1. Mhux kulħadd japprezza kemm il-Partit
Nazzjonalista għandu għerq demokratiku imniffed sewwa fl-art popolari. Il-Partit tagħna qatt ma kien partit ta’
bniedem wieħed, jew ta’ klikka madwar bniedem.
Ngħid dan għaliex issa għandi esperjenza ta’ snin b’kapijiet differenti
u fi staġuni politiċi kemm faċli, kemm diffiċli u kemm ukoll diffiċli
ħafna. Forsi wkoll, jekk tippermettuli,
kumplikati żżejjed.
Fil-MŻPN bdejt
2. Bdejt naħdem fil-Moviment Żgħażagħ Partit
Nazzjonalista meta pajjiżna kien għaddej mill-agħar kriżi kostituzzjonali. Meta l-Partit kellu l-maġġoranza tal-voti
imma mhux tas-siġġijiet. Meta kien hemm
bżonn ta’ ħidma attiva sabiex pajjiżna jieħu r-ruħ u jkollu verament
future. Ħidma li wettaqt u li ċertament ma
jiddispjaċinix minnha. Ħriġt wara ħafna
ħsieb u riflessjoni għall-elezzjoni u tlajt fil-Parlament fl-1998, meta l-Kap
kien Eddie Fenech Adami. Meta hemm ukoll
kien hemm bżonn li nassiguraw id-demokrazija u l-futur tagħna lura fi ħdan
l-Unjoni Ewropea. Kien hu li għażilni
biex inservi fil-Gvern tiegħu bħala Segretarju Parlamentari. Meta ssuċċedih Lawrence Gonzi, f’mument kbir
ta’ bidla għall-pajjiż li kien qiegħed jittrasforma ruħu f’membru sħiħ
tal-Unjoni Ewropea, servejt taħtu bħala Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern.
Wara li l-Partit tilef il-poter
3. Wara li tlifna l-elezzjoni, bħala Partit,
kont membru tal-Parlament, fl-Oppożizzjoni fi żmien li kien Kap Simon
Busuttil. Il-kapijiet kollha kellhom
il-merti tagħhom, u mhux il-post u ż-żmien li wieħed jagħmel paraguni. Il-prinċipji tal-Partit ma tbiddlux mal-bidla
tal-kapijiet. L-istrateġija, it-tattika
u l-linja politika nbidlu mat-tibdil fil-qagħda u ċ-ċirkostanzi politiċi
fil-pajjiż u fid-dinja. Il-Partit
Nazzjonalista qatt ma kien Partit ta’ bniedem wieħed: jibqa’ għaddej. Jibqa’, anzi, dak li aktar ma jkollu kontra
tiegħu, dak li kapaċi jagħżel u jimxi ‘l quddiem b’saħħa u determinazzjoni.
Ma hemmx kult tal-personalità
4. Fil-Partit Laburista ta’ Malta, dejjem kien
jinħass iktar il-kult tal-personalità. Speċjalment meta Duminku Mintoff kien il-Kap,
anzi, kif jgħidulu huma, “il-Leader”, il-Parit Laburista kien għamel minnu alla
żgħir. Kienu jgħidu li hu lussu għal
Malta. Kien magħdud li jaf kollox, li
jirbaħ dejjem, li m’għandikx tmerih. Il-Leader ta’ qablu, Pawlu Boffa, bata
l-eklissi meta xiref Mintoff fuq l-orizzont tal-politika Maltija u
barranija. Mintoff kien jitqies u
jitpinġa bħala ġgant quddiem il-kapijiet barranin u l-avversarji politiċi
Maltin. Fi żmienu mhux il-prinċipji Laburisti
jew Soċjalisti kienu jorbtu: hu stess kien jgħid: “Għandna l-prinċipji
tagħna.” Li kienet tfisser: kif nifhimha jien. Id-duttrini politiċi Soċjalisti għalih ma
kienux gaġġa; kien isawwarhom kif jidhirlu hu.
Kapaċi kien, iżda kien ukoll żbalja, u kultant bil-kbir. Kien bniedem awtentiku, mhux falz, iżda
t-tifħir eċċessiv naqqaslu r-rażan.
Fil-Partit Nazzjonalista
5. Fil-Partit Nazzjonalista ġieli kien hemm
ukoll min, biex jilgħaq lill-Kap, jew għax imħassar mill-ideoloġiji tal-lemin
estrem, kien isostni li l-Kap għandu dejjem raġun u għandha dejjem tgħaddi
tiegħu. Iżda sa fejn stajt nara jien,
Borg Olivier qatt ma pprova jagħmel borġoliverjani,
kif qatt ma kellna fenechadamiċi,
gonzjani, busuttilisti, u kif issam’għandniex delijani. Dawn il-kliem ma
vvintajnihomx. U ma kellniex
bżonnhom. M’għamilniex l-iżball li
l-partit jaddotta l-Führerprinzip. Mhux
biss żball, imma proprju għax aħna f’dan il-partit kbir u bi storja twila
ngħarfu li kien ikun is-suwiċidju u l-qerda tal-Partit. Iżda, fuq in-naħa l-oħra, lanqas ma hija ta’
fejda l-anarkija interna.
Il-Kap iservi
6. Il-Kap tagħna nafuh li jservi lill-Partit u lin-Nazzjon. Kliem bħal ‘Kap Suprem’ ma jixirqux lil
Partit demokratiku Nazzjonalista u Demokristjan. Il-Kap ma jaħkimx : jidderieġi. Huwa suġġett
għall-kritika. Għandu però dritt leġittimu għall-kollaborazzjoni lejali. Fid-dibattitu intern għandu jkun hemm,
u fil-fatt teżisti, u jiena dejjem rajtha li teżisti, il-libertà l-aktar wiesgħa. ‘Libertas’ kienet il-kelma fi
żmien u quddiem id-dittaturi. Hemm ukoll
il-ħtieġa tal-fedeltà, lealtà, kollaborazzjoni.
‘Fides’ mhux biss
fis-sens ta’ ‘fidi’ jew twemmin, iżda wkoll ta’ fedeltà u fiduċja. Min ikollu l-kariga u l-piż tat-tmexxija,
għandu dritt għar-rispett. Huwa l-Kap li
għandu jiġi rispettat u mogħti l-ġieħ li, bi dritt u loġika, jixraqlu.
Il-Partit ikompli jikber
7. Il-Partit Nazzjonalista kiber u kellu
suċċessi kbar meta wera li jgħożż il-libertà, id-djalogu bejn fehmiet
differenti, iżda wkoll, u fuq kollox, il-lealtà lejn il-prinċipji u lejn
il-fiduċja li jtih il-poplu. Iċ-ċavetta
tas-suċċess qegħda fil-mod kif ikun kapaċi jsir ħaġa waħda mal-poplu. F’dak il-proċess neċessarju li huwa kapaċi
jwettaq. In-nies li jirrappreżentaw
lill-poplu jikkonvinċu u jiġu konvinti mill-poplu li jirrappreżentaw. Jintagħġnu miegħu. Is-suċċessi jinkisbu fit-toroq, fil-ħwienet,
fil-każini, fid-djar. Jinkisbu wkoll
mid-diskorsi fil-Parlament u fuq il-mezzi tax-xandir. Kif ukoll, nittama, mill-artikoli li
fil-gazzetti : almenu għalhekk niktbu u nippubblikaw.
Il-futur tagħna
8. Proprju għax għadha għaddejja l-ħidma
tagħna, proprju għax aħna partit li msawra b’ideat u bnedmin intelliġenti li
nħares iktar ‘il quddiem. Id-dissens,
id-diskussjoni, id-dibattitu intern jibqa’ għalija proċess li jissudana. Jibqa’ wieħed li jmexxina biex nagħrfu iktar
il-viżjoni u l-missjoni tagħna f’dawn iż-żminijiet xejn faċli. B’dan kollu quddiemna, b’sabar, bil-paċenzja
u b’doża qawwija, anzi xkora kbira ta’ umiltà, għandi qalbi qawwija li
naslu. Naslu għax għandna elementi
partikolari, elementi li l-pajjiż għaraf u ta fiduċja fiż-żminijiet. Naslu, fuq kollox, għax aħna m’aħniex parti
minn aġġettivi li ma vvintajniex.
No comments:
Post a Comment