26.3.25

ĦEJJA T-TRIQ - Apprezzament tal-Arċisqof Emeritu Mons. Pawl Cremona

1. Tul din il-ġimgħa ġie msejjaħ lura sabiex jistrieħ ma’ missirijietna persuna ta’ qdusija partikolari. Nibqa’ nemmen li l-bnedmin jissejħu għal ħajja aħjar waqt li hemm fuq ikunu qed jiċċelebraw bil-kbir. Ma kienx b’kumbinazzjoni li fil-ġranet kollha tas-sena, dan l-Isqof li serviena sew, għadda għal dinja aħjar lejlet il-Festa ta’ San Ġużepp. Kif f’dan kien iggwida nhar it-30 ta’ April 2008, meta qal hekk: “Hemm ċerti affarijiet li jiġu mir-raġunar tagħna; jiġu mir-realtà tad-dinja ta’ madwarna. Imma mbagħad, il-bniedem li jkun nisrani, kultant iħares u jgħid “ħa nara Alla l-Imbierek, fil-għerf tiegħu, xi jrid jgħidli.

Mumenti iebsa

2. Serva bħala Arċisqof ta’ Malta f’mument diffiċli ħafna u kkumplikat iżżejjed. Mill-2007 sal-2014 ġarr fuqu l-problemi li kienu ġejjin mis-snin preċedenti fuq is-soċjetà tagħna u fuq il-Knisja Kattolika. Kien jaf li l-missjoni ma kienet xejn faċli għalih f’dak il-mument storiku. Kien jaf li kien ser ikun hemm forom ta’ transizzjoni mit-tmexxija preċedenti għal dik tiegħu biex il-Knisja timxi sew fil-Millennju l-Ġdid. Iktar u iktar fl-isfond ta’ dak li kien għaddej ġewwa Ruma. Fit-tibdiliet li kienu qed isiru, l-ewwel minn id il-Qaddis Papa Ġwanni Pawlu II, għal wara Benedittu XVI. Kif ukoll ir-riżenja ta’ Benedittu, li ħasdet lid-dinja u d-dħul ta’ Papa Franġisku magħha. Dan il-bniedem qaddis, intelliġenti u għaref sew kellu ħafna x’jaffronta.

Linja differenti

3. Il-formazzjoni Dumnikana tiegħu ċertament kienet fonti determinanti fejn ried imexxina sabiex, kif kien iddikjara: “Ħejju t-Triq għall-Mulej”. Kellu linja differenti, aktar umana, viċin is-sofferenza tal-bnedmin u tal-istess Fidi tagħna. Kellu mod li fiha, u għaliha, l-istess Kurja, ma kenitx ippreparata. Biss, il-pajjiż laqgħu b’imħabba u b’entużjażmu. Rajt diversi jduru lura u jinġibdu minn kliemu u minn għemilu. Ħadd ma seta’ jgħid kelma żbaljata fuq din ir-ruħ twajba, sensittiva, umli u li f’ħafna kien qiegħed iħoss dak li kien ġej u l-ambjent li fih kellha tibda sservi l-Knisja. Dak ta’ soċjetà li tiddikjara li hija Nisranija, imma li ma tridx taċċetta l-wirt u l-passat tajjeb li hija tatna. F’dinja fejn inqas persuni jipprattikaw dak li jemmnu fih. Separazzjoni ġdida li fetħet beraħ dak li kien qiegħed jinbena biċċa biċċa fis-snin ta’ qablu.

Mexxa sewwa

4. Fil-mumenti varji li kellu quddiemu għaraf jidderieġi lil diversi bnedmin. Kellu mumenti meta ċertament kien mill-iktar onorat, bħal meta ġie f’pajjiżna l-Papa Benedittu XVI, u oħrajn diffiċli, fl-ewwel impatti tal-bidliet li d-dħul fl-Unjoni Ewropea ġieb miegħu, u ma’ dan ġarrab ukoll il-passjoni li jara l-vot favur id-dħul tad-divorzju f’pajjiżna. F’dan ħa responsabbiltà ferm iktar milli kellu. Imma l-kuraġġ li jiddikjara dak li huwa sewwa u dak li għandu jsir dejjem baqa’ jiddikjarah u jwettqu huwa stess. Niftakar b’mod partikolari fil-quddiesa sabiex jinfetaħ il-Parlament tal-10 ta’ Mejju 2008, jgħidilna lilna d-deputati eletti fil-priedka ppreparata, meditata u stampata: “L-Ispirtu s-Santu jagħti l-qawwa biex dak li inti taf u li hu tajjeb ma tibżax, ma tiddubitax li tagħmlu. Jalla l-Ispirtu s-Santu, li għamel ħwejjeġ kbar fil-bidu tal-Knisja jerġa’ jagħmel dan kollu fuqkom.

Tista’ tkellmu

5. F’ħafna kien jispira qdusija u kunfidenza. Bnedmin li kienu qabel passi lura, issa kien jiġbidhom jersqu lejh. Ikellem lil diversi b’attenzjoni, dinjità u bl-abbiltà li jinftiehem ma’ min ikun qiegħed jikkomunika. Kelli f’dan diversi mumenti fejn stajt inkellmu fuq suġġetti varji. Kellu ċar f’moħħu li fid-dinja li qed ngħixu, in-Nisrani veru jrid jagħraf iktar il-valur tal-katakombi sabiex il-Fidi tinżamm u tibqa’ tiġi osservata. Kien dirett ħafna, mhux impulsiv. Jimmedita dwar dak li qed tgħid, u kont trid ukoll tkun attent f’dak li qiegħed tgħid miegħu. Kien deċiż jiggwida lil kull persuna ta’ rieda tajba. Iħares fit-tul u jibqa’ għaddej. Dan kemm seta’, għax ċert li f’mument kien qiegħed iħoss forom ta’ abbandun minn dawk li dmirhom kien li jsostnuh u jappoġġjawh, jew almenu li jkollhom l-għaqal u l-għerf li ma jitkellmux kuntrarjament għal dak li kien qiegħed jgħid hu. Kien hemm kontestazzjonijiet inutili u li ma jixirqux.

Ħielsa biex nimxu wara Ġesù


6. Ma kienx faċli għalih, hu li għex ħajja mhux proprju fl-għajn pubblika, li f’daqqa waħda sab ruħu hemm bl-irwiefen li dik il-pożizzjoni esponietu għalihom. Però f’qalbu u f’moħħu kellu l-għarfien tal-Istat u tar-responsabbiltà morali li kull persuna għandha. Niftakru fis-sena wara li kien f’pajjiżna Papa Benedittu XVI, li kien ċertament viċin tiegħu ħafna fil-ħsieb u fl-aġir, jindirizza lill-pajjiż fl-Indipendenza tal-2011. Hemm żewġ passi partikolari applikabbli għal kull żmien. Quddiem il-valuri tal-Ġustizzja, il-Ħniena u s-Sinċerità kien qal hekk: “Dawn huma l-virtujiet li jagħmlu soċjetà iktar umana: ġustizzja biex tagħti lil kull wieħed dak li hu tiegħu, u li ġej mid-dinjità proprja tiegħu bħala bniedem; ħniena għaliex hemm xi wħud li jridu għajnuna biex jirnexxilhom jieħdu dak li hu tagħhom; sinċerità għaliex irid ikun hemm kontinwità bejn il-moħħ, il-kliem u l-għemil tal-persuni biex dan iseħħ.” Kliem li jibqgħu dawl fid-dlam li qed ngħixu fih illum.

Sens tal-Istat

7. Kellu f’dan ukoll is-sens tal-Istat li jista’ jinbena fuq il-pilastri Nsara. Id-Demokrazija, il-Ġustizzja Soċjali huma dawn il-komponenti li jżidu fil-valur veru tagħna. Lejn l-aħħar ta’ dak l-indirizz, kien ikkonkluda hekk: “Anke l-Indipendenza u s-sovranità ta’ pajjiż tiddependi minn din is-solidarjetà fl-għemil ta’ kull ċittadin. Inkunu ħafna iktar mexjin lejn Indipendenza vera meta nifhmu li kull għemil ħażin għandu l-effetti tiegħu fuq l-oħrajn, kif ukoll għemil tajjeb u ġust għandu wkoll l-effett fuq l-oħrajn ukoll. L-Indipendenza hija ġabra ta’ dan kollu, tar-responsabbiltà personali ta’ kull wieħed u waħda minna.” Kien jaf sewwa x’inhu jgħid. Kemm kien hemm oħrajn li kienu lesti li jisimgħuh, dik hija ħaġ’oħra.

Tlifna

8. Waqt li ċertament insellmulu f’dak kollu li kien, u f’ħafna, f’dak li hu. Kliemu, ħidmietu ma jistgħux jintesew. Ser jibqgħu deċiżament magħna. Persuna mimlija b’għerf, intelliġenza u fuq kollox b’dożi kbar ta’ qdusija. L-Ordni ta’ San Duminku tilfu gwida interna għalihom, u pajjiżna daqstant ieħor. Nittama biss li f’dawn is-snin li ġejjin ikun hemm min janalizza u jikteb dwar dak kollu li ħallielna f’iktar dettall u fil-linji li huwa kien iħaddan. Mill-qalb insellimlu u nagħraf verament li kien strument determinanti sabiex iħejji t-triq għall-Mulej.

No comments:

BORMLA - PJAZZA GAVINU GULIJA – TISWIJA TA’ ĊANGATURA

26964. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi: Jista’ l-Ministru jgħ...