1. Isir x’isir, il-kitba tibqa’ fost l-isbaħ mexxi ta’ komunikazzjoni. Ta’ rakkont tal-ħajja tal-bniedem. Ta’ dak li seħħ u jiġi rappreżentat lura
mill-kittieb fuq il-karta. Kull ma
jinkiteb jitwieled mill-pinna ta’ bniedem fl-imħabba tiegħu f’dak li jingħad
bħala l-bżonn li jaqsam mal-oħrajn. Hemm
min jikteb kotba storiċi. Hemm min
jikteb trattati akkademiċi sbieħ jew komplikati. Hemm min jikteb rumanzi. Kull min iħoss din is-sejħa, din
il-vokazzjoni li jikkomunika, jikteb sabiex ħutu jaqraw dak li deherlu li
għandu jniżżel.
Il-ktieb
2. Il-ktieb jibqa’
fih innifsu proġett fit-tfassil tal-abbiltà tal-bniedem. Il-maġġoranza ta’ dawk li jiktbu, jaħsbu minn
qabel liema triq ser jaqbdu. Il-proġett
ikun diġà mfassal tajjeb f’moħħhom u jibdew jibnu fuqu. Jibdew ilaħħmu fuqu biċċa biċċa. Ftit huma, jew kienu, dawk li kapaċi jibdew
iniżżlu kelma wara kelma mingħajr ħsieb.
Mingħajr ma jkollhom bidu jew tmiem f’moħħhom u joħolqu opra letterarja
tajba. Il-bniedem kapaċi verament. Kapaċi joħloq, jibni u jagħti l-ħajja minn
moħħu għal fuq il-karta.
Jibqa’ sod
3. Jingħad
x’jingħad, il-bniedem il-ktieb għandu bżonnu.
Anzi, s-soċjetà tikber u timxi ‘l quddiem meta jkollha iktar membri
fostha li jaqraw. L-edukazzjoni sħiħa
tal-bniedem twasslu jkun ċittadin aqwa f’demokrazija parteċipattiva u mhux
passiva. Għandna wirt ta’ kitba ta’
awturi varji li fis-sekli ħallew warajhom dak li batew biex jiktbu. Dak li ddedikaw il-ħin, forsi wkoll
l-eżistenza sħiħa tagħhom, għalih.
Nammira, napprezza u nirringrazzja lil dawk li wettqu dan, u dawk li
telqu fit-triq għalih. Mhux faċli
tikteb. Anqas li tikteb b’mod li bih
tista’ tikkomunika effettivament il-ħsieb tiegħek lill-oħrajn. Imma l-verità hija li l-ktieb jibqa’ sod
fis-soċjetà u s-soċjetà tikber iktar ma jkollha l-ktieb sod fiha.
Andrea Camilleri
4. Tul din
il-ġimgħa ġie msejjaħ lura għand il-Ħallieq, Andrea Camilleri. Kien fost il-kittieba l-iktar magħrufa f’dawn
l-aħħar snin. Għandu lista twila ta’
kotba, miktuba fuq linji varji.
Ċertament b’intelliġenza, b’għarfien tan-natura umana, bi struttura,
storja li jinseġ fejn ma timmaġinax li ser tispiċċa. Għandu dawk li huma mibnija fuq id-delitti,
veri jew immaġinarji, fejn il-persuna li jinkarna l-investigazzjoni huwa
l-Kummissarju Salvo Montalbano. Fejn
il-kitba ma ssegwix dak li ċerti drabi aħna mdorrija nimxu fihom. Fejn xi drabi, il-qarrej irid jifhem it-tmiem
mingħajr ma jingħadlu. Jew f’dawk li
huma mimlija b’intelliġenza. Dawk li
huma storiċi bħal ‘Il Colore del Sole’
dwar l-aħħar snin tal-pittur Caravaggio.
Dawk li huma bijografiċi, bħal dak li għandu dwar Luigi Pirandello, ‘Biografia del figlio cambiato’.
Telaq, imma ħalla warajh
5. Bħal kull
bniedem, Camilleri kellu bidu u tmiem.
Imma ħalla warajh wirt ta’ kotba li rari tiddejjaq taqrahom. Mhux biss, imma ħalla wkoll f’din il-fruntiera
li qed tiżviluppa l-kapitolu fejn il-kittieb ma jibqax wieħed misterjuż. Ma jkunx dak li jintgħaraf aħjar fl-isfond
storiku, kulturali, soċjali u storiku wara ċertu snin u ċertu riċerka. Anzi, huwa fost dawk li fid-diversi
intervisti li sarulu tul ħajtu hemm il-bniedem li kiteb, li qiegħed jispjega
direttament dak li għadda minnu, dak li mess b’idejh. Dak li ried iwassal spjegat aħjar minnu milli
minn min jipprova jifhmu wara.
Luciano De Crescenzo
6. Kienet
il-ġimgħa fejn dawk li jiktbu ġew imsejħa.
Forsi hemm xi kapitolu ieħor li hemm bżonn jinkiteb f’post iktar
importanti. De Crescenzo, forsi magħna
f’pajjiżna mhuwiexf tant magħruf bħal Camilleri. Biss, għal dawk li jħobbu l-letteratura
jagħrfuh bħala wieħed minn fost dawk li ħalla marka. Kiteb b’pinna sabiħa, li tiġbed
is-saqajn mimlija b’għerf u sens li
n-Naplitani għandhom. Fuq kollox,
jirnexxilu jispjega l-filosofija, partikolarment dik Griega, b’pinna friska u
diretta. Jfiehem lil dawk li ma kellhomx
l-opportunità li jistudjaw. Iġib
għar-realtà dak li jingħad f’tant kliem sabiħ, però li jista’ ma jinftehimx. Forsi fost l-isbaħ għandu l-famuż ‘Così parlò Bellavista’, mimli b’għerf
lokali u direzzjoni fil-ħajja. Ktieb
b’kuntrast evidenti għal dak li kien kiteb il-filosfu kumplikat Frederick
Nietzche, ‘Così parlò Zarathustra’.
Paolo Borsellino
7. Tul din
il-ġimgħa ftakarna li sebgħa u għoxrin sena ilu, fid-19 ta’ Lulju 1992, inqatel
Paolo Borsellino. Persuna li ddedika
ħajtu sabiex jikkumbatti l-mafja.
Bniedem tal-liġi, li l-kitba tiegħu kienet konċentrata u mmirata biex
tinbena l-informazzjoni neċessarja sabiex jinqabdu u jiġu kundannati dawk li
wettqu tant delitti mill-iktar koroh.
Borsellino kien fost kittieba legali oħra. Kien fost bnedmin differenti li kkumbattew
għas-sewwa bil-moħħ u bil-pinna tagħhom.
Bnedmin li ħallsu prezz għal dan b’ħajjithom. Inqatlu għax servew is-soċjetà. Servewha biex jgħollu ‘l fuq lill-bniedem.
Moħħ u pinna
8. Dawk bħal
Borsellino u Giovanni Falcone li kkumbattew il-ġlieda t-tajba, dik l-iktar
perikoluża, kellhom warajhom diversi bnedmin tajba fis-soċjetà. Bnedmin li kellhom il-kitba tajba. Mhux biss f’dak li jgħidu, imma f’dawk li
jiddeċiedu li jiktbu. Camilleri, De Crescenzo
jistgħu jinqalgħu ‘l barra mill-kuntest storiku tagħhom. Biss, il-verità hija li kienu qed jiktbu
fl-għarfien ta’ dak li kien qiegħed iseħħ f’pajjiżhom. Kitbiethom mhumiex attakki diretti. Huma, anzi, xiehda tal-bniedem
it-tajjeb. Tal-bniedem li jġib ruħu
sewwa, li huwa eżempju taċ-ċittadin fis-soċjetà.
Dawk li jissudaw is-sewwa
9. Il-kitba
tagħhom tista’ tmiss mal-aspett negattiv fil-bniedem, imma ftit huma l-kotba
fejn il-ħażin jirbaħ fuq it-tajjeb. Ftit
huma l-linji fejn ma hemmx ir-riċerka tal-verità u l-importanza tagħha
fil-ħajja tal-bniedem. Is-soċjetà
tilfet, ċertament, tul din il-ġimgħa żewġ bnedmin li ħallew xiehda ta’ kemm
il-bniedem irid jaħdem għas-sewwa.
Xiehda ta’ dawk li jingħaqdu fil-bżonn li wieħed jikkumbatti dawk li huwa
żbaljat biex is-soċjetà tkun aqwa milli hija.
Xhieda tas-sejħa u rilevanza ta’ dawk li jiddedikaw ħajjithom biex
jagħtu lura dak li l-bniedem għandu tant bżonn: is-sewwa.
No comments:
Post a Comment