10552. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u
Promozzjoni tal-Kummerċ: Jista’ l-Ministru jelenka x’ħidma saret fl-Ambaxxata
tagħna ġewwa l-Federazzjoni Russa fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena?
17/06/2019
ONOR. CARMELO
ABELA: Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħidma li
saret fl-Ambaxxata tagħna ġewwa l-Federazzjoni Russa fl-ewwel erba’ xhur ta’
din is-sena huwa:
Bilaterali:
· Ittieħdu numru ta’ inizjattivi f’ dan il-qasam. Matul
dan il-perjodu, bħal perjodi oħra, l-Ambaxxata kompliet taħdem sabiex
ir-relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u l-Federazzjoni Russa jkomplu jissaħħu.
· Kien hemm numru ta’ laqgħat bejn uffiċjali
tal-Ambaxxata u uffiċjali tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin
tal-Federazzjoni Russa, fejn iddiskutew għadd ta’ temi, fosthom inviti għal
Uffiċjali Għolja, avvenimenti u possibiltajiet biex jiġu ffirmati xi ftehimiet
bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi.
· L-Ambaxxatur kellu wkoll serje ta’ laqgħat ma’
Diretturi ewlenin fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Russu fejn tkellmu fuq
temi kif ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi jkomplu jimxu ‘l quddiem.
Kummerċjali:
· Matul dan il-perjodu, l-Ambaxxata kompliet bil-ħidma
tagħha biex tattira investituri Russi sabiex jinvestu f’Malta. L-Ambaxxata
attendiet diversi fieri b’temi varji, fosthom it-turiżmu, it-teknoloġija u
l-informatika.
· F’Marzu l-Awtorità tat-Turiżmu ipparteċipat f’fiera rinomata f’Moska, fejn l-Ambaxxata
għenet kif setgħet. L-Ambaxxatur indirizza wkoll sensiela ta’ laqgħat ma’
agenti ta’ l-ivvjaġġar.
Kulturali:
· F’Jannar l-Ambaxxatur Agius iltaqa’ mal-Metropolitan
Hilarion ta’ Volokolamsk. Il-Metropolitan huwa wkoll il-President
tad-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Esterni tal-Knisja Ortodossa
tal-Patrijarkat ta’ Moska.
· Ftit tax-xhur ilu l-Ambaxxata bbenifikat ukoll
mill-Fond għad-Diplomazija Kulturali fejn Mużiċist Malti ta prestazzjoni
quddiem udjenza Russa f’wieħed mill-aktar postijiet kulturali rinomati f’Moska.
Mhux hekk biss, imma l-Ambaxxata bdiet b’ ħidma wiesgħa biex tippromwovi
l-lingwa u l-letteratura Maltija f’diversi oqsma tas-soċjetà Russa, fosthom
fil-libreriji u organizzazzjonijiet. L-Ambaxxata wittiet it-triq biex fix-xhur
li ġejjin ikunu jistgħu jittellgħu
diversi attivitajiet relatati mal-letteratura Maltija.
· L-Ambaxxata tinforma wkoll li t-tħejjijiet biex
pittura ta’ Katrina l-Kbira tkun eżebita f’Moska waslu fi stat avvanzat u
l-wirja se tinfetaħ dan is-sajf stess.
Konsolari:
· L-Ambaxxata u l-Konsolat tagħha dejjem wettqu ħidma
kontinwa biex jiġu moqdija d-dmirijiet konsolari li jinkludu verifikazzjoni u
approvazzjoni ta’ viżas, ċittadinanzi u kwistjonijiet oħra relatati
maċ-ċittadini Maltin fir-Russja.
· L-Ambaxxata u l-Konsolat jassiguraw li dejjem kienu
ta’ għajnuna bl-iktar mod professjonali f’każ ta’ emerġenzi u talbiet oħra għal
assistenza. Sal-aħħar ta’ April 2019,
il-perjodu li fuqu qiegħed jiġi rraportat inħarġu kwazi 3000 visa.
· L-Ambaxxata kellha wkoll ka¿ijiet partikulari fejn
estendiet għajnuna lil ċittadini Maltin li tilfu t-titjira ta’ ritorn tagħhom,
baqgħu fit-territorju Russu wara li skaditilhon il-viża u li ġew misruqa.
Promozzjoni ta’ Malta:
· Malta ssemmiet diversi drabi fil-Medja Russa bħala
destinazzjoni turistika, kif ukoll bħala pajjiż għani fl-iżvilupp storiku
tiegħu. L-Ambaxxatur Malti f’Moska kien ukoll ta xi intervisti lil medja lokali
dwar Malta inkluż fuq ir-rivista inflight
tal-linja tal-arju nazzjonli l-Aeroflot li għandha ċirkolazzjoni ta’ aktar
minn nofs miljun kopja.
· L-Ambaxxatur ta wkoll diversi lectures f’universitajiet Russi inklu¿ fost l-oħrajn fl-Iskola tal-Ekonomija ta’ Moska,
u fil-Fakultà tal-Ġurnali¿mu fl-Università Statali ta’ Nizhny
Novogorod. L-Ambaxxatur żar ukoll
diversi skejjel fejn ippromwova lil Malta bħala destinazzjoni għat-tagħlim
tal-Ingliż.
· L-Ambaxxata Maltija f’Moska kienet ukoll ferm attiva
tippromwovi l-kultura Maltija u ġabet f’Moska artisti Maltin li tellgħu
produzzjonijiet f’postijiet pretiġjużi kif ukoll fi skejjel pubbliċi.
Oħrajn:
· L-Ambaxxata qed tagħmel l-almu tagħha biex
tiddeversifika r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi. Bħalma wieħed jista’
jara, qed isir ħafna xogħol fl-isferi kollha u huwa mistenni li l-attivitajiet
tal-Ambaxxata jkomplu jiżdiedu biex nassiguraw l-aħjar bejn Malta u
l-Federazzjoni Russa. Għaddejjin
preparamenti għal proġetti interessanti li ser jiġu rrealizzati aktar tard din
is-sena. Fost dawn hemm wirjiet ta’
livell internazzjonali, kunċerti, u sensiela ta’ lectures fuq il-lingwa Maltija u kittieba Maltin.
· L-Ambaxxata ta’ Malta tipparteċipa wkoll f’diversi
laqgħat ta’ kull ġimgħa f’koordinazzjoni mal-pajjiżi l-oħra Ewropej u tibgħat rapporti
regolari fuq l-iżvilupp u l-avvenimenti ġewwa l-Federazzjoni Russa.
Seduta 249
17/07/2019
No comments:
Post a Comment