10553. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u
Promozzjoni tal-Kummerċ: Jista’ l-Ministru jelenka x’ħidma saret fl-Ambaxxata
tagħna ġewwa l-Arabja Sawdija fl-ewwel
erba’ xhur ta’ din is-sena?
17/06/2019
ONOR. CARMELO
ABELA: Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħidma li
saret fl-Ambaxxata tagħna ġewwa l-Arabja Sawdija fl-ewwel erba’ xhur ta’ din
is-sena huwa:
Bilaterali
· Matul l-erba’ xhur ta’ din is-sena l-Ambaxxata
kompliet issegwi l-proċess tan-negozjar dwar ftehimiet pendenti fosthom, abbozz
ta’ ftehim dwar Ħelsien mill-b¿onn ta’ Viża fir-rigward ta’ Passaporti
Diplomatiċi, u abbozz ta’ ftehim dwar Garanziji dwar Investiment. Saru wkoll
kuntatti dwar id-dħul fis-seħħ ta’ MoU dwar Kooperazzjoni fil-Qasam
tal-Edukazzjoni Għolja u r-Riċerka Xjentifika li kien iffirmat bejn Malta u
l-Arabja Sawdija fl-4 ta’ Mejju 2018.
· L-Ambaxxata kienet ukoll impenjata f’ħidma sabiex
jiltaqgħu l-Ministri għall-Affarijiet Barranin ta¿-¿ewġ pajji¿i. Il-laqgħa bejn
il-Ministru Carmelo Abela u l-Ministru tal-Istat tal-Affarijiet Barranin
tal-Arabja Sawdija, Adel Al Jubeir, saret f’Brussell fl-4 ta’ Frar 2019
fil-marġni tal-ħames laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Unjoni
Ewropea u tal-Lega Għarbija. Matul din il-laqgħa iż-żewġ naħat kellhom
l-opportunità li jiddiskutu żviluppi reġjonali u bilaterali.
· Fil-perjodu msemmi l-Ambaxxata ħarġet 32
Kommunikazzjonij Uffiċjali (NVs) lill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin
tal-Arabja Sawdija, u l-Ambaxxati tal-Baħrejn u Jemen f’Rijad dwar diversi aspetti fosthom politiċi, ekonomiċi,
konsulari u amministrattvi. Saru wkoll laqgħat u kuntatti ma’ uffiċjali
fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin.
· Qasam ieħor ta’ ħidma kien dak tal-kandidaturi fejn
saru talbiet għal sostenn fir-rigward ta’ kandidaturi f’diversi
organizzazzjonijiet internazzjonali.
Kummerċjali
· L-Ambaxxata iżżomm kuntatt ma’ Trade Malta sabiex
tassisti kumpaniji Maltin interessati fis-suq Sawdi. Dan is-suq qiegħed f’fażi
interessanti hekk kif l-Arabja Sawdija tinsab fi proċess ta’ tranżizzjoni u ta’
riformi bil-għan li tattira kummerċ u investiment f’oqsma innovattivi bħal
Intelliġenza Artifiċjali u Katina tal-Blokok
(blockchain), li jistgħu
joffru opportunitajiet ta’ skambji u ta’ kollaborazzjoni bejn Malta u l-Arabja
Sawdija.
Kulturali
· Saru preparamenti għal parteċipazzjoni tal-Ambaxxata
flimkien mal-Ambaxxati ta’ Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea f’Rijad,
f’avveniment kollettiv fl-okkażjoni tal-Jum Nazzjonali tal-Unjoni. Għal dan
l-avveniment kien ippjanat li jintwerew filmati qosra li jirrapreżentaw il-Membri
tal-Unjoni fosthom Malta.
Konsulari
· L-Ambaxxata impenjat ruħha biex toffri assistenza
konsulari lill-Maltin rigward diversi talbiet għal passaporti, reġistrazzjoni
ta’ twelid, u applikazzjonijiet għal ċittadinanza Maltija. L-Ambaxxata
tipproċessa ukoll applikazzjonijiet għal viża, fejn inħarġu 156 viża matul dan
il-perjodu. L-Ambaxxata ipproċessat ukoll applikazzjonijet għal permessi
diplomatiċi fir-rigward ta’ titjiriet li jgħaddu minn Malta magħrufa bħala ‘overflights’. L-Ambaxxata illegalizzat 27
dokument għal użu f’Malta. Informazzjoni
dwar żviluppi interni u reġjonali tinġieb għall-attenzjoni tad-Direttorat
Konsulari fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni
tal-Kummerċ biex isservi bħala gwida fir-rigward tal-kumpilazzjoni tal-lista
ta’ Pariri għal Vjaġġar. L-informazzjoni f’din il-lista tgħin liċ-ċittadini
Maltin ikunu jafu bis-sitwazzjoni tal-pajjiż li beħsiebhom iżuru.
Promozzjoni ta’ Malta
· Fil-bidu tas-sena l-Ambaxxata kienet impenjata sabiex
tippromwovi l-ħidma tal-uffiċċju f’Malta magħruf bħala ECLASLO u sabiex tisħaq
dwar l-importanza ta’ dan l-uffiċċju, li għandu rwol importanti biex iqarreb
l-Unjoni Ewropea u l-Lega Għarbija, u jżomm id-djalogu bejn iż-żewġ reġjuni ħaj
u attiv.
· Saret ħidma sabiex informazzjoni dwar ir-rwol tal-IMLI
f’Malta, u partikularment dwar applikazzjonijet ghal-programmi f’livell ta’
Masters relatati mal-liġi marittima fi ħdan dan l-Istitut, titwassal
lill-Awtoritajiet fl-Arabja Sawdija u fil-Baħrejn.
· Il-promozzjoni ta’ Istituzzjonijiet Edukattivi f’Malta
kienet ukoll fost il-ħidmiet tal-Ambaxxata, fejn ingħataw pariri u
informazzjoni relatati mar-regolamenti u kundizzjonijiet fl-Arabja Sawdija
f’dan il-qasam.
Oħrajn
· L-Ambaxxata wasslet ukoll informazzjoni
lill-Awtoritajiet kompetenti fl-Arabja Sawdija, l-Baħrejn u l-Jemen dwar
laqgħat li jsiru f’Malta fosthom il-Laqgħa Għolja bejn l-Istati tal-UE u Għarab
dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabiltà li saret f’Malta f’April 2019, fejn
delegazzjoni mill-Arabja Sawdija ipparteċipat f’din il-laqgħa.
· L-Ambaxxata tieħu sehem fil-laqgħat regolari ta’ kull
xahar tal-Unjoni Ewropea fejn jiġu diskussi żviluppi domestiċi u reġjonali.
F’dan il-kuntest l-Ambaxxata tirraporta lill-Ministeru għall-Affarijiet
Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ bl-andament ta’ dawn l-iżviluppi, kif
ukoll iżżomm il-Ministeru aġġornat dwar żviluppi ta’ interess politiku,
kummerċjali, u soċjali fl-Arabja Sawdija u fir-reġjun.
Seduta 249
17/07/2019
No comments:
Post a Comment