10469. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u
Proġetti Kapitali: B’referenza għar-risposta għad-domanda 10297, jista’
l-Ministru jindika għat-triq partikolari magħrufa bħala “Taċ-Ċawsli” kemm ġew
utilizzati fondi mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali tal-Unjoni Ewropea
(ERDF) bħala parti mill-proġett ERDF.PA.7.0091 Smiths Introduction of
Sustainable Multi Intermodal Transport Hubs across Malta and Gozo?
11/06/2019
ONOR. IAN
BORG: Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta lestiet xahar
qabel iż-żmien il-proġett ta’ bini mill-ġdid ta’ Triq l-Aħħar Ħbit mit-Torok,
ir-rotta ewlenija bejn Ħaż-Żabbar u ż-Żejtun, li qabel kien jisimha Triq Bormla
u hija magħrufa wkoll bħala “Taċ-Ċawsli”.
B’investiment ta’ €4 miljun,
din it-triq issa mhux biss fiha karreġġjata ġdida għall-karozzi imma għandha
wkoll korsija għar-roti u passaġġ pavimentat għall-mixi mifrudin mill-korsiji
tal-karozzi bir-ringiela siġar taċ-Ċawsli li ġew inkorporati fid-disinn ġdid
tagħha. Il-korsija tar-roti sseparata mill-karozzi, iżda xorta waħda miksija
bl-asfalt, hija l-ewwel waħda tat-tip tagħha f’Malta. B’hekk toffri l-istess
kumdità ta’ sewqan daqs li kieku qed issuq fi triq normali bl-asfalt, iżda
b’inqas riskji ta’ aċċidenti għaliex dawk li jivvjaġġaw bir-roti ma jkunux qed
isuqu mal-karozzi.
Oriġinarjament, dan
il-proġett kien ippjanat li jkun lest fis-sajf li ġej. Madankollu,
Infrastructure Malta kkordinat ix-xogħol b’attenzjoni sabiex il-kuntratturi
setgħu ilestuh fl-inqas żmien possibbli, xahar qabel jibda s-sajf. Dan
ir-riżultat inkiseb minkejja li t-triq ma ngħalqitx kompletament waqt li kienet
qed tinqala’, iżda saru arranġamenti biex tibqa’ miftuħa f’direzzjoni waħda.
B’hekk, ix-xogħol sar b’inqas diffikultajiet għar-residenti Żwieten u Żabbarin.
Din l-arterja tintuża minn
ħafna persuni li jgħixu jew jaħdmu fil-lokalitajiet tal-inħawi, fosthom Ħal
Tarxien, il-Fgura, Ħaż-Żabbar, iż-Żejtun, il-Qasam Industrijali ta’ Bulebel u
l-Kottonera. Għal ħafna snin, it-triq kienet tħalliet fi stat ħażin ħafna tant
li l-wiċċ tat-triq kien sfronda, bil-konsegwenza li bdiet iżżomm l-ilma u
toħloq ħafna diffikultajiet għal dawk li jkollhom bżonn jgħaddu minnha.
Taħt partijiet mit-triq
instabu barrieri ta’ snin ilu li meta ma baqgħux jintużaw kienu ntradmu bi
skart tal-kostruzzjoni u materjal ieħor li ma kienux jifilħu biex fuqhom issir
triq. Dan ir-radam issa tneħħa u floku saru sisien b’saħħithom mibnija b’madwar
1,790 blokka tal-franka u 3,000 tunnellata konkos, li flimkien jiżnu mas-6,000
tunnellata.
Fl-istess ħin li kienu qed
jinbnew mill-ġdid il-pedamenti tat-triq, Infrastructure Malta poġġiet 3.3
kilometri pajpijiet ġodda għas-servizzi tal-ilma, tal-elettriku, tal-Internet u
t-telekomunikazzjoni, kif ukoll katusi ġodda għad-drenaġġ, biex b’hekk saħħet
id-distribuzzjoni ta’ dawn is-servizzi fil-lokalitajiet tal-madwar. Biex
jitnaqqas ir-riskju tal-għargħar fit-triq, saret ukoll sistema ġdida ta’ 2.5
kilometri għall-ġbir tal-ilma tax-xita li tqabbdet ma’ ġibjun li diġà kien hemm
fil-post. Fil-ġenb inbena wkoll ħajt tas-sejjieħ biex jifred it-triq
mill-għelieqi li hemm biswitha.
Din il-konnessjoni bejn
Ħaż-Żabbar u ż-Żejtun issa tista’ titgawda wkoll għal skop ta’ rikreazzjoni
billi toffri mixja għall-arja jew inkella dawra bir-rota f’ambjent tal-kampanja
mill-isbaħ, u b’mod sigur, f’passaġġi għar-roti u l-mixi maqtugħin għalihom
mill-karozzi. It-triq sarulha wkoll għadd ta’ waqfiet għall-karozzi tal-linja
aktar siguri għal dawk li jagħmlu użu mit-trasport pubbliku, sistema ġdida ta’
dwal fit-triq b’aktar minn 100 bozza LED, waqt li nbnew ukoll mill-ġdid il-junctions tar-roundabouts li hemm maż-żewġt itruf tat-triq f’Ħaż-Żabbar u
ż-Żejtun.
Parti minn dan il-proġett,
fis-somma ta’ €1,090,468.16 (mingħajr il-VAT), kienet finanzjata mill-Fond
Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali tal-Unjoni Ewropea (ERDF), bħala parti
mill-proġett ERDF.PA.7.0091. SMITHS: Introduction of Sustainable Multi
Intermodal Transport Hubs across Malta and Gozo.
Seduta 244
02/07/2019
No comments:
Post a Comment