfittex u tagħti appoġġ tal-iżvilupp u progress tal-movimenti u istituzzjonijiet demokratiċi ta’ kull pajjiż u kultura, sabiex it-tirannija tispiċċa mhux titkattar fuq wiċċ l-art. Anke jekk aħna nħaddnu b’attenzjoni linja ta’ politika barranija li hija marbuta man-newtralità attiva, xorta aħna favur id-demokrazija u kontra d-dittatorjati. Għandna nittamaw u nibqgħu nemmnu li kull poplu jixraqlu li jgħix fil-libertà u fejn id-drittijiet fundamentali jiġu protetti verament.

Modus non moriendi


6. Nafu li l-politika, anke dik mondjali, inevitabbilment tressaqna ma’ kwistjonijiet marbuta ma’ dak li huwa tajjeb u dak li huwa ħażin: dak li huwa nobbli u dak li mhuwiex, jew dak li huwa konformi mal-veritajiet li nafu li huma veritieri u dak li mhuwiex konformi. Imma trid direzzjoni ċara li twasslet lejn il-paċi u s-sewwa. Weigel proprju fuq l-analiżi dettaljata tiegħu ta’ ħajjet u ħidmet il-Qaddis Karol Wojtyla jagħraf li hemm negozjati li jistgħu jsiru f’dawn iċ-ċirkostanzi, imma l-prinċipji wieħed jaħdem aħjar jekk ma jċedix fuqhom. Jislet mill-kuntrast bejn il-Kattoliċiżmu u l-Komuniżmu u jgħid hekk: “That incompatibility also suggests that the strateġiċi vision of John Paul II, which encompassed the victory of freedom over totalitarian tyranny, was more acute than those who imagined a slow convergence between liberalising Communism and an increasingly social-democratic West.” (Dik l-inkompatibilità tissuġġerixxi wkoll il-viżjoni strateġika ta’ Ġwanni Pawlu II, li kellha fiha r-rebħa tal-libertà fuq it-totalitarjaniżmu, kienet iktar akuta, intelliġenti, minn ta’ dawk li mmaġinaw xi forma ta’ konverġenza bejn Komuniżmu aktar libertarju u Oċċident iktar soċjal-demokratiku.)

Fit-tul, imma fis-sewwa


8. Fl-għażliet li hemm quddiemna, wieħed irid jifhem aktar jekk dak li qiegħed jibni fil-preżent għall-futur għandux fih il-valuri tas-sewwa jew l-abbandun tagħhom. Il-politika t-tajba hija dik li tagħraf tiddistingwi biex timxi ’l quddiem. Jekk tibqa’ taħseb li għandha ċċedi issa biex tibqa’ għaddejja trid tagħraf li mhix taqbad triq biex ma tmutx, imma dik li biha ser tmut. Il-valuri demokratiċi fil-paċi u l-libertà jgħaqqdu ferm iktar popli milli naħsbu. Eċċezzjonijiet u kompromessi żbaljati bbażati fuq konsiderazzjonijiet materjali u ekonomiċi jwasslu lejn eżempji ħżiena u li jkattru oħrajn biex jaqbdu l-istess triq. Hemm inkunu, f’isem ir-Realpolitik, qed naqbdu t-triq li ma fihiex dawk il-valuri morali li jsawruna.

IL-BELT, VALLETTA - ROUNDABOUT QUDDIEM L-BERĠA TA’ KASTILJA

25951. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: Jista’ l-Ministru jara li l-art madwar ir-roundabout preċiż quddiem l-Berġa ta’ Kastilja fil-Belt, Valletta, tiġi msewwija billi ilha hekk numru ta’ ġimgħat?

 

26/02/2025

 

ONOR. CHRIS BONETT:   Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

 

Seduta  321

11/03/2025

ĦAL TARXIEN - TRIQ SANTA MARIA - TINDIF TA’ SPRALLI

25950. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika: Tista’ l-Ministru tgħid jekk ix-xogħlijiet neċessarji fl-ispralli li jinsabu fi Triq Santa Maria, f’Ħal Tarxien, mill-kantuniera ta’ Triq is-Sorijiet sa Triq l-Iskola, humiex qed isiru peress li kull darba li tagħmel ix-xita, it-triq tkun mimlija perikli?

 

26/02/2025

 

ONOR. MIRIAM DALLI:  Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru konċernat.

 

Seduta  321

11/03/2025

ĦAL TARXIEN - TRIQ SANTA MARIA - TINDIF TA’ SPRALLI

25949. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1952, jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħlijiet neċessarji fl-ispralli li jinsabu fi Triq Santa Maria, f’Ħal Tarxien, mill-kantuniera ta’ Triq is-Sorijiet sa Triq l-Iskola, humiex qed isiru, peress li kull darba li tagħmel ix-xita t-triq tkun mimlija perikli? 

 

26/02/2025

 

ONOR. OWEN BONNICI:  Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali Ħal Tarxien li l-culverts imsemmija ser jerġgħu jitnaddfu fil-jiem li ġejjin minkejja li dawn ġew imnaddfa wara s-sajf.

 

Seduta  321

11/03/2025

ĦAL TARXIEN - TRIQ TAL-BARRANI - AKKUMULU TAL-ILMA TAX-XITA

25948. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet ser isiru biex fi Triq tal-Barrani fil-parti faċċata tal-ftuħ lejn Ħal Tarxien ma jibqax l-akkumulu tal-ilma li jkun hemm kull darba li tagħmel ix-xita b’ċerta abbundanza?

 

26/02/2025

 

ONOR. CHRIS BONETT:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’din iż-żona s-sistema ta’ ġbir tal-ilma tax-xita kienet limitata fil-gradilja mat-triq. Dawn inżammu kollha u x-xogħlijiet li saru riċenti fit-Triq tal-Barrani kienu jinkludu il-bini ta’ numru ta’ collection water chambers fil-bankini li jferrgħu fil-ġibjun biswit mat-triq. Ukoll f’din t-triq inbena culvert għall-ġbir ta’ l-ilma u jonqos biss xogħol ta' asfalt. Bil-bini ta’ dan il-culvert, il-problema tnaqset  drastikament.

 

Seduta  321

11/03/2025

DIRETTIVI TAL-UNJONI EWROPEA

25726. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni: Jista’ l-Ministru jgħid x’direttivi tal-Unjoni Ewropea ġew jew mistennija li jiġu implimentati mill-Ministeru tiegħu tul l-ewwel sitt xhur tas-sena 2025 u liema huma dawk li għadhom pendenti sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

 

18/02/2025

 

ONOR. JONATHAN ATTARD:  Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni għandu Direttiva waħda li d-data ta’ skadenza għat-traspożizzjoni tagħha taħbat fl-ewwel sitt xhur tas-sena 2025:

 

Direttiva

Skadenza

Direttiva (UE) 2024/1275 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ April 2024 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (riformulazzjoni)

1 ta’ Jannar (parzjalment)

 

Seduta  321

11/03/2025

DIRETTIVI TAL-UNJONI EWROPEA

25725. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid x’direttivi tal-Unjoni Ewropea ġew jew mistennija li jiġu implimentati mill-Ministeru tiegħu tul l-ewwel sitt xhur tas-sena 2025 u liema huma dawk li għadhom pendenti sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

 

18/02/2025

 

ONOR. BYRON CAMILLERI:  Infurmat li  fl-ewwel sitt xhur tas-sena 2025 l-Ministeru għall-Intern, is-Sigurta’ u x-Xogħol mistenni jittrasponi Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2025/290 tal-4 ta’ Ottubru 2024 li temenda d-Direttiva 2009/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aġġornament tal-lista ta’ prodotti relatati mad-difiża f’konformità mal-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea aġġornata tad-19 ta’ Frar 2024.

 

Seduta  321

11/03/2025 

NAGĦRFU D-DIFFERENZA

1. Hemm il-kliem ta’ Reinhold Niebuhr (1892-1971) li jiġu quddiemna diversi drabi. Ifakkruna li hemm ħwejjeġ li nistgħu nibdlu u oħraj...