10542. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-
Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ: Jista’ l-Ministru
jgħid x’ħidma saret fl-Ambaxxata tagħna ġewwa Vjenna, l-Awstrija fl-ewwel erba’
xhur ta’ din is-sena?
17/06/2019
ONOR. CARMELO
ABELA: Ninforma lill-Onor. Interpellant li din hija l-ħidma
li saret fl-Ambaxxata tagħna ġewwa Vjenna,l-Awstrija fl-ewwel erba xhur ta’ din
is-sena.
BILATERALI
L-Ambaxxatriċi kellha
l-okkażjoni tiltaqa’ kemm mal-President Federali Awstrijak, Alexander van der
Bellen, kif ukoll mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Karin Kneissl, u
uffiċjali oħra fi ħdan l-istess Ministeru. Mal-President l-Ambaxxatriċi
ddiskutiet l-isfidi li għadha tiffaċċja Malta fil-qasam tal-immigrazzjoni illegali
u saħqet kemm hu importanti li pajjiżi bħall-Awstrija ma jabbandunawx l-ispirtu
ta` solidarjeta` tant importanti fl-Ewropa.
Mal-Ministru għall-Affarijiet
Barranin Kneissl, l-Ambaxxatriċi ddiskutiet l-istedina li kien għamlilha
l-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ, Carmelo Abela
sabiex iżżur Malta għal taħdidiet, kif ukoll l-isfidi fil-Mediterran,
speċjalment fil-Libja.
KUMMERĊJALI
Wara diskussjonijiet
mal-Malta Enterprise l-Ambaxxata bdiet taħdem fuq diversi attivitajiet b’mira
fuq swieq speċifiċi jew bliet Awstrijaċi speċifiċi. L-oqsma tal-katina
tal-blokok, xjenzi tal-ħajja u
riċerka huma fost dawk li qed jingħataw prijorita`, filwaqt li l-ibliet ta’
Vjenna u Graz huma fost dawk li qed jingħataw prijorità, biex jinżammu fihom
l-ewwel avvenimenti ta` promozzjoni kummerċjali lejn il-bidu tal-Ħarifa 2019.
Bħalissa l-Ambaxxata qiegħda
tfittex persuna ġdida biex tieħu r-rwol ta` Konslu Onorarju għall-Malta
f’Salzburġ, wara li dak preżenti wera x-xewqa li jirtira. L-Ambaxxata diġà identifikat xi individwi u
l-persuna magħżula se tintalab torganizza avveniment ta` promozzjoni
kummerċjali qabel ma tintgħażel b’mod definittiv.
MULTILATERALI
L-Ambaxxata attendiet madwar
500 laqgħa fl-ewwel erba’ xhur tas-sena 2019. Dawn kienu jinkludu laqgħat
tal-Kunsill Permanenti u tal-Forum għall-Kooperazzjoni fis-Siġurtà fi ħdan
l-Organizzazzjoni għas-Siġurtà u Kooperazzjoni fl-Ewropa, laqgħat tal-Aġenzija
Internazzjonali tal-Enerġija Nukleari, laqgħat tal-Uffiċċju tal-Ġnus Magħquda
dwar id-Droga u l-Kriminalità, laqgħat tal-Organizzazzjoni għall-Iżvilupp
Industrijali tal-Ġnus Magħquda, laqgħat tal-Organizzazzjoni tat-Trattat kontra
kull Test Nukleari, u l-laqgħat kollha ta` koordinazzjoni imsejħa mill-Unjoni
Ewropea.
L-Ambaxxata għaddiet it-talba
ta’ Malta sabiex l-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet
tal-Bniedem (ODIHR), josservaw l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew f’Malta.
L-ODIHR irringrazzjaw lil Malta tal-istedina, iżda wieġbu li m'għandhomx
riżorsi biżżejjed biex josservaw dawn l-elezzjonijiet.
Laqgħa tar-rappreżentanti Permanenti tal-OSCE f’Malta
Tnedew diskussjonijiet u beda
x-xogħol sabiex issir f’Malta laqgħa tar-Rappreżentanti Permanenti
għall-Orġanizzazzjoni għas-Siġurta` u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa. L-għan ta` din il-laqgħa li saret f’Ġunju, u
li għaliha attendew ’ilfuq minn 30 Ambaxxatur, kien sabiex toffri
l-opportunita` lill-Ambaxxaturi biex jiddiskutu l-futur tal-Organizzazzjoni
mas-Sieħba Mediterranji. Hekk kif is-sħubija mal-pajjiżi tal-Mediterran se
tidħol fil-25 sena tagħha, kien opportun ħafna li din id-diskussjoni sseħħ u
isseħħ ġewwa Malta, pajjiż membru tal-OSCE bi kredenzjali Mediterranji ċari. Sa
mill-1975 ġewwa Ħelsinki, Malta kienet saħqet
li ma nistgħux nitkellmu fuq paċi u sigurtà fl-Ewropa jekk ma jkunx hemm
paċi u sigurtà fil-Mediterran.
UNODC - Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi (CND)
Fl-ewwel erba’ xhur tas-sena
l-Ambaxxata kienet attiva fit-tħejijiet għall-Kummissjoni dwar id-Drogi
Narkotiċi (CND), laqgħa annwali li saret mit-18 sat-22 ta’ Marzu. L-Onor. Dott.
Michael Falzon, Ministru tal-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali
qara l-Istqarrija Nazzjonali ta’ Malta fit-tieni ġurnata tal-Kummissjoni.
Fil-marġini tal-istess
Kummissjoni, l-Ambaxxata bl-għajnuna tal-Prof. Richard Muscat, organizzat
laqgħa dwar ‘Id-Dipendenza fuq l-Opjojdi u l-Qafas Regolatorju li Jassigura
l-Aċċess għat-Trattament’. Dan l-avveniment sekondarju ġie organizzat flimkien
mal-Isvizzera, bl-appoġġ tal-Portugall, il-Marokk, il-Grupp Pompidou fi ħdan
il-Kunsill Ewropew u ċ-Ċentru Ewropew ta’ Monitoraġġ għad-Drogi u d-Dipendenza
mid-Droga (l-EMCDDA).
UNODC - Kummissjoni għall-Prevenzjoni tal-Kriminalità
u l-Ġustizzja Kriminali (CCPCJ)
Fl-ewwel erba’ xhur tas-sena
l-Ambaxxata ħejjiet biex Malta tieħu rwol attiv fil-Kummissjoni
għall-Prevenżjoni tal-Kriminalità u l-Ġustizzja Kriminali (CCPCJ), laqgħa
annwali oħra li saret f'Mejju 2019.
Waqt il-Kummissjoni
l-Ambaxxata qrat stqarrija nazzjonali u organizzat ukoll laqgħa fil-marġini ta`
din il-Kummissjoni, bit-titlu: 'Ir-Rwol tad-Dwana fil-Ġlieda Internazzjonali
Kontra l-Kriminalità Organizzata'. L-Ambaxxata stiednet uffiċjal
mid-Dipartiment tad-Dwana Maltija biex jagħmel preżentazzjoni dwar l-esperjenza
ta’ Malta bħala ċentru ta’ transitu għall-merkanzija, fid-dawl ta' rekord
reċenti ta’ qabdiet ta droga u kuntrabandu li seħħew mid-Dipartiment tad-Dwana
Maltija. L-avveniment ġie mħejjib'kollaborazzjoni mal-Programm tal- Ġnus
Magħquda Għall-Kontroll tal-Kontejners u l-Pulizija tal-Fruntiera tar-Renju Unit
li wkoll qasmu l-esperjenza tagħhom ma’ dawk preżenti.
L-Ambaxxata infurmat u għenet
lill-membri tal-Korp tal-Pulizija Maltin biex jiksbu aċċess għall-portal ta`
informazzjoni SHERLOC: pjattaforma ta` informazzjoni maħsuba biex tgħin
lill-Pulizija u lill-ġudikatura fil-Qrati.
CTBTO
Flimkien mal-Organizzazzjoni
tat-Trattat Kontra Testijiet Nukleari (CTBT), l-Ambaxxata bdiet taħdidiet biex
jiġi ffirmat ftehim sabiex Malta jkollha ċentru lokali li joħroġ twissijiet ta’
tsunamis li jistgħu jolqtu lill-gżejjer Maltin.
L-Ambaxxata bdiet taħdem
ukoll fuq il-loġistika u il-programm taż-żjara li s-Segretarju Eżekuttiv
tas-CTBT, Dott. Lassina Zerbo kien se jagħmel f’Malta fix-xahar ta’ Mejju 2019.
Din iż-żjara inkludiet laqgħat ta' livell għoli mal-Ministru għall-Affarijiet
Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ, l-Onor. Carmelo Abela u mal-Ministru
għall-Affarijiet Interni u s-Sigurtà Nazzjonali l-Onor. Dott. Michael Farrugia,
kif ukoll seminar li ġie organizzat mal-Università ta' Malta.
KULTURA
Matul l-ewwel erba’ xhur
tas-sena l-Ambaxxata stabbilixxiet għadd ta’ kuntatti ġodda bil-għan li
jinfetħu opportunitajiet ġodda fil-qasam tal-arti u l-kultura.
Ġie stabbilit kuntatt
mal-fundaturi tal-klabb ewlieni tal-mużika jazz ġewwa Vjenna. Grazzi
għall-isforzi tal-Ambaxxata, il-klabb aċċetta li joffri il-post bla ħlas sabiex
jinżamm fih l-ewwel kunċert jazz b’mużiċisti Maltin. Il-kunċert li nżamm nhar it-13 ta’ Ġunju kien
possibbli grazzi għall-fondi mogħtija mill-Fond għad-Diplomazija Kulturali
tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ, u sponsor
privat misjub mill-Ambaxxata.
L-Ambaxxata stabbilixxiet
ukoll kuntatt mal-istazzjon tar-Radju ewlieni ORF bil-għan li tinbeda forma ta’
kollaborazzjoni. Fil-bini tiegħu, ir-radju jorganizza għadd ta’ avvenimenti
kulturali. L-Ambaxxata bdiet diskussjonijiet mar-radju sabiex jinżamm l-ewwel
kunċert ta’ grupp Malti fil-Ħarifa 2019.
L-Ambaxxata nediet ukoll
diskussjonijiet mal-Kunsill Malti għall-Arti u mal-EUNIC fl-Awstrija bil-għan
li l-Ambaxxata ssir membru u tkun tista` tibda tieħu sehem fl-attivitajiet
kulturali organizzati minn dan il-Grupp.
Bdew ukoll diskussjonijiet u
kuntatti mal-Awtoritajiet tal-belt ta` Vjenna bil-ħsieb li jittella’ programm kulturali fuq skala kbira b’rabta
mal-Milied fix-xahar ta` Diċembru 2019 fi Vjenna.
PROMOZZJONI
L-Ambaxxata stabbilixxiet
kuntatt u ħadmet mill-viċin mal-orġanizzaturi tal-EuroPride li saret fi Vjenna f’Ġunju. B’riżultat ta` din il-ħidma
ġie garantit l-ogħla livell ta` parteċipazzjoni għal Malta. Grazzi għax-xogħol
ta` koordinazzjoni tal-Ambaxxata mal-Uffiċju tat-Turiżmu u l-Ministeru
għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza, Malta ngħatat viżibilità mill-aktar
għolja matul il-ħmistax-il ġurnata ta’ attivitajiet, li għalihom attendew ’il
fuq minn 500,000 ruħ. Dawn kienu jinkludu spazju ta` promozzjoni fil-villaġġ
tal-EuroPride, diskors tal-ftuħ fil-konferenza dwar id-Drittijiet Umani
mill-Ministru Helena Dalli, pannell immexxi mis-Sur Silvan Agius dwar
l-Intersess waqt l-istess konferenza, viżibilità waqt il-ġirja ta`solidarjeta’
bil-parteċipazzjoni tal-Ambaxxatriċi u membri tal-Ambaxxata, u pożizzjoni
prominenti waqt il-marċ ta`solidarjetà fejn intlaħaq il-qofol tal-isfilata.
Il-logos taż-żewġ Ministeri u
tal-Uffiċju tat-Turiżmu kienu inklużi fuq is-sit elettroniku tal-EuroPride filwaqt li l-logo tal-uffiċju
tat-Turiżmu kien inkluż ukoll fuq it-T-shirts li ngħataw dawk kollha li ħadu
sehem fil-ġirja.
Matul is-sena l-Ambaxxata
taħdem id f’id mal-Uffiċċju tat-Turiżmu ġewwa Vjenna u tgħin sabiex tingħata
l-ogħla promozzjoni possibli lil Malta. Minbarra xogħol ieħor li sar fuq
attivitajiet ippjanati għal aktar tard matul is-sena, l-Ambaxxatriċi kif ukoll
l-istaff diplomatiku tal-Ambaxxata żaru l-istand li tellgħet l-MTA, fl-akbar
fiera tal-ivvjaġġar li ssir fl-Awstrija Ferien-Messe
Wien, fejn kellhom ukoll l-opportunità li jiltaqgħu u jiddiskutu ma’
rappreżentanti li jaħdmu fis-settur u li, jew diġà għandhom, jew li qed juru
interess f’Malta.
KONSOLARI
Mill-ewwel ta’ Jannar
sal-aħħar ta’ April 2019, l-Ambaxxata ħarġet erba` passaporti, ipproċessat
applikazzjoni għaċ-ċittadinanza, irreġistrat żewġ trabi Maltin li twieldu
barra, u rritornat affarijiet u dokumenti li ntilfu minn turisti Maltin fl-Awstrija.
L-Ambaxxata għenet ukoll Malti li nsteraqlu il-passaport waqt li kien
l-Ungerija. L-Ambaxxata ġiet ukoll msejħa biex tgħin anzjan Malti li ħassu
ħażin fl-ajruport l-Albanija.
Fuq bażi regolari l-Ambaxxata
rrispondiet għal diversi mistoqsijiet fuq vjaġġar u rilokazzjoni lejn Malta,
xogħol u studju f’Malta, tilwima kummerċjali, u ċertifikati tal-kondotta u
żwieġ f’Malta.
F’dan iż-żmien, l-Ambaxxata
talbet lill-Ministeru biex joħroġ parir u twissija ta` vjaġġar lejn
it-tramuntana u l-punent tal-Awstrija minħabba riskju ta’ valangi u silġ qalil
li kien qed jolqot iż-żoni tal-muntanji.
L-Ambaxxata kellha wkoll
numru ta` laqgħat mal-Konsli Onorarji li jirrappreżentaw lil Malta fir-reġjuni
diversi tal-Awstrija.
L-Ambaxxata infurmat
liċ-ċittadini Maltin li jgħixu fl-Awstrija, li dawk eliġibbli biex jivvutaw
għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali, u li se jkunu
barra minn Malta jew ser jiddaħħlu l-isptar fil-25 ta’ Mejju 2019, jistgħu
japplikaw għal vot bikri, billi jissottomettu dikjarazzjoni taħt ġurament
fl-Ambaxxata ta' Malta fi Vjenna. Il-votanti eliġibbli ġew ukoll infurmati dwar
l-arranġamenti tal-ivvjaġġar tal-Air Malta għall-elezzjonijiet tal-MEPs.
L-informazzjoni ġiet iċċirkolata permezz ta’ imejl u tpoġġiet ukoll fuq il-Facebook
Page tal-Ambaxxata.
Fl-1 u l-24 ta’ April
l-Ambaxxata kisbet il-permessi neċessarji mill-Awtoritajiet Awstrijaċi Slovakki u Ungeriżi rispettivament biex
titjira militari u oħra li ġarret lill-Prim Ministru u d- delegazzjoni tiegħu,
jitħallew jgħaddu minn fuq dawn it territorji.
L-Ambaxxata għenet
lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali sabiex jiġbor fondi dovuti lid-Dipartiment,
wara li miet il-benefiċjarju u l-qraba tiegħu komplew jirċievu il-benefiċċji
soċjali minn Malta.
Seduta 247
09/07/2019
No comments:
Post a Comment