25954. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lid- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu: Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid x’pożizzjoni ħadet pajjiżna fis-seduta quddiem l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti ta’ nhar il-24 ta’ Frar 2025 fil-kwistjoni tal-Invażjoni tal-Ukraina?
26/02/2025
ONOR. IAN
BORG: Ninforma lill-Onor. Interpellant illi hekk kif f’dawn il-jiem qed
nimmarkaw tliet snin mill-bidu tal-aggressjoni Russa fuq l-Ukrajna, Malta
tibqa’ soda fl-impenn tagħha lejn is-sovranita’ u l-integrita’ territorjali
tal-Ukrajna fi ħdan il-fruntieri internazzjonalment rikonoxxuti tagħha. Dan
kien il-messaġġ li pajjiżna wassal waqt
il-laqgħa tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda fl-24 ta’ Frar 2025
li huwa rifless fil-votazzjonijiet
fir-rigward taż-żewġ riżoluzzjonijiet li ġew adottati dwar l-Ukrajna.
Riżoluzzjoni tal-Ukrajna
flimkien ma’ pajjiżi Ewropej:
L-Ukrajna, flimkien ma’ numru ta’ pajjiżi Ewropej, ipproponew Riżoluzzjoni bl-isem “L-avvanz ta’ paċi komprensiva, ġusta u dejjiema fl-Ukrajna”. Ir-riżoluzzjoni appellat għal impenn favur “is-sovranita’, l-indipendenza, l-għaqda u l-integrita’ territorjali tal-Ukrajna fi ħdan il-fruntieri internazzjonalment rikonoxxuti tagħha” u l-ħtieġa li jiġi żgurat l-obbligu ta’ rendikont għal reati mwettqa taħt il-liġi internazzjonali, permezz ta’ “investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet ġusti u indipendenti fuq livell nazzjonali u internazzjonali”. Din ir-riżoluzzjoni ġiet adottata bi 93 vot favur, 18 kontra, inkluż l-Istati Uniti u b’65 astensjoni. Malta vvutat favur u ko-sponsorjat din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni Ewropea, bl-esklużjoni ta’ pajjiż wiehed li vvota kontra.
Riżoluzzjoni tal-Istati
Uniti:
L-Istati Uniti ppreżentat
riżoluzzjoni oħra bl-isem “Triq għall-Paċi” li iffukat fuq it-tqanqil tat-telf
tal-ħajja tul il-kunflitt bejn ir-Russja u l-Ukrajna, fejn tenniet li l-iskop
prinċipali tan-Nazzjonijiet Magħquda huwa li żżomm il-paċi u s-sigurta’
internazzjonali u li ssolvi b’mod paċifiku t-tilwim u ssejjaħ għat-tmiem rapidu
tal-kunflitt, filwaqt li tħeġġeġ paċi dejjiema bejn l-Ukrajna u r-Russja.
Ir-Russja u l-Unjoni Ewropea
ressqu emendi differenti għal din ir-riżoluzzjoni. Ir-Russja pproponiet li żżid
il-kliem “inkluż billi tindirizza l-kawżi ewlenin tagħha” mat-tielet paragrafu
(dwar tmiem rapidu tal-kunflitt). Din l-emenda ma ġietx adottata fl-Assemblea
Ġenerali, b’31 vot favur, 71 kontra u 59 astensjoni. Li wieħed jinnota lis-27
Stat Membru tal-Unjoni Ewropea kollha vvutaw kontra.
Franza, f’isem numru ta’
Stati Ewropej (inkluża Malta), ipproponiet tliet emendi għar-Riżoluzzjoni
tal-Istati Uniti, li żiedu referenzi għall-invażjoni fuq skala sħiħa
tar-Russja, is-sovranita’ u l-integrita’ territorjali tal-Ukrajna, u l-ħtieġa
ta’ “paċi ġusta, dejjiema u komprensiva bejn l-Ukrajna u l-Federazzjoni Russa
skont il-Karta (Charter) tan-Nazzjonijiet Magħquda”. L-Assemblea Ġenerali
adottat dawn l-emendi b’60 vot favur, 18 kontra, u 81 astensjoni. Malta vvutat
favur u ko-sponsorjat dawn l-emendi, flimkien ma’ 24 Stat Membru tal-Unjoni
Ewropea. [1] L-Istati Uniti vvutat kontra l-emendi u astjeniet fuq
ir-riżoluzzjoni tagħha stess.
Il-verżjoni emendata
tar-riżoluzzjoni tal-Istati Uniti ġiet adottata bi 93 vot favur, 8 kontra u 73
astensjoni. 26 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea inkluż Malta ivvota favur,
filwaqt li pajjiż wiehed astjena.
Stqarrija ta’ Malta
Malta għamlet ukoll stqarrija
waqt din il-laqgħa tal-Assemblea Ġenerali li mmarkat it-tielet Anniversarju
tal-Gwerra tal-aggressjoni tar-Russja fuq l-Ukrajna. Fl-istqarrija tagħha,
Malta sostniet li paċi ġusta, dejjiema, u komprensiva fl-Ukrajna teħtieġ it-tmiem
immedjat tal-ostilitajiet mir-Russja, flimkien mal-irtirar bla kondizzjonijiet
u sħiħ tal-forzi militari Russi mit-territorju kollu tal-Ukrajna b’rispett lejn
il-fruntieri internazzjonalment rikonoxxuti tagħha. Malta esprimiet ukoll
it-tħassib tagħha dwar is-sitwazzjoni umanitarja u l-vjolenza sesswali u
l-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru u d-deportazzjonijiet sfurzati fl-Ukrajna,
b’mod partikolari dwar it-trasferimenti tat-tfal lejn ir-Russja.
_________________________
[1] L-Ungerija vvutat kontra
u s-Slovakkja astjeniet. L-Italja vvutat favur imma ma ko-sponsorjatx.
Seduta 322
12/03/2025
No comments:
Post a Comment