18.7.19

AMBAXXATA TA’ MALTA FIL-KUWAJT - ĦIDMA.




10550. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ: Jista’ l-Ministru jelenka x’ħidma saret fl-Ambaxxata tagħna ġewwa l-Kuwait fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena?

17/06/2019

  ONOR. CARMELO ABELA:  Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħidma li saret fl-Ambaxxata tagħna ġewwa l-Kuwait fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena huwa:

Xogħol Bilaterali

·               L-Ambaxxata organizzat u ħadet ħsieb mawra ta’ Uffiċjali Għolja mill-Università ta’ Malta li saret fil-Kuwajt. L-għan ewlieni tal-mawra kien biex tippromwovi l-Univeristà ta’ Malta fil-Kuwajt. Dan billi tagħti tagħrif lill-uffiċjali tal-Kuwajt dwar il-progress tal-istudenti tal-Kuwajt li qed jistudjaw f’Malta bħalissa u toffri aktar postijiet lil studenti oħra mill-istess pajjiż f’diversi oqsma fosthom il-qasam mediku, dentistrija u inġinerija. Id-delegazzjoni Maltija żaret skejjel privati minn fejn hemm il-possibilità li jintbagħtu studenti Malta. Ix-xogħol fuq dan il-proġett għadu għaddej.
·               Hemm taħdidiet għaddejjin biex jigi ffirmat MoU bejn l-Awtorità tal-Investiment Dirett tal-Kuwajt u l-Malta Enterprise.
·               Ġie mwaqqaf il-Grupp Parlamentari Malta-Kuwajt. L-Ispeaker tal-Assemblea tal-Kuwajt ħareġ stedina lill-Onorevoli Dott Anġlu Farrugia biex iżur il-Kuwajt f’data u ħin tajjeb għaż-żewġ naħat.
·               Għaddejjin taħdidiet biex jiġi ffirmat MoU bejn il-Ministeru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali ta’ Malta u l-Ministeru tal-Kooperazzjoni, Protezzjoni  u Difiża Ċivili tal-Kuwajt.
·               Saru taħdidiet mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Kuwajt bil-għan li tintwera l-importanza lill-Kummissjoni Ewropea tal-uffiċċju tal-Lega Għarbija (ECLASLO) f‘Malta. Intalab ukoll appoġġ wiesa’ mingħand il-Gvern tal-Kuwajt għal dan l-uffiċċju bħalissa u fil-futur.
·               L-Ambaxxatur kien mistieden minn waħda mill-gazzetti ewlenin tal-Kuwajt fejn fl-okkażjoni tal-Jum Nazzjonali u tal-Libertà tal-Kuwajt ta l-awgurju tiegħu lill-Eċċellenza Tiegħu l-Emir tal-Kuwajt u tenna l-impenn tiegħu biex ikompli jsaħħaħ il-relazzjonijiet bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi.
·               L-Ambaxxata ħarġet stedina lill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Kuwajt biex jibgħat rappre¿entanti għal-Laqgħa Għolja bejn l-UE u l-Istati Għarab dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità li saret f’Malta bejn l-24 u l-25 t’April 2019. Il-Kuwajt aċċetta din l-istedina u ħa sehem f’din il-Laqgħa Għolja permezz ta’ delegazzjoni ta’ tliet Uffiċjali.
·               Saret ħidma biex Malta u l-Kuwajt jilħqu ftehim reċiproku bejn il-kandidatura ta’ Malta għall-Kunsill tal-IMO f’kategorija “C” u l-kandidatura tal-Kuwajt fl-istess Kunsill, liema elezzjoni ser issir f’Novembru 2019.
·               Il-Kuwajt talab l-apoġġ ta’ Malta għall-kandidatura tiegħu fuq il-Kummissjoni tal-Istatistika, il-Kunsill dwar l-Iżvilupp tal-Ġnus Magħquda u l-Uffiċċju għall-Proġetti tas-Servizzi tal-Ġnus Maqgħuda.
·               L-Ambaxxatur ħa ħsieb Delegazzjoni mill-Università Amerikana f’Malta magħmula min Dott Lewis Walker, President, u Dott Thomas Lechner, Direttur. L-għan taż-żjara kien biex iħeġġu studenti mill-Kuwajt isegwu l-istudji tagħhom f’din l-Università.
Ħidma Kummerċjali

·               L-Ambaxxata tat l-għajnuna tagħha biex kumpanija kbira tal-ikel minn Malta tordna u tesporta ikel magħmul Malta. L-ewwel kunsinja tal-ikel dalwaqt tasal il-Kuwajt.
·               L-Ambaxxata organizzat numru ta’ laqgħat għal delegazzjonijiet Maltin li marru l-Kuwajt biex jagħtu tagħrif dwar ir-residenza Maltija u l-Aġenzija tal-Viża kif ukoll dwar il-possibiltà li ’l quddiem ikun hemm fiera li tiffokka fuq l-investiment barrani u opportunitajiet oħra fir-reġjun.
·               L-Ambaxxatur attenda għall-Forum tal-Kummerċ (EU-GCC). Dan kien organizzat mid-Delegazzjoni tal-UE f’Rijad, il-Kamra tal-Kummerċ u Industrija tal-Kuwajt u l-Awtorità tal-Promozzjoni tal-Investiment Dirett tal-Kuwajt.

Il-Kultura u l-Promozzjoni ta’ Malta

·               Saru arranġamenti biex grupp ta’ ġurnalisti u tekniċi mill-Kuwajt iżuru Malta f’Settembru biex jagħmel filmat fuq kull qasam tal-kultura Maltija u l-industrija tat-turiżmu. Dan il-filmat ser isir flimkien mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.
·               L-Ambaxxata ħadet sehem fiċ-ċelebrazzjonijiet f’Jum l-Ewropa li kienu jinkludu kunċert mużikali u tqassim materjal li jippromwovu lil Malta.
·               Il-mara tal-Ambaxxatur ġiet maħtura Vici-President tal-Grupp Internazzjonali tan-Nisa. Dan il-Grupp jista’ jservi biex nippromwovu t-turiżmu lejn Malta kif ukoll l-istorja u l-kultura Maltija.

Il-Ħidma Konsolari

·               Minn Jannar sa April 2019, inħarġu total ta’ 74 viża.

Ħidma Oħra

·               L-Ambaxxatur kien membru fuq Grupp ta’ Ħidma tal-UE fuq id-Drittijiet tal-Bniedem fil-Kuwajt. Dan ir-rapport ingħata lill-EEAS f’Rijad biex jintbagħat Brussell.
·               L-Ambaxxatur kien mistieden mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u ċ-Ċentru Ban Ki Moon biex jattendi seminar dwar kif jista’ jingħata appoġġ fil-qasam tal-iżvilupp taż-żgħażagħ u n-nisa fil-Kuwajt; kif ukoll seminar ieħor dwar il-Governanza Tajba u Trasparenti organizzat mill-Fond Monetarju Internazzjonali, iċ-Ċentru tal-Ekonomija u Finanzi tal-Lvant Nofsani u l-Fond Ekonomiku u ¯vilupp Soċjali Għarbi.
·               L-Ambaxxatur ingħata tagħrif mingħand id-Direttur Ġenerali u d-Direttur  tal-UE dwar it-Terroriżmu.
·               L-Ambaxxata Amerikana stiednet lill-Ambaxxata Maltija biex tieħu sehem f’diskussjoni dwar il-prevenzjoni tal-frodi.
·               L-Ambaxxatur ħa sehem f’diversi ċerimonji u avvenimenti organizzati minn Ambaxxati oħra kif ukoll entitajiet tal-Kuwajt.

Seduta  249
17/07/2019

No comments:

UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA - LAQGĦAT

22088. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ: Jista...