25955. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lid- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu: Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid x’ħidma saret mill-Kummissjoni Għolja ta’ pajjiżna fil-Kanada minn meta nfetħet sal-aħħar ta’ Diċembru 2024?
26/02/2025
ONOR. IAN
BORG: Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Kummissjoni Għolja ta’ Malta
f’Ottawa ġewwa l-Kanada għaddejja mill-fażi inizjali tagħha. Il-Kummissarju
Għoli Dr. Mark Pace ippreżenta l-kredenzjali tiegħu f’April li għadda.
Għaddejja ħidma sħiħa biex jiġu stabbiliti l-funzjonijiet amministrattivi meħtieġa
sabiex il-Kummissjoni Għolja tkun tista’ topera bis-sħiħ.
Bħala titjib
fir-relazzjonijiet bilaterali ta’ bejn Malta u l-Kanada saru diversi laqgħat
introduttorji mal-awtoritajiet lokali. Il-Kanadiżi urew interess partikolari
fl-irwol ta’ Malta f’organizzazzjonijiet multilaterali, bħall-Presidenza
Maltija fil-Grupp ta’ Azzjoni Ministerjali fil-Commonwealth (Commonwealth
Ministerial Action Group, CMAG), kif ukoll sabiex jibdew sensiela ta’
konsultazzjonijiet politiċi (Political Consultations).
Il-Kummissjoni Għolja
stabbilixxiet kuntatti ma’ Membri tal-House of Commons u s-Senat u bħalissa
għaddejjin diskussjonijiet għat-twaqqif ta’ Grupp ta’ Ħbiberija Parlamentari
Kanadiż-Malti (Maltese-Canadian Parliamentary Friendship Group) bl-appoġġ ta’ Deputati
Kanadiżi ta’ nisel Malti.
Il-Kummissjoni Għolja qiegħda
tikkopera ukoll mal-Malta Enterprise u mal-Kamra tal-Kummerċ ta’ Malta dwar
it-tfassil ta’ strateġija għal relazzjoni bilaterali aktar b’saħħitha fl-isfera
ekonomika. Qed tikkopera ukoll mal-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu sabiex tfakkar
is-sittin sena anniversarju tal-Indipendenza ta’ Malta kif ukoll minn meta ġew
stabbiliti r-relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u l-Kanada.
Minn dan l-aspett,
il-Kummisjoni Għolja qiegħda tagħti prijorita’ kbira lid-dijaspora Maltija. Ta’
min ifakkar li l-Kanada tospita t-tieni l-akbar komunita’ ta’ Maltin li jgħixu
barra minn xtutna. Il-Kummissjoni għenet ukoll fl-identifikazzjoni tal-membri
Kanadiżi fil-Kumitat tal-Maltin li jgħixu barra minn Malta. Barra minn hekk,
il-Kummissjoni nediet ukoll għaqda informali ta’ professjonisti, akkademiċi u
artisti Kanadiżi-Maltin li jiltaqgħu għal laqgħat regolari, bil-għan li trawwem
kuntatti bejn in-nies, skambji ekonomiċi u edukattivi. Ġew stabbiliti ukoll
kuntatti ma’ Universita’ ġewwa Ottawa u qed isiru l-preparamenti għall-ewwel
diskussjonijiet ma’ tliet fakultajiet ġewwa l-Università ta’ Malta.
Seduta 322
No comments:
Post a Comment