1. Hija xorti mill-isbaħ li l-politika Maltija għandha, u kellha fi ħdanha, ġabra ta’ bnedmin uniċi. Persuni li lesti jiddibattu l-punt, imma li huma attenti fil-konfront tal-oħrajn. Ma jaqbżux il-limitu mistenni minnhom. Fir-realtà storika, il-Partit Nazzjonalista wkoll, b’mod partikolari, kellu għad-dispożizzjoni tiegħu din il-kwalità ta’ politiċi. Mhux neċessarjament protagonisti fuq skala nazzjonali. Dawk li jitkellmu fil-mass meetings jew li jindirizzaw il-Kamra tad-Deputati f’isem l-Oppożizzjoni jew il-Gvern, imma protagonisti fit-tħaddim tal-politika tal-Partit u tal-pajjiż fuq skala lokali u diretta fid-diversi setturi li kienu jservu u jifhmu fihom. Bnedmin tal-poplu li jservuh, u li fl-istess ħin kapaċi jfehmu dak li oħrajn mhumiex.
Esperjenza
2. F’dan kelli x-xorti mmiss doppjament fl-esperjenza politika meta fl-1998 ġejt elett għall-ewwel darba. Esperjenzi li missejt ma’ ħafna politiċi sodi, stabbli u determinati. Jafu posthom u jafu li huma importanti fit-twettiq ta’ dmirijiethom. Bnedmin ta’ umiltà, li ġarrbu personalment, imma li ma kellhomx ambizzjonijiet jew vanaglorji fihom. Iservu lill-kostitwenti tagħhom b’imħabba u lealtà. Kapaċi jieħdu deċiżjoni. Kapaċi jifhmu li huma parti minn ġabra ta’ bnedmin marbuta biex iwettqu proġett soċjali u ekonomiku fil-politika. Mhux għal rashom, indipendenti, qishom partit f’partit, imma f’daqqa. Missejt mal-ħajja u d-dożi tal-għerf li kellhom. L-esperjenza tagħhom għaddewha lilna wkoll, li konna ġenerazzjoni iżgħar minnhom.
Nista’ nixhed
3. Kont narahom jaħdmu u jidħlu fil-ħidmiet parlamentari varji tagħhom. Dejjem ippreparati u tista’ tiddependi fuqhom mija fil-mija. Dejjem ta’ pjaċir tismagħhom jirrakkuntawlek jew jiggwidawk. Iktar u iktar meta kien hemm, f’dik il-leġislatura, persuni li kellhom rabta kważi familjari ma’ xulxin u mal-Kap tal-Partit, Eddie Fenech Adami. Kienu jagħrfu dak li għaddew minnu l-Partit u hu sabiex il-pajjiż seta’ jaqleb il-folja tal-amministrazzjoni fl-1987. Kien hemm rispett kbir mingħajr ma kien hemm xi forma ta’ kult tal-personalità li l-pajjiż kien ħiereġ minnu. Dan missejt miegħu f’diversi politiċi li nista’ nixhed fuqhom. Dan missejt b’mod partikolari miegħu mat-Tabib John Vella. Bniedem li serva sew lill-kostitwenti tiegħu. Elett diversi drabi fil-Kamra, kien fost dawk it-tobba ġenerużi li qegħdu l-professjoni tagħhom fil-ġenb sabiex resqu biex ikunu kandidati mal-Partit Nazzjonalista.
Ikkontesta
4. Kien ikkontesta fl-1976 u mar tajjeb, però fl-1981, f’dik l-elezzjoni mill-iktar ikkumplikata, huwa kien żied sew il-voti. Kien ġie ko-optjat fid-9 ta’ Mejju 1983, u minn hemm, elett. Serva f’erba’ leġislaturi, l-iktar fil-bażi elettorali tal-Gżira. Il-post li kien jaf sew u fejn fih kien it-tabib ta’ diversi. Għalhekk meta dħalt, fortunatament sibtu hemm. Kien, fil-ġentilezza kbira u ġenerożità daqstant ieħor, isegwi dak li kont niddeċiedi li nagħmel. Mhux darba jew tnejn kien jiddiskuti miegħi. Jafdani, jikkoreġini, jistmani. Ma kienx hemm differenzi. It-tnejn fuq l-istess livell. Kien bniedem ta’ ideat, ta’ kultura u ta’ direzzjoni. Kapaċi jħares fit-tul u fl-istess ħin jagħraf il-pożizzjonijiet li kellhom jittieħdu. Jagħraf ikellem lil Eddie Fenech Adami b’rispett, imma fl-istess ħin iżomm biex jibdel xi proposta jew liġi li kienet ser teffettwa ħażin lill-poplu.
Fil-Kamra
5. Kien ikun preżenti fil-Kamra tad-Deputati. Jitkellem mal-ministri u mad-deputati taż-żewġ naħat u jinfluwenza tajjeb. Niftakru f’ħafna drabi jintervjeni waqt id-dibattiti dwar il-Budget, u dan kważi dejjem meta kien ikun lejn l-aħħar tiegħu. Tarah jitkellem b’imħabba u b’determinazzjoni, u kważi dejjem bi tbissima. Jimmarka l-avvanzi tal-pajjiż u tal-Gvern mhux b’għamad politiku. Wisq inqas b’xi forma ta’ antagoniżmu, għalkemm kien jaf jagħmel battuta b’pulitizza, intelliġenza u għerf. Bħala Chairman tal-Kumitat kelli dan il-pjaċir, u nassigura li rari ħafna xi ħadd mill-Oppożizzjoni kien jinterrompih jew b’xi mod iċekknu. Kien kapaċi jgħid li jrid mingħajr ma jweġġa’ lil ħadd. Eżempju għal dawk li jridu jitgħallmu jservu tajjeb fil-politika.
Fiċ-Ċina
6. Kelli aktar din ix-xorti meta sibt ruħi f’delegazzjoni tal-Kumitat tal-Affarijiet Barranin fiċ-Ċina. Ma kontx membru, imma l-Ministru Joe Borg kien issuġġerixxa li nieħu postu u hekk sar. Konna fi żjara mill-iktar interessanti f’dak il-pajjiż, li nittamaw li jibqa’ forza ta’ stabilità mondjali. Żjara li seħħet waqt l-attakk tat-Twin Towers u waqt li konna fil-belt ta’ Xi’an, anzi l-għada li konna morna naraw l-Armata tat-Terrakotta. Kelli iktar ħin biex nosservah, u fl-istess ħin nitkellem miegħu. Stajt nara l-mod mill-iktar sabiħ li kien jitkellem mal-lum President Emeritu Dr George Vella. Rispett reċiproku u għarfien li t-tnejn kienu persuni ta’ stoffa li politikament setgħu ma qablux imma fuq ħafna, speċjalment fl-impenn għal min huwa l-iktar ’l isfel fis-soċjetà, iva. L-importanza tal-ġustizzja soċjali kienet f’qalbhom it-tnejn. Tagħlim li kkultivajt maż-żmien.
Lezzjonijiet
7. Fil-linja diretta tiegħu kien jaħdem ma’ kulħadd. Ma kellux antagoniżmu fid-distrett u kien iżarma oħrajn li kienu differenti. Jagħraf il-mument meta jintervjeni. Kellu wkoll il-kwalità unika li ħafna drabi ser issibu bi tbissima fuq wiċċu. Tista’ tkellmu, u kont tiżbalja jekk ma tkellmux. Bil-komportament tiegħu kien jgħallmek b’mod pożittiv, aktar u aktar meta kien ikun hemm is-sinjura tiegħu miegħu. Hija wkoll mimlija ġentilezza u tilqgħek bil-ferħ. Kienu inseparabbli. Persuni li taw ħafna lill-bnedmin, anke jekk mhux neċessarjament rikonoxxuti. Imma fil-fatt, kont tmur fejn tmur fil-pajjiż, u speċjalment fejn kienu jafuh, ħlief kliem ta’ tifħir u gratitudni ma kontx tisma’. Pajjiżna ċertament tilef raġel, deputat u wirt uniku. Waqt li nagħraf li jiena debitur tiegħu, mill-qalb insellimlu u nirringrazzjah ta’ dak kollu li wettaq.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
LAZZRU U L-PATRUNI TIEGĦI
1. Tul din il-ġimgħa mhux proprju jixraq li titkellem jew tiddiskuti l-politika. Tista’ tkun attent ħafna fid-dawl ta’ dak li tkun qed...
-
18543. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ ...
-
20788. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f...
-
1. Din il-ġimgħa, l-kriżi finanzjarja li ilna naraw l-effetti negattivi tagħha kompliet b’fażi differenti u li qabel ma konniex...
No comments:
Post a Comment