27.5.14

KUNSILL GĦALL-MALTIN TA’ BARRA - SPEJJEŻ


9516. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Affarijiet Barranin: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm ġiet tiswa l-laqgħa tal-Kunsill għall-Maltin ta’ Barra li saret fl-ewwel ġimgħa ta’ Ottubru 2013?

20/05/2014


  ONOR. GEORGE VELLA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-laqgħa tal-Kunsill għall-Maltin ta’ Barra swiet €21,093.62.


Seduta  153

26/05/2014

PRESIDENZA MALTIJA FL-UNJONI EWROPEA


9515. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Affarijiet Barranin: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk il-Ministeru hux se jkollu sehem waqt il-Presidenza Maltija fl-Unjoni Ewropea? Jekk iva, x’sar s’issa?

20/05/2014


 ONOR. GEORGE VELLA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin ser ikollu sehem waqt il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fl-2017. Dan is-sehem u l-involviment jissarraf f’diversi fatturi li ser insemmi.

F’April tal-2013 ġie appuntat focal point fil-Ministeru biex nibdew nosservaw u nfasslu l-pjanijiet neċessarji għal meta Malta jkollha l-Presidenza fl-2017.

Diġa saru numru ta’ laqgħat mal-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej, fejn ġew diskussi numru ta’ kwistjonijiet – kemm fuq livell ta’ loġistika, ippjanar tal-attivijiet li ser isiru hawn f’Malta, u kwistjonijiet ta’ natura amministrattiva, kif ukoll fuq livell politiku. Dan il-Ministeru ta s-sehem tiegħu f’eżerċizzju mitlub minn kull Ministeru ieħor fejn ġew imfassla għall-ewwel darba l-prijoritajiet għal matul iż-żmien tal-Presidenza tagħna u għax xhur ta’ qabel fejn il-programm tagħna se jkun imfassal u mwettaq flimkien mat-trio partners – l-Olanda u l-iSlovakja.

Dan il-Ministeru, permezz tal-Ambaxxati tagħna, ikompli jagħti s-servizz u l-appoġġ tiegħu biex jistabilixxu kuntatti bejn Ministeri u awtoritajiet meħtieġa biex inkomplu nippreparaw għall-bżonnijiet ta’ Malta kemm qabel u waqt il-Presidenza. Hawnhekk nixtied nsemmi li bħalissa, uffiċjal mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin jinsab Ateni fejn sa tmiem il-Presidenza Griega jati rapport dwar l-osservazzjonijiet u informazzjoni miġbura matul is-sitt xhur. L-għan ewlieni hu sabiex din l-informazzjoni tkun tista tgħin lilna bil-preparamenti tagħna.

Sar ukoll ftehim mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Italja, li uffiċjal Malti mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin se jkun jista’ jsegwi mill-qrib ix-xogħol u tfassil tal-politika għall-Mediterran għal waqt is-sitt xhur tal-Presidenza Taljana li se tibda fl-Lulja ta’ din is-sena. Dan il-ftehim sar sabiex inkomplu nħejju ruħna għal mod ta’ kif ser jitfassal il-politika tagħna waqt il-Presidenza, b’attenzjoni partikolari għall-Mediterran.

Fuq livell Ministerjali, nixtieq insemmi li ser inkun membru tal-core group imexxi mill-Prim Ministru. Membri oħra fuq dan il-core group huma l-viċi Prim Ministru, u s-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza tal-UE 2017 u għall-fondi Ewropej.

Seduta  153

26/05/2014

VETTURA TAL-AMBAXXATA FIL-GREĊJA - SPEJJEŻ

  
9514. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Affarijiet Barranin: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm tħallsu spejjeż u drittijiet legali nsegwitu għall-inċident tat-traffiku bil-vettura tal-Ambaxxata ġewwa l-Greċja li seħħ is-sena li għaddiet?

20/05/2014


ONOR. GEORGE VELLA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ispiża għall-inċident tat-traffiku bil-vettura tal-Ambaxxata ġewwa l-Greċja swiet €3,179.38.  Ta’ min wieħed jinnota li is-somma ta’ €2,127.91 ġiet irkuprata mill-assigurazzjoni u għalhekk l-ispiża netta hija ta’ €1,051.47.

Seduta  153
26/05/2014


MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN – IMPJEGATI ĠODDA


9513. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Affarijiet Barranin: Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 9271 u jinforma lill-Kamra kemm ġew impjegati ġodda biex jaħdmu fil-Ministeru għall-Affarijiet Barraninminn Marzu 2013 sa Marzu 2014?

20/05/2014

  ONOR. GEORGE VELLA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-perjodu msemmi ġew impjegati 9 persuni ġodda fil-Ministeru għall-Affarjiet Barranin kif ukoll 7 impjegati ġodda ingaġġati lokalment fl-Ambaxxati ta’ Malta.

Seduta  153

26/05/2014

HIGH COMMISSION LONDRA - XIRI TA’ PHOTOCOPIER


9512. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Affarijiet Barranin: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra għal liema raġuni x-xiri ta’ photocopier ġewwa l-High Commission ta’ pajjiżna f’Londra għall-ammont ta’ l’ fuq minn €10,000, saret b’direct order u mhux bil-proċedura normali tal-offerti?

20/05/2014

  ONOR. GEORGE VELLA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Kummissjoni Għolja ta’ pajjiżna f’Londra xtrat 2 free standing photocopiers u 2 desktop photocopiers. Kien iffirmat ukoll kuntratt ta’ servizz u manutenzjoni għal perjodu ta’ tlett (3) snin liema spiża totali se tlaħħaq is-somma ta’ €10,179.80.  Dan sar wara l-kuntratt preċedenti skada.  Ta’ min wieħed jinnota li dan kien sewa €56,000 fuq ħames snin u allura dan il-kuntratt se jsarraf bi skont pro-rata ta’ €23,420.20 fuq il-kuntratt preċedenti.

Skont regolament 20.1.d tal-Public Procurment Regulations kellha toħroġ Departmental Tender jew sejħa għal quotations ippublikata fil-Gazzetta tal-Gvern iżda minħabba l-fatt li dan is-servizz se jiġi utilizzat Londra ma kienx vijabli li jissejħu offerti minn pajjiżna.  Għal dan l-iskop intalab permess mill-Ministeru għall-Finanzi sabiex il-proċedura użata tiġi awtorizzata. Din l-awtorizazzjoni ingħatat bil-kundizzjoni li din tiġi ippublikata bħala Direct Order fil-Gazzetta tal-Gvern, kif fil-fatt se tkun ippublikata wara l-aħħar ta’ Ġunju li ġej.

Għal din ix-xirja, tħejja dokument bħala Sejħa għal Offerti, liema sejħa kienet tgħalaq fl-20 ta’ Marzu 2014.  Għal din is-sejħa, daħlu ħames (5) offerti li ġew evalwati u ntgħażlet l-orħos offerta dik ta’ Toshiba TEC.

Seduta  153

26/05/2014

Ħidma barra minn xtutna.



1.         Hemm min jipprova jqis il-piż tal-politika ta’ dan il-pajjiż mid-dimensjoni fiżika tagħna.  Hemm min ma jifhimx li aħna għandna sehem importanti f’dak li huwa għaddej fix-xenarju internazzjonali, Ewropew u Mediterranju.  Hemm minn dawn in-nies li jċekknuna jew għax jarawna hekk, inkella għax għandhom il-ħsieb li jmaqdruna.  L-agħar però huma dawk li qegħdin f’pajjiżna.  Dawk li sfortunatament ma jaħsbux b’mentalità repubblikana u indipendenti u dawk l-oħrajn li jagħżlu li jċekknuna aktar fix-xejn.

2.         L-esperjenza fil-ħajja tagħna fl-Unjoni Ewropea bħala membri sħaħ il-ħin kollu tagħti xhieda ċara li kritika li tista’ ssirilna m’għandha bażi ta’ xejn.  Ma’ kull sitwazzjoni li tqum ġewwa dawk l-istituzzjonijiet demokratiċi ssib lil ministri u rappreżentanti varji ta’ dawn il-Gżejjer jagħtu sehemhom.  Dan billi jagħtu kontribut pożittiv u proattiv biex il-politika Ewropea ma tkunx determinata minn ftit Stati, imma minn kulħadd.  Ir-realtà hija li fix-xenarju sħiħ allura, għall-ewwel darba fl-istorja ta’ dawn il-Gżejjer, qed ninfluwenzaw il-politika Ewropea u mhux sempliċement niġu nfluwenzati jew milquta kif ma rridux, bħala suġġetti passivi.

3.         Fil-jiem li għaddew anzi kien hemm prova mill-iktar ċara li l-inflluwenza Maltija, bid-dħul tagħna fl-Unjoni Ewropea, żdiedet fix-xenarju Mediterranju.  Għal min isegwi, l-kwistjoni bejn l-Istat ġar tagħna l-Libja u l-pajjiż mhux tant imbiegħed l-Isvizzera, kienet qegħda tikkomplika ruħha sew.  Minn pożizzjoni li għall-bidu dehret li setgħet tiġi magħluqa mingħajr ħafna diffikultà, din ittrasformat ruħha f’waħda mill-iktar problemi komplikati li d-diplomazija internazzjonali qatt rat.  Il-pajjiżi dehru li flok kienu qed jaqbdu triq ta’ ftehim kienu qegħdin f’konfront direttissimu, bl-Isvizzera tqiegħed fuq il-lista negattiva tas-sistema Schengen numru ta’ persuni li jiġu mill-Kurunell Muammar Ghaddafi u membri prominenti ta’ l-Istat.

4.         Pajjiżna sab ruħu f’din il-kwistjoni huwa wkoll, b’numru ta’ Maltin jiġu rifjutati l-permess li jidħlu fil-Libja.  Għaddejna minn ġimgħat xejn faċli, però b’xogħol diplomatiku li sar prinċipalment mill-Viċi Prim Ministru u Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin, il-kwisjtoni ġiet solvuta.  F’dawk il-jiem irnexxielna ninvolvu ruħna sabiex dawn il-pajjiżi għalqu pendenza li kienet ilha għaddejja.  Dan għas-sodisfazzjon taż-żewġ naħat, u naturalment tagħna, u għalhekk kollox reġa’ ġie lura għan-normal.

5.         Fil-fatt, l-Isvizzeru Max Goeldi qiegħed issa lura f’pajjiżu wara li għamel dawn l-aħħar sentejn il-ħabs.  Fuq proprju dan ġie ssiġillat ftehim nhar il-Ħadd 13 ta’ Ġunju, li għalih il-Prim Ministru Lawrence Gonzi kien preżenti ġewwa Tripli għal-laqgħa speċjali flimkien mal-Kap tal-Gvern Taljan Silvio Berlusconi u l-Kurunell Muammar Ghaddafi.  Il-ħidma tagħna ħarġet iktar fil-beraħ f’dan il-mument importanti għad-diplomazija Maltija u Ewropea.  Il-marka tal-abbiltà tagħna li niċċaqilqu u nwasslu għall-paċi lil dawk li kienu nqabdu f’wieħed mill-iktar kuntrasti kbar li rajna f’dawn is-snin fuq livell Ewro-Għarbi jidher evidenti.

6.         Kuntrarjament għal dak li ngħad minn dawk li ma fehmux, din il-ħidma setgħet issir b’mod dirett u effettiv għax aħna membri ġewwa l-Unjoni Ewropea.  Dik il-pożizzjoni f’din il-kobba mħabbla sarrafnieha sabiex nuru lil dawk li huma mal-partit tal-kuntrarju li sija aħna ħadna benefiċċju kif ukoll il-ġirien tagħna, b’mod partikolari l-Libja.  Ma’ dan il-pajjiż importanti fil-politika Mediterranja u Afrikana komplejna ssudajna r-rabtiet diplomatiċi tagħna ferm u ferm aqwa minn qabel, proprju għax għandna f’idejna dan il-vantaġġ li huwa favur u mhux kontra l-Mediterran.  U dan mingħajr ma ksira xi linja ta’ ħbiberija mal-Isvizzera li, mhux talli rrikonoxxew ħidmitna, imma terġa’ rajna kontribuzzjoni ta’ miljun u nofs ewro fond minnhom imħallas studji diplomatiċi.  Fl-aħħar tal-ġurnata l-poplu qiegħed jerġa’ jara li bl-għaqal, il-maturità, il-kontinwità u l-attenzjoni tat-tmexxija ta’ Lawrence Gonzi erġajna, flok ħriġna b’riżultat negattiv, ħadna tnejn pożittivi.


Dan l-artikolu kien deher fil-harga tal-Mument tas-27 ta Gunju 2010.

L-Estonja bl-ewro wkoll.



1.         Sena ilu kont ġewwa Talinn fl-EstonJa u hemm kelli l-opportunità li mhux biss niltaqa’ u niddiskuti diversi suġġetti sija mal-Ministru tal-Ġustizzja Rein Lang kif ukoll dak ta’ l-Intern Marco Pomerants, imma wkoll li nara partijiet mill-pajjiż.  L-Estonja għandha elementi kompletament differenti mill-pajjiżi Baltiċi l-oħra.  Hemm spirtu differenti fl-arja, u dan minkejja li flimkien mal-Istati tal-Latvja u l-Litwanja għaddew minn ħafna għawġ li l-ħakma Komunista tathom.  Il-pajjiż flok mexa 'l quddiem, f’dawk is-snin sab ruħu mixħut lura, traskurat u użat prinċipalment bħala parti mill-istrateġija militari tal-Unjoni Sovjetika, u l-politika espansjonista tagħhom.

2.         F’dik iż-żjara kelli l-ħin nitkellem fit-tul ma’ Rein Lang dwar il-proċess għad-dħul tal-munita ewro ġewwa pajjiżhom.  F’dak il-mument kien jidher li hija massa kontra l-kurrent.  Dan għax kontra dak li diversi Stati oħra kienu qed iqisu, l-Gvern Estoni ddeċieda li jkompli għaddej bil-politika tiegħu sabiex il-pajjiż jidħol jagħmel parti miż-Żona Ewro.  Tħallas prezz għoli għal dan il-għan.  Ir-rigur finanzjarju, flimkien mal-kriżijiet li kienu ġejjin sarrfu fi qtugħ f’diversi punti ta’ nfiq.  Niftakar il-ministru jgħidli li kellhom jirriduċu s-salarji tas-setturi fiċ-ċivil b’għaxra fil-mija.

3.         Kont spjegajtlu dak li dawn il-Gżejjer għaddew minnhom sabiex jidħol fis-sistema ewro.  Il-ħsieb ta’ ftehim mal-ħwienet, l-istrateġija sħiħa li għaddejna minnha aħna għoġbitu sew u ried iktar informazzjoni.  Din ħaduha u, kif qalli reċentement, ġiet użata b’suċċess sabiex l-effetti negattivi li pajjiżi oħrajn għaddew minnhom jaħarbuhom bħal ma ħrabniehom aħna.  Il-fatti, ir-riżultati li ksibna f’dawn il-Gżejjer bid-dħul tal-munita komuni Ewropea huma stabbiliti u qegħdin hemm għad-disposizzjoni ta’ kulħadd.

4.         Kien hemm min hawn f’pajjiżna qal erronjament, sija qabel l-elezzjoni ġenerali kif ukoll wara, li nsista li din id-deċiżjoni li ħa l-ewwel gvern immexxi mill-Prim Ministru Lawrence Gonzi kienet żbaljata.  Illum, min tkellem nafu kollha kemm aħna li kien hu li kien għal kollox żbaljat.  Id-deċiżjoni Maltija kienet tajba u anzi ħajret oħrajn, bħall-Estonia, li tidħol għall-istess proċess.  Linja li dan il-pajjiż Baltiku kompla biha, minkejja li fl-aħħar xhur għaddejna minn attakk minn dawk li ma jridux din l-għaqda Ewropea.  Ta’ dak li, kif qal tajjeb Tommaso Tadoa-Schioppa, kienu kontra dak li “For years, Europe’s heads of government and central bankers had preached that a currency without a State is a smart invention that can last forever.”

5.         Proprju l-fiduċja Estoni sabet l-appoġġ sħiħ tal-Maltin.  Dan fuq żewġ livelli: l-ewwel livell fuq dak ta’ Gvern u t-tieni fuq dak tal-Parlament Ewropew billi kien hemm appuntat bħala rapporteur il-Profs. Edward Scicluna, membru parlamentari Ewropew laburista li huwa wkoll irrakkomanda, ġustament, li l-Estonja għandha tiġi ammessa għas-sistema ewro.  Dan il-pajjiż ħaqqu dan għax qiegħed jerġa’ jasserixxi l-valur monetarju u finanzjarju li pajjiż jakkwista bid-dħul tiegħu.  Kontra dak li smajna, kontra l-kritika iebsa, l-Estonja jidhrilha li huwa agħar għaliha jekk ma tidħolx.  Kif qalet ftit ilu l-“Financial Times”: “Beyond the political importance of joining the core of Europe, it has a sensible economic argument.  A devaluation would have had tremendously disruptive effects: private sector debts denominated in euros would have been even harder to honour, exchange rate volatility would have acted as a tax on trade; and the incentive to continue building efficient state institutions would have weakened.


6.         Fl-aħħar laqgħa tal-Ministri tal-Ġustizzja u l-Intern ġewwa l-Lussemburgu fil-bidu ta’ dan ix-xahar, sibt lil Rein Lang ferħan jistennieni.  Kien għadu ġej minn viżta fiċ-Ċina u esprima s-sodisfazzjon tiegħu lejn il-pariri tajba li kien ħa mingħandna sabiex l-Estonja rnexxielha tiġi ammessa u dan bl-inqas impatt negattiv.  L-eżempju tajjeb u għaqli ta’ pajjiżna, ir-riżultati li rnexxielna nilħqu u l-fatt li l-ekonomija tagħna baqgħet għaddejja, dawn kollha komplew iħajru lill-Estoni jimxu warajna.  Nawgura minn qalbi li t-triq li qabdu tkompli tissudahom, kif qegħda tagħmel lilna.

Dan l-artikolu kien deher fil-harga tal-Illum tas-27 ta Gunju 2010.

Paraloġiżmi u soffiżmi.



1.         Mhux ser inlissen xejn ġdid minn dak li diġà tafu.  Id-dinja ilha tara quddiem għajnejha argumenti foloz jitressqu għall-konsiderazzjoni tagħha.  Dawn daqqa jsiru b’sentiment tajjeb f’dak li nsejħu “buona fede”, bażati fuq żbalji ġenwini u daqqa jsiru “in mala fede” apposta biex jidħku bin-nies.  Din il-ġenerazzjoni, bħal diversi oħrajn ta’ qabilha trix tifred dak li jingħadilha.  Triq tagħżel bejn l-argumenti t-tajba u dawk foloz u wara trid terġa’ tqis jekk il-foloz sarux f’sentiment tajjeb jew b’wieħed malizzjuż.

2.         Fil-politika, min għandu sehem attiv irid jagħti każ ta’ dan kollu.  Numru ta’ drabi, anzi kważi dejjem, isib ruħu suġġett passiv jew attiv ta’ din il-parti importanti fl-iżvilupp sħiħ tal-proċess uman ta’ kif jitmexxa u jiġi amministrat il-ġid komuni.  Suġġett tali għax fuq naħa jista’ jkun huwa l-promotur ta’ falsitajiet u fuq in-naħa l-oħra jkun dak li jrid jirreaġixxi, ma jaċċettax, anzi li jikkumbatti bħala s-suġġett passiv tal-azzjoni ta’ terzi, magħrufa jew mhux magħrufa.

3.         San Tumas D’Aquino, dak il-qaddis, ġenju u filosfu fil-ktejjeb tiegħu “De Fallaciis” għandu x’jgħallem.  Proprju dak li jiġri ma’ kull ġurnata, ta’ dawk li bil-paraloġiżmi, bla ma jafu li qed jiżbaljaw fl-argumenti tagħhom, iressqu ideat kontra dak li jirrappreżenta il-Partit Nazzjonalista.  Fir-realtà, numru ta’ drabi dan isir, dawn l-iżbalji jsiru proprju minħabba l-preġudizzji li jkun hemm fl-arja jew le, u dan fuq propaganda bażata u mxettla fuq slogans mirquma imma żbaljati.  Nintwerew il-kontra ta’ dak li aħna.

4.         Hemm wisq drabi meta l-partit u l-bnedmin li jiffurmawh isibu ruħhom imqisha, imkejla u kkundannati mhux fuq dak li attwalment huma, iżda fuq dak li ħaddieħor għandu f’rasu li aħna lkoll aħna.  Dak li fir-realtà jkun konsegwenza ta’ dak li ġie miżrugħ f’moħħu żbaljatament jew “in buona fede” jew “in mala fede” jew bi paraloġiżmi jew soffiżmi.  Ta’ dawk li ssibhom ma’ wiċċek, fuq il-mobile, mal-internet li huma parti mill-partit tal-kuntrarju, fejn tgħid x’tgħid jaqbżu jiċħdu.  Tipprova tirraġuna, tiddjaloga, imma meta tkellimhom jaħsbu biss kif ser jikkontradixxuk, iwaqqgħuk għaċ-ċajt u jkomplu jgħidulek “le”.  Dan għax għandhom diġà f’rashom dak li suppost int u ma jridux ikunu miftuħa għal ebda forma ta’ djalogu u konvinzjoni.

5.         Hemm verament din id-diffikultà ta’ immaġini ta’ partit bħal tagħna li tiġi ripetutament impittra, impinġija f’termini koroh u peġġjorattivi, mentri mhux.  Niskanta kif niġu klassifikati bħala konservattivi, li m’aħniex għax fir-realtà ma nibdlux il-valuri nsara tagħna, jew li aħna anzjani, antikwati, nieqsa miż-żogħżija mentri aħna m’aħniex hekk.  Anki fuq l-għaqal tagħna, niġu kkundannati għax ma naqbżux naqtgħu ras dak u l-ieħor fuq l-impressjonijiet jew l-immaġini ta’ dak li rridu nagħtu.  Nagħmlu l-ġudizzji fuq il-prinċipji mhux fuq dak li naħsbu li jaqblilna. Il-Partit Nazzjonalista jista’ jidher miexi b’ritmu li lil xi wħud idejjaqhom, mentri fil-fatt qegħdin nimxu sabiex inwettqu dak li hemm bżonn b’attenzjoni u direzzjoni mingħajr ma jiġru jikkundannawna.


6.         Kull ministeru huwa miżgħud b’inizjattivi, liġijiet, proġetti u programmi li mhumiex jingħadu fl-arja, imma qed jitwettqu.  Partit li jimxi 'l quddiem, li għandu għal qalbu l-progress tal-poplu jimxi b’kawtela u mhux bħal qattusa għaġġelija.  Dan aħna nagħmluh u nippruvaw li bil-limitazzjonijiet umani, amministrattivi u finanzjarji nersqu 'l quddiem.  Il-ħidma tagħna tibqa’ mmirata biex inġibu iktar ġustizzja soċjali, iktar passi li jgħinu lill-bniedem mingħajr ma jkasbruh.  Però biex dan isir irridu nibqgħu ffukati u bilanċjati – fuq naħa naħdmu u fuq l-oħra ninfurmaw u nikkomunikaw.  Dan il-proċess juri dak li verament aħna u mhux dak li ħaddieħor iridna nidhru, għall-konvenjenza tiegħu, li aħna.

Dan l-artikolu deher fil-harga tal-Mument tal-20 ta Gunju 2010.

L-effett post Greċja.



1.         Id-diffikultajiet li l-Gvern Grieg iffaċċja sija fuq livell soċjali, kif ukoll fuq dak ekonomiku qiegħed, kif qed naraw, jifrex idejh fuq aspetti differenti tax-xenarju politiku Ewropew.  Il-messaġġ ta’ instabilità ekonomika bagħat effetti xejn faċli sabiex jintrebħu fuq dawk tal-paċi u s-sens ta’ serenità u fiduċja fost l-istati fi ħdan l-Unjoni Ewropea.  Meta wieħed iżomm quddiem għajnejh il-mod ta’ kif l-affarijiet tħallew jakkumulaw, il-mod ta’ kif ikkomplikaw ruħhom inutilment minħabba ċertu titubanzi u l-mod ta’ kif ersaqna sabiex nagħtu s-solidarjetà neċessarja lill-popli li ssoltu huma mdorrija b’ċertu klima u serħan il-moħħ li sabu ruħhom fi żraben differenti, jifhem kif komplew jikkomplikaw ruħhom l-affarijiet.

2.         Dan qiegħed jidher b’mod partikolari fi ħdan il-mappa politika li l-ħin kollu qed tibgħat sinjali tal-bżonn li qegħda tħoss li t-tmexxija politika għandha iktar minn qabel tipproteġi l-interessi tal-pajjiż.  L-effett tal-kriżi Griega qiegħed jibgħat eżempji fi ħdan kampanji u riżultati elettorali.  Qed isir taqbil bejn min huwa għaqli, min huwa kapaċi jieħu d-deċiżjonijiet iebsa, bżonnjużi u min mhuwiex.  Hemm fir-realtà konfużjoni u tibdil drastiku fil-binarji tal-analiżi li elettorati differenti qegħdin jieħdu minn dak li kienu fil-passat.  Minn dak li qiegħed nara, jidher ċar li l-poplu jrid iħares lejn min hu iebes u fuq ix-xaqliba ta’ forom varji ta’ nazzjonaliżmu f’preferenza kuntrarja lejn min huwa apparentement “ġeneruż”.

3.         Fl-elezzjonijiet li rajna f’dawn il-jiem f’pajjiżi verament viċini, dan huwa għalija element rikorrenti.  Dan joħroġ mir-riżultati elettorali tar-Repubblika Ċeka, tas-Slovakkja fuq naħa u dak tal-Olanda u l-Belġju fuq in-naħa l-oħra.  Għalkemm il-biża’ ta’ partit fuq il-lemin estrem fil-Gvern ma jidhirx li seħħ, però hemm evidenti vot assolutament reazzjonarju għall-aħħar.  Il-ħsieb jidher li miexi fuq il-linja li l-poplu għandu bżonn li ma jagħtix saħħa elettorali lil min qiegħed jidentifika hu bħala li qiegħed inaqqaslu mill-ewro li ssoltu huwa mdorri li jkollu fil-but.  Fir-Repubblika Ċeka tilef il-Gvern li ried iżid fil-pensjonijiet għax rawh li ma għandux iqassam, jarmi flus fi kriżi ekonomika.  Fl-Olanda qisu l-kwistjoni tal-missjoni fl-Afganistan, bil-flus li hemm qed jintefqu kif ukoll fuq dak li jingħataw il-benefiċċji soċjali lir-refuġjati ukoll ġieb dan l-effett interessanti.

4.         Il-kwistjonijiet li qamu wara l-vot fl-Islovakkja, b’pajjiż immexxi minn partit soċjalista li sab ruħu vvutat barra, b’koalizzjoni ta’ partiti fuq il-lemin b’maġġoranza, żviluppa huwa wkoll f’din id-dimensjoni.  Dan għax wiegħed li ma kienux ser jittieħdu miżuri drastiċi bħal ma għamlu l-ġirien l-oħra.  Anki l-Belġju, b’kumplikazzjonijiet interni bejn żewġ diviżjonijiet li waqfu jkunu faċċati kulturali u saru raġuni ta’ qasmiet profondi, politiċi u ekonomiċi b’parti tilmenta li qegħda tbati fid-dinja finanzjarja u tax-xogħol minħabba d-differenzi lingwistiċi.

5.         L-erba’ Stati mhumiex l-ikbar fl-Unjoni Ewropea, però huma indikaturi tal-mewġa interna ta’ bżonn ta’ ċertezza u stabilità.  Hemm perjodu li jaf ikun pjuttost twil li fih dawn l-Istati qed joħorġu minn tmexxijiet li qegħdin jiġu mogħtija tort li fil-fatt m’għandhomx lejn formazzjoni ta’ koalizzjonijiet ġodda oħra.  Ebda gvern ma żamm il-pożizzjoni u ebda partit li ma tax kelma ta’ awsterità ma rnexxielu jirbaħ żieda fil-kunsensi.  Proprju minħabba dan li għall-Presidenza, dik Belġjana li ġejja, ser naraw xhur li fihom id-deċiżjonijiet politiċi u ekonomiċi flok ser jittieħdu jistgħu jiġu prokrastinati.  Dan għax l-istess pajjiż ser ikun qiegħed jgħaddi minn baħar imqalleb huwa.

6.         Il-Presidenza Ewropea minn idejn Spanja, li kienet kawta u żammet ir-riedni lejn deċiżjonijiet iktar immirati lejn stabilità, issa ser tgħaddi f’idejn il-Belġju.  Pajjiż li mhux talli mhux ser ikollu l-istess Gvern, li stabbilixxa l-qafas u l-ħidma għal dak li suppost isir fi tmintax-il xahar iżda issa qed jara lilu nnifsu fil-viċin ta’ diviżjoni f’żewġ Stati ġodda.  Il-messaġġ ta’ instabilità ekonomika li l-Greċja hija responsabbli għalih qed jakkumula.  Hemm bżonn li l-elettorati jsibu lura l-kunfidenza li l-għażla tagħhom għandha tkun lura lejn partiti li kapaċi jmexxuhom ‘il quddiem u mhux lejn dawk li jidhru mod u jkunu kompletament inkapaċi jsibu l-linja tal-għaqal u s-sewwa.  Dan għax mingħajr stabilità politika mhuwiex ser ikun hemm dik ekonomika.  Nittama li wara s-summit tal-mexxejja tas-27 pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea li sar din il-ġimgħa, dan ser jirnexxilu jingħata lill-elettur Ewropew.


Dan l-artikolu deher fl-Illum tal-20 ta Gunju 2010.

25.5.14

Imxejna wara sena skorruta.



1.             Illum tul il-ġurnata jibdew joħorġu r-riżultati tal-elezzjoni għall-parlament Ewropew.  Dan m’huwiex ser ikun xi artikolu ta’ trijonf jew daqq ta’ trombi, iżda wieħed ta’ sempliċi riflessjonijiet.  Ħsibijiet fuq partijiet mill-ħidma li saret u d-direzzjoni politika li ġiet meħuda.  L-ispirtu intern fi ħdan il-partit illum huwa indirizzat lejn staġun ġdid.  Wieħed li jibni lilu nnifsu, l-ewwel fuq ħsieb ċar u bażat fuq prinċipji; u t-tieni, li jindirizza ruħu f’azzjoni politika effettiva.  Staġun li għadu fil-bidu tiegħu, għadu qiegħed jinbena waqt li jħares madwaru fil-passat, fil-preżent u fil-futur.

2.             Dan ma kienx eżerċizzju politiku faċli għall-partit.  Bnedmin ġodda jaffrontaw sitwazzjoni li kient kollox barra feliċi.  Partit mimli b’kumplikazzjonijiet u feriti interni u esterni.  Wieħed li għandu telfa elettorali storika kontra tiegħu li ser jibqa’ jsofri l-effetti tagħha għal-leġislatura li għandna.  Mhux biss, imma l-Kap tal-Partit daħal f’siġġu li kien okkupat minn persuni li kellhom forom differenti ta’ popolarità, li ġarrew magħhom ħafna simpatija u kienu diġà ndraw.  Filwaqt li ħaddieħor sab is-sodda lesta u mifruxa u kollox għad-dritt, Simon Busuttil irid jitla’ l-ħin kollu għat-telgħa.

3.             Fil-verità, dan ma jdejjaqni assolutament xejn.  Nippreferi kap ta’ partit li jrid ibagħti biex jirbaħ ‘l-elettorat u li għandu diversi fatturi kontra tiegħu, milli wieħed li dan kollu ma kellux.  Nafu lkoll li kull min kien ser jokkupa l-kariga ta’ mexxej tal-Partit Laburista wara l-elezzjoni tal-2008, u għalhekk it-tielet telfa elettorali, kien ser jirbaħ.  Kien f’ħafna sens immaterjali għalina min ser jokkupa s-siġġu – l-effett kien ser ikun l-istess.  Is-simpatija u l-prova tal-ġdid rarament falliet.  Kellhom dan Eddie Fenech Adami, Alfred Sant u Lawrence Gonzi u għalhekk il-konsegwenzi kienu ċari.  Biss tagħmel, fl-opinjoni tiegħi, differenza min jitbaskat sew, min ikun sofra d-doloruż.

4.             It-telgħa tagħna bdiet u m’aħniex nilludu lilna nfusna – għad fadlilna x’nimxu ‘l quddiem.  Għad fadlilna nifhmu kompletament dak li għaddejna minnu u dak li rridu nippreparaw.  Żgur mhux forsi, fi triqitna ser niġbru iktar esperjenza u nindirizzaw iktar bil-preċiż ruħna fuq dak li hemm bżonn.  Fil-preżent, però, nistgħu naraw dak li f’sena għaddejna minnu u nqabblu ftit ma’ dak li l-partit sab ruħu fih meta kien fi żminijiet oħra fl-oppożizzjoni.  Ngħid dan għax meta wieħed iħares lura jifhem dejjem iktar kemm dan l-appuntament elettorali fil-fatt kien u jibqa’ wieħed salutari għalina.

5.             M’għandniex bżonn nistennew ħames snin biex nibdlu u nirfinaw iktar lilna nfusna għax dan l-appuntament elettorali diġà jagħtina din l-opportunità.  Ngħid dan għax il-partit irid ikompli jersaq iktar lejn iċ-ċentru tal-pożizzjonijiet politiċi anzi ngħid, ftit iktar minn hekk, lejn dawk ċentru xellug.  Preżentement għadna nġorru magħna marka, dell u impressjoni li aħna qegħdin fuq il-lemin.  Pożizzjoni li manifestament m’għandux ikollna.  Iktar u iktar meta nafu lkoll li l-partit, fl-aħħar tibdiliet li għamel fl-istatut, żamm ruħu bħala wieħed demokratiku nisrani.  Dan m’huwiex partit fejn hemm alleanza bejn dawk li ġejjin minn partit ta’ twemmin konservattiv u dawk li ġejjin minn twemmin liberali.  Anqas ma aħna fil-pożizzjoni li kien fiha l-partit komunista Russu fejn l-uffiċjali tiegħu kienu jiġu identifikati mod jew ieħor.  Aħna politiċi naħdmu u nservu f’partit demokristjan.  Min jidħol fi ħdanu jaf li qiegħed jaċċetta dawn il-prinċipji.

6.             L-esperjenza politika tal-partit turi kemm din il-linja politika kienet u tibqa’ dik it-tajba u rebbieħa.  Il-bidla fundamentali li għamlet it-tmexxija ta’ Eddie Fenech Adami minn dik ta’ Ġorġ Borg Olivieri kienet proprju din.  Dik li l-partit iċċaqilqu minn wieħed wisq fuq il-lemin għal wieħed lejn iċ-ċentru.  Ċaqilqitu u biddlet magħha stili u ħidmiet antiki.  Din hija l-lezzjoni bażika li għandna napprezzaw, iktar u iktar meta parti mill-elettorat nisrani kienet qed issib ruħha disorjentata f’min għandha tagħti l-vot u l-preferenza tagħha.  Tul din il-kampanja ltqajt ma’ diversi votanti passati u preżenti tagħna li riedu jifhmu jekk għandniex nagħtu importanza lill-ideali tagħna u, jekk iva, liema kandidat kien iħaddan verament dawn il-valuri nsara.

7.             Hu x’inhu ċert li, kif jiġri f’kull elezzjoni, jkun hemm min jipprova jikkritika l-mod ta’ kif saret il-kampanja elettorali.  Dan wieħed jifhmu, però l-kritika ma hi ġusta xejn.  Il-partit sab ruħu f’diffikultajiet organizzattivi u s-segreterija għamlet sforzi kbar ħafna biex żammet il-vuċi tal-partit tinstemgħa.  Il-kampanja għalhekk ma setgħetx ma tkunx waħda li timxi fuq il-mudelli preċedenti u bil-problema ta’ magna ta’ tixrid ta’ informazjoni li qegħda toħroġ  mill-fosdqa antika tagħha għall-arja u realtà kompletament differenti.  Fiċ-ċirkostanzi, dak li sar kien verament tajjeb.  Ma hemmx dubju però li fis-snin li ġejjin l-affarijiet ser ikomplu jinbidlu.

8.             Il-partit f’dawn l-aħħar xhur mexa pass tajjeb ‘il quddiem.  Ma marx lura, anzi żamm il-pass u beda jirkupra ruħu mal-elettorat tiegħu.  Ma’ kull jum jibqa’ jinqata’ mill-passat.  Jibqa’ jħalli warajh ir-rabja li numru ta’ persuni ġabru għalih fis-snin minħabba diversi fatturi li akkumulaw fi ħmistax-il sena sħaħ fil-Gvern.  Jifhem iktar kemm irid jagħmel id-differenza bejn dak li kien u dak li hu.  Il-ħidma llum mhix biex tiddefendi l-leġislaturi preċedenti, iżda sabiex wieħed jibni: l-ewwel, Oppożizzjoni b’saħħitha; u t-tieni, programm elettorali għal kampanja oħra.  Hu x’inhu, irridu naċċettaw li mxejna wara sena skorruta, però nafu li għad fadlilna x’nimxu.



22.5.14

Kampanja li fiha wassalna l-issues li qegħdin jeffettwaw lin-nies



Matul din il-kampanja elettorali, il-Partit Nazzjonalista tkellem dwar l-issues li kienu qed jeffettwaw lin-nies fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Tkellimna dwar ix-xogħol u l-problema tal-qgħad, in-nuqqas ta’ bejgħ fil-ħwienet, u s-saħħa u l-problemi tal-iffullar, il-waiting lists u d-diskriminazzjoni fl-għoti tal-mediċini mill-Gvern. Dan għamilnieh għax il-Partit Nazzjonalista qed jagħti l-enerġija kollha tiegħu għal Malta Aħjar. Iżda dawn l-issues injorahom kompletament il-Gvern Laburista u l-Prim Ministru Joseph Muscat.

Dan qalu s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Chris Said f’konferenza tal-aħbarijiet fl-aħħar jum tal-kampanja elettorali tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. 

Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista stqarr li din kienet elezzjoni diffiċli biex jaffaċċja l-Partit Nazzjonalista, sena biss wara elezzjoni ġenerali li fiha l-Partit Nazzjonalista tilef b’36,000 vot. F’din is-sena l-Partit Nazzjonalista affronta sfidi kbar u diffiċli ħafna, fosthom sfidi amministrattivi u finanzjarji, il-bini mill-ġdid tal-organi u fora politiċi biex il-Partit Nazzjonalista jsir Partit tan-Nies, u żjarat lill-familji u lin-negozji biex nifhmu l-weġgħat u l-preokkupazzjonijiet tan-nies. Għarafna l-iżbalji li għamilna fil-Gvern u llum qed nippreżentaw lilna nfusna quddiem l-elettorat bħala partit mibdul u li qed jitkellem il-lingwa tan-nies, qal Chris Said. 

Ħaġa waħda ma nbidlitx f’din il-kampanja elettorali, qal Chris Said, u din hija l-imħabba li għandu l-Partit Nazzjonalista għal pajjiżna. Għalhekk il-Partit Nazzjonalista kellu messaġġ pożittiv matul il-kampanja. Kull ġimgħa ta’ din il-kampanja l-Partit Nazzjonalista ressaq proposti konkreti għal Malta Aħjar. Din kienet id-differenza ewlenija bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista, li l-Partit Nazzjonalista ma tkellimx biss iżda poġġa proposti konkreti fuq il-mejda, fosthom:
a. Emendi Kostituzzjonali sabiex negħlbu d-diskriminazzjoni kontra persuni abbażi tad-diżabilità jew l-orjentazzjoni sesswali tagħhom;
b. Emendi Kostituzzjonali biex jiġu rikonoxxuti erba’ drittijiet diġitali ġodda;
c. Mozzjoni fil-Parlament sabiex persuni li jkunu ilhom fuq il-waiting lists għal interventi kirurġiċi jkunu jistgħu jagħmlu użu mill-Cross Border Healthcare Directive mhux biss biex jagħmlu dan l-intervent barra minn xtutna, iżda wkoll biex jagħmlu l-intervent f’pajjiżna stess fi sptar privat; u
d. Proposti għal setturi ekonomiċi li fihom il-Gvern jista’ jiżviluppa clusters ekonomiċi innovattivi u friski għal pajjiżna, bħas-settur tal-logħob diġitali.

Min-naħa l-oħra din il-kampanja elettorali rat Prim Ministru li huwa kompletament maqtugħ min-nies u minn dak li qed jitkellmu dwaru n-nies. Joseph Muscat ma riedx jitkellem dwar il-problema li kulma jmur qed tikber tal-qgħad li issa żdiedet sabiex hawn kważi 8,000 persuna mingħajr job. Il-Prim Ministru ma jitkellimx dwarha għax hu u l-1,400 persuna li ngħataw job mal-Gvern mhumiex qegħdin iħossu din il-problema. Joseph Muscat ma riedx jitkellem dwar ix-xogħol prekarju, in-nuqqas ta’ flus fil-bwiet tan-nies u n-nuqqas ta’ bejgħ fil-ħwienet. Ma tkellimx dwarha għax kif jista’ jara kulħadd mill-album tar-ritratti li ppubblikajna lbieraħ, in-nies tal-qalba qegħdin igawdu minn kuntratti kbar b’perkaċċi lussużi. Joseph Muscat ma riedx jitkellem dwar id-diskriminazzjoni fl-għoti tal-mediċini tal-Gvern. Tmur fejn tmur in-nies, speċjalment l-anzjani, kollha l-istess kelma: Gvern Laburista daħħal il-politika fl-għoti tal-mediċini wkoll. Mediċini lill-iktar nies vulnerabbli, qal Chris Said. 

Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista qal li dan huwa kollu sintomu ta’ Prim Ministru li injora lin-nies fl-ewwel sena ta’ din il-leġiżlatura. Joseph Muscat injora lin-nies meta baqa’ għaddej bil-pjan tiegħu li jankra l-periklu billi jaħżen il-gass fuq tanker fil-bajja ta’ Marsaxlokk, u għadna ma nafux xi ffirma l-Gvern Laburista mal-kumpanija ElectroGas. Joseph Muscat injora lin-nies dwar il-bejgħ taċ-ċittadinanza sakemm daħħal lil Malta f’ħajt u iżola lil pajjiżna, biex xorta fl-aħħar kellu jbaxxi rasu u jbiddel il-liġi tliet darbiet, u sal-lum għadu ma ppubblikax il-kuntratt li għamel mal-kumpanija Henley & Partners. Joseph Muscat injora lin-negozji u lill-industrija meta ma ħadimx biżżejjed biex jinnegozja pakkett tajjeb ta’ state aid mal-Kummissjoni Ewropea. Gvern Nazzjonalista baqa’ jsostni l-pożizzjoni mal-Kummissjoni Ewropea sal-aħħar mument filwaqt li Gvern Laburista ma għamel xejn f’erbatax-il xahar. U Joseph Muscat injora lin-nies li ġustament stennew Gvern li jaħdem għas-sewwa billi ħaddan u għannaq lil min instab ħati ta’ reat kriminali: Cyrus Engerer.

Quddiem dan kollu, Chris Said appella biex is-Sibt li ġej il-poplu Malti u Għawdxi jibgħat messaġġ lill-Prim Ministru li pajjiżna jixraqlu aħjar. 

Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista rringrazzja lill-kandidati kollha li qed jikkontestaw f’isem il-Partit Nazzjonalista, li kienu preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet. Hu qal li l-Partit Nazzjonalista huwa kburi bit-tim ta’ kandidati tiegħu. Dan huwa tim magħqud, tim li kien kompatt u mimli nies kompetenti u b’enerġija biex jaħdmu għal Malta Aħjar. Chris Said temm il-konferenza tal-aħbarijiet billi appella lill-poplu Malti u Għawdxi sabiex nhar is-Sibt jivvota għall-kandidati kollha tal-Partit Nazzjonalista. 

--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

Il-Gvern qed jagħmel minn kollox biex jaħbi l-kuntratt ta’ Henley & Partners.



Il-Gvern illum kompla jagħmel minn kollox biex jaħbi l-kuntratt ta’ Henley & Partners billi rrifjuta li jattendi laqgħa msejħa miċ-Chairman tal-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi Tonio Fenech. Din il-laqgħa kellha l-għan li tiddiskuti t-triq ’il quddiem wara r-Ruling li ngħata nhar it-Tnejn mill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anglu Farrugia. 

Fir-Ruling li ta nhar it-Tnejn, l-Ispeaker Anglu Farrugia kkonkluda li l-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi għandu l-poter jiddeċiedi hu jekk għandux jiġi prodott u diskuss kuntratt pubbliku jew le, u li l-Prim Ministru u l-Ministru Owen Bonnici ma jistgħux jinħbew wara allegat digriet tal-Qorti, li ma jeżistix, biex iżommu l-kuntratt li għamlu mal-kumpanija Henley & Partners mistur.

Iżda l-Gvern donnu għandu x’jaħbi u qiegħed jagħmel minn kollox biex jevita li jippubblika kuntratt li minnu l-kumpanija Henley & Partners mistennija taqla’ mal-€230 miljun. Minflok attenda l-laqgħa li ssejħet għal-lum, il-Gvern sab skuża u qal li d-39 Deputati tiegħu huma kollha mpenjati u li lanqas Deputat wieħed ma jista’ jattendi għal din il-laqgħa. Dan ovvjament sar biex il-kuntratt li għamel il-Gvern ma’ Henley & Partners ma jiġix diskuss qabel l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew tas-Sibt li ġej. Dan aktar u aktar meta wieħed iqis li wieħed mill-membri tal-Kumitat, l-Onor Karmenu Vella, kien preżenti fil-Parlament għas-Seduta tal-lejla.

Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jinsisti li l-Prim Ministru Muscat jippubblika l-kuntratt li għamel ma’ Henley & Partners biex il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi jkun jista’ jagħmel l-iskrutinju meħtieġ. 

Mhuwiex aċċettabbli li l-Gvern ikompli jagħmel minn kollox biex jevita l-pubblikazzjoni tal-kuntratt ma’ Henley & Partners. Jekk m’għandux x’jaħbi, il-Gvern għandu jippubblika l-kuntratt minnufih u mhux jilgħab għall-ħin sa ma tgħaddi l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.

--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

21.5.14

Il-bini l-ġdid tal-MCAST: wirt tal-Partit Nazzjonalista għaż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin.



Il-Partit Nazzjonalista jawgura lill-amministrazzjoni u ’l-istudenti kollha tal-MCAST fl-okkażjoni tal-ftuħ uffiċjali tal-bini l-ġdid li se jilqa’ fi ħdanu l-Istitut tan-Negozju u l-Kummerċ tal-MCAST. Dan il-bini jifforma parti mill-proġett estensiv tal-bini tal-Kampus il-ġdid tal-MCAST, proġett li nħoloq minn Gvern Nazzjonalista u li qiegħed isir b’investiment globali ta’ €120 miljun.  

Dan il-proġett hu l-aqwa rigal li l-Partit Nazzjonalista qatt seta’ jagħti lil uliedna: iċ-ċavetta biex ikunu wliedna stess li jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom bil-ħiliet tagħhom stess. L-edukazzjoni u t-taħriġ huma l-aqwa investiment fi wliedna. L-aqwa servizzi ta’ edukazzjoni u taħriġ huma fihom infushom għodda li jattiraw l-investiment f’pajjiżna. Permezz tal-MCAST u l-istituzzjonijiet kollha edukattivi ta’ pajjiżna, għexieren ta’ eluf ta’ żgħażagħ sabu posthom fid-dinja tax-xogħol u qed jagħmlu xogħol li jagħtihom sodisfazzjon u jiżgura li jkollhom kwalità ta’ ħajja aħjar.

X’differenza: f’din il-kampanja elettorali l-Partit Laburista mela l-Kampus tal-MCAST b’posters u flyers ta’ propaganda iżda l-uniku investiment tanġibbli li ngħata lill-istudenti kien il-brainchild tal-Partit Nazzjonalista fil-Gvern.

Minn mindu fetaħ il-bibien tiegħu fl-2001, l-MCAST kiber minn istituzzjoni li tilqa’ fiha 1,500 student u studenta għal 6,400 student u studenta full-time din is-sena. L-MCAST illum joffri 170 kors full-time kif ukoll programmi edukattivi li jwasslu għal degree lil madwar 300 student. Mingħajr dubju, l-aqwa karatteristika tal-MCAST hija r-rabta intima li għandu l-Kulleġġ mal-industrija, u l-kapaċità li studenti gradwati minnu jintegraw ruħhom malajr mill-faċilitajiet tat-taħriġ għad-dinja tax-xogħol fl-oqsma kollha li jagħti taħriġ fihom, inkluż l-oqsma tax-xjenza, it-teknoloġija tal-informazzjoni, l-istudji marittimi, l-agrikultura, l-arti u l-kreattività, il-kummerċ u l-finanzi, il-bini u l-kostruzzjoni, u s-servizzi fil-komunità.

Il-Partit Nazzjonalista mill-Oppożizzjoni se jkompli jagħti l-appoġġ tiegħu biex ikomplu jiżdiedu l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin. Is-settur tal-edukazzjoni u t-taħriġ jeħtieġ li jkompli jiġi aġġornat maż-żminijiet bil-għan li jkun hemm integrazzjoni sħiħa bejn id-direzzjoni ekonomika li wieħed jistenna li għandu jagħti l-Gvern u l-korsijiet meħtieġa biex ikun hemm il-ħaddiema mħarrġa għal dawn is-setturi ġodda.

Il-mira tal-Partit Nazzjonalista tibqa’ li kull żagħżugħ u żagħżugħa jkollhom kull opportunità li jiżviluppaw il-ħiliet u t-talenti tagħhom sal-aqwa livell possibbli għalihom.

Il-Partit Nazzjonalista jesprimi l-apprezzament tiegħu għall-ħidma li wettqu l-ħaddiema fuq il-bini tal-Istitut tan-Negozju u l-Kummerċ tal-MCAST u jawgura lill-amministrazzjoni, għalliema u l-istaff kollu tal-MCAST biex ikomplu jużaw l-għodda u l-faċilitajiet li għandhom f’idejhom sabiex iħarrġu l-ħaddiema u l-imprendituri ta’ għada.

--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

SEJĦA TAL-UNHCR.

9405. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Affarijiet Barranin: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba pajjiżna hux se jwieġeb għall-aħħar sejħa tal-UNHCR sabiex jassisti l-eluf ta’ refuġjati li ħarbu mill-gwerra ċivili fis-Sirja?

12/05/2014

  ONOR. GEORGE VELLA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li Malta laqgħat u tat protezzjoni internazzjonali lil dawk kollha li ġew Malta u li kienu intitolati għal din il-protezzjoni hekk kif stipulat fl-Att dwar ir- Refuġjati.

Ninforma wkoll lill-Onor. interpellant li m’hemmx intenzjoni li jigu risistemati persuni minn kampijiet tar-refuġjati f’pajjiżi oħra lejn Malta, minħabba li Malta diġà għandha pressjonijiet migratorji tagħha.

Seduta  151
20/05/2014


MEPA - PERMESSI


9404. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Prim Ministru: Jista’ l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra kemm ġew approvati permessi mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar minn Marzu 2013 sal-aħħar ta’ April 2014 u jista’ jindikahom skont il-kategoriji varji tagħhom?

12/05/2014

  ONOR. JOSEPH MUSCAT:  Skont is-sistema tal-infomatika tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, l-istess Awtorità approvat tlett elef seba' mija u seba' u sittin (3,767) applikazzjoni fl-istadju tal-ewwel deċizjoni mill-01/03/2013 sat-30/04/2014.

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, tabella ta' kif dawn huma maqsuma skont it-tip ta' żvilupp.

Seduta  151

20/05/2014

SMART CITY - TRASPORT


9403. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura: In vista tal-fatt li se jkun hemm żieda fit-trasport lejn Smart City mill-ibliet u l-irħula tal-madwar, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’passi qed jittieħdu u xi pjanijiet qed jiġu preparati għas-sajf, sabiex ma jkunx hemm inkonvenjenti żejda u konġestjonijiet ta’traffiku  fl-inħawi bla bżonn?

12/05/2014

  ONOR. JOE MIZZI:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-Awtorità tat-Trasport għandha qafas ta’ Closed Circuit Cameras u Variable Message Signs li huwa ppjanat sabiex jintuża għall-immanniġġjar tat-traffiku aħjar fit-toroq li l-aktar li se jiġu effettwati mill-proġett ta’ SMART CITY.  Dan ix-xogħol huwa ppjanat li jitlesta fix-xhur li ġejjin.

Seduta  151

20/05/2014

ĊITTADINI TAL-UKRAINA – APPLIKAZZJONI GĦALL-VISA.


9402. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Affarijiet Barranin: In vista tal-mod kif żviluppaw l-affarijiet, jista’ l-Ministru jara li ċ-ċittadini mill-Ukraina li jridu japplikaw għall-visa biex jiġu f’pajjiżna, ikunu jistgħu japplikaw fl-istess imsemmi pajjiż?

12/05/2014

  ONOR. GEORGE VELLA:  Nixtieq informa ill-Onor. interpellant li l-Gvern qiegħed jesplora kull possibilità sabiex il-ħruġ ta’ viżi għaċ-ċittadini mill-Ukraina jkun jista' jsir bl-inqas problemi, preferibbilment minn ġewwa il-pajjizi stess, dejjem jekk iċ-ċirkostanzi jippermettu.

Bħalissa, l-applikazzjonijiet qedgħdin jiġu milqgħuha u pproċessati ġewwa il-Konsulat ta’ Malta f’Moska.  L-applikanti jistgħu jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom jew dirett ġewwa il-Konsulat f’Moska jew f’wieħed mill-Visa Application Centres mifruxa mar-Russia li l-Ministeru għandu kkuntrattati ma’ aġenzjia privata jew inkella juża is-serviżżi ta’ Aġenti Ukraini akkreditati biex jagħmlu dan. 

Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin huwa konxju li hemm diffikultajiet loġistiċi għall-applikanti biex jisottomettu l-applikazzjoni tagħhom ġewwa Moska u għalhekk qed issiru diskussjonijiet ma’ stati membri oħra ta’ Unjoni Ewropeja għal-għajnuna konsolari, kif ukoll ma' aġenzija privata li qed topera numru ta’ Visa Application Centres ġewwa l-Ukraina, kif isir ġewwa Moska. 

Seduta  151

20/05/2014

ASSISTENZA LILL-KUNSILL LOKALI TA’ WIED IL-GĦAJN – STALLAZZJONI TA’ DAWL


9401. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa: B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 9157, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux lest li jassisti lill-Kunsill Lokali ta’ Wied il-Għajn sabiex isiru stallazzjonijiet ta’dawl f’din il-parti mudlama ta’ Triq il-Blajjiet?

12/05/2014


  ONOR. KONRAD MIZZI:  Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 9157

ATT DWAR IL-PROTEZZJONI TAL-INFORMATUR.


9400. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba d-dispożizzjonijiet kontenuti fl-Att dwar il-Protezzjoni tal-Informatur Kapitlu 527 tal-Liġijiet ta’ Malta rigward membri tal-korpi dixxiplinati ai termini tas-sub artikolu (3) fl-artikolu (2) humiex se jiġu fis-seħħ sal-aħħar ta’ din is-sena?

12/05/2014
  ONOR. OWEN BONNICI:  L-attenzjoni tal-Onor. Membru qegħda tiġi attirata għall-fatt illi l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Informatur (Kap 527) inġieb fis-seħħ fl-intier tiegħu fil-15 ta’ Settembru 2013 permezz tal-Avviz  Legali Numru 235 tal-2013. Jekk l-Onor. Membru qiegħed jirreferi għall-possibilita’ tal-estensjoni tal-applikazzjoni tal-Att kif provdut fl-artiklu 2(3) tiegħu, f’ dan ir-rigward għad iridu jsiru l-konsultazzjonijiet u l-konstatazzjonijiet meħtiega dwar l-impatt illi l-estensjoni tal-Att għas-setturi partikolari hemm imsemmija jista’ jkollu.

Seduta  151

20/05/2014

20.5.14

Tissejjaħ laqgħa urġenti tal-Kumitat għall-Kontijiet Pubblici.



Iċ-Chairman tal-Kumitat tal-Kontijiet Pubblici, id-Deputat Tonio Fenech, sejjaħ laqgħa urġenti tal-Kumitat tal-Kontijiet Pubblici għal għada l-Erbgħa biex il-Kumitat jiddiskuti d-direzzjoni li għandu jieħu l-istess Kumitat wara r-Ruling mogħti mill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati waqt is-seduta tal-bieraħ filgħaxija b’rabta mal-kuntratt li l-Gvern għamel ma’ Henley & Partners u li s’issa l-Gvern qed iżomm mistur.

Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jinsisti li l-Gvern jippubblika l-kuntratt minnufih biex b’hekk il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi jkun jista’ jagħmel l-iskrutinju meħtieġ.

Bir-Ruling mogħti lbieraħ, il-Gvern m’għandux aktar fejn jistaħba.

Mhuwiex accettabbli li l-Gvern ikompli jittardja l-pubblikazzjoni tal-kuntratt. Jekk m’għandux x’jaħbi, il-Gvern għandu jippubblika l-kuntratt ma’ Henley & Partners minnufih u mhux ikompli jaħli l-ħin sakemm tgħaddi l-elezzjoni ta’ nhar is-Sibt li ġej.

Sadanittant, wara li l-Partit Nazzjonalista kixef il-gidba tal-Gvern dwar il-pubblikazzjoni tal-kuntratt ma’ Henley & Partners, ilbieraħ il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici ammetta fil-Parlament li ma kellu ebda intenzjoni li jiżgwida lill-Kumitat tal-Kontijiet Pubblici jew lill-Kamra tad-Deputati meta stqarr li l-kuntratt ma’ Henley & Partners ma jistax jiġi ppubblikat “b’digriet tal-Qorti”.

Peress li l-Prim Ministru nnifsu rrepeta din l-istess gidba għal darba tnejn meta qal li “l-Gvern irid jimxi ma’ dak li qalet il-Qorti”, il-Partit Nazzjonalista qiegħed jistenna li l-Prim Ministru jammetti li żbalja u jsegwi l-passi tal-Ministru Owen Bonnici billi jitlob apoloġija talli gideb lill-poplu Malti.

--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

19.5.14

KONSOLAT TA’ PAJJIŻNA FI TRIPOLI.



9399. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Affarijiet Barranin: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk jikkonfermax ir-rapporti li dehru fil-ħarġa tal-“Malta Today” tal-11 ta’ Mejju 2014 dwar il-konsolat ta’ pajjiżna fi Tripoli? Jekk iva, jista’ jinforma lill-Kamra x’passi ttieħdu?  U jekk sar rapport intern, jista’ jpoġġieh fuq il-Mejda tal-Kamra?

12/05/2014

  ONOR. GEORGE VELLA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li dak li ġie rapportat jista’ jingħata diversi interpretazzjonijiet. Ninformaħ ukoll li ma jistgħu jittieħdu l-ebda passi qabel ma jkun hemm rapport tal-pulizija, la għad m’hemmx rapport, ma nistax nikkonferma  jew nicħad dak li qed jintqal fil-Malta Today.

Seduta  150
19/05/2014


AMBAXXATURI ĠODDA.


9397. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Affarijiet Barranin: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm ġew maħtura ambaxxaturi ġodda mill-1 ta’ Jannar 2014 sat-30 ta’ April 2014?

12/05/2014

  ONOR. GEORGE VELLA:  Bejn l-1 ta’ Jannar 2014 u t’30 ta’ April 2014 Malta rċeviet l-Agrement ta' tmintax-il Ambaxxatur minn dawn għadu ppreżenta l-kredenzjali wieħed biss.

Seduta  150

19/05/2014

MARSASCALA FAMILY PARK – ORGANIZZAZZJONIJIET VOLONTARJI.

  
9282. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm u liema huma l-organizzazzjonijiet volontarji li qed jużaw il-faċilitajiet tal-“Marsascala Family Park” u jistax jelenkahom?

05/05/2014

ONOR. LEO BRINCAT: Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li preżentement il- Malta Girl Guides Association hija l-organizzazzjoni volontarja li qed tagħmel użu formali u reġolari mill-faċilitajiet tal-“Marsascala Family Park”.


Seduta 150

19/05/2014

SIT - PROBLEMA TA’ ĠRIEDEN-Lukanda Jerma Palace



9281. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa: Jista’ l-Ministru jassigura li qed jittieħdu l-passi neċessarji mill-awtorità konċernata sabiex tiġi kkontrollata l-problema li diversi persuni qed ibatu minnha ta’ ġrieden li qed joħorġu mis-sit abbandunat tal-lukanda Jerma Palace?

05/05/2014

  ONOR. KONRAD MIZZI:  L-aħħar ilment li rċieva d-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali dwar infestazzjoni ta’ ġrieden fis-sit abbandunat imsemmi kien fl-elfejn u ħdax (2011).
Madankollu dan is-sit riċentament intgħażel ma’ żoni oħra biex fihom jitwettqu sensiela ta’ trattamenti kontra l-ġrieden bħala prevenzjoni. L-aħħar trattament sar fit-12 ta’ Mejju u se jibqa’ jinżamm monitoraġġ taż-żona u se jibqgħu wkoll isiru t-trattamenti msemmija.

Seduta  150

19/05/2014

WIED IL-GĦAJN - SIT-Lukanda Jerma Palace f’Wied-il-Għajn



9280. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Turiżmu: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’pożizzjoni qed jieħu l-Ministeru għat-Turiżmu fil-konfront ta’ x’għandu jsir fil-futur mis-sit fejn kien hemm topera l-lukanda Jerma Palace f’Wied-il-Għajn?

05/05/2014

  ONOR. EDWARD ZAMMIT LEWIS:  Ninforma lill-Onor. Interpellant illi s-sit minn fejn topera il-lukanda in kwistjoni tifforma parti miż-żona turistika tan-nofs in-nhar li dan il-Gvern qed jagħti prijorita bħala żona turistika importanti sabiex tiġi stimulata l-ekonomija turistika.

Seduta  150
19/05/2014


IMMIGRANTI RREGOLARI – RIPATRIJATI TAĦT L-MEKKANIŻMU TA’ DUBLIN II



9278. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm persuni li oriġinarjament kienu immigranti rregolari ġew ripatrijati taħt il-mekkaniżmu ta’Dublin II  minn Marzu 2013 sa Marzu 2014? Jista’ jgħid ukoll f’liema dati ġew? Mil-liema pajjiż?

05/05/2014

ONOR. EMANUEL MALLIA: ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta għada qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.

Seduta 149

14/05/2014

REATI TA’ SERQ


9279. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali: Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm ġew kommessi reati ta’ serq minn Marzu 2013 sa Marzu 2014? Jista’ jindika kemm minnhom kienu kommessi bl-aggravju tal-vjolenza?

05/05/2014

ONOR. EMANUEL MALLIA: Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra it-tabella li tkopri l'perjodu min Marzu 2013 sa Marzu 2014, dwar l-ammont ta’reati dwar serq li ġew kommessi, kif mitlub. Dwar ir-reati ta’ serq li kien aggravat bi vjolenza, l-informazzjoni ma tinzamx taħt forma komputerizzata għaliex din l-informazzjoni toħroġ mil-investigazzjonijiet u l-aggravju jitniżżel fl-akkuża ma’ aggravji oħra, jekk ikun il-każ.

Seduta 149
14/05/2014


18.5.14

Poter u arroganza.



1.      Il-pajjiż qiegħed ma’ kull ġurnata jħoss li l-livell ta’ dak li fil-politika nsejħu “arroganza” qiegħed jiżdied.  Sfortunatament għad hawn wisq persuni li jaħsbu li l-poter, biex tkun denju tiegħu trid teżerċitah bis-saħħa.  Trid tużah kontra l-liġi u kontra r-rieda ta’ ħaddieħor.  Għad hawn min għadu ma fehemx li l-poter demokratiku m’għandu xejn minn dak dittatorjali.  Li anzi, l-ispirtu u l-bidliet fundamentali li jiġu ma’ kull demokrazija huma proprju li l-poter jiġi amministrat f’isem ħaddieħor.  Jiġi amministrat mhux biex wieħed jivvantaġġja ftit kontra ħafna, imma sabiex kull persuna, hi min hi, għandha liem opinjoni politika għandha, tibbenefika.

2.      Dan il-Gvern għandu ħafna elementi prinċipali fi ħdanu li m’għarfux li l-poter huwa demokratiku.  F’din il-ġimgħa stajna naraw b’mod iktar qawwi kemm il-poter tela’ għal ras diversi ministri, sfortunatament ukoll anke għal dik tal-ewwel fost il-ministri.  Id-dikors li qed jingħad telaq sabiex mill-ewwel jibda billi jissagrifika l-bżonn assolut li tingħad il-verità.  Fid-dittaturi nafu li l-ewwel valur li jsofri l-iktar huwa proprju dan.  Il-mexxejja ta’ dawn ir-reġimi jibdew ma jgħidux il-verità u jibdew jivvintaw dak li m’huwiex minnu.  Jivvintaw dak li m’huwiex u jibdew wara jesiġu mill-poplu li dak li qed jgħidu jibda jgħidu l-pajjiż kollu.

3.      Il-verità bdiet ħierġa barra mit-tieqa fuq żewġ kunsiderazzjonijiet.  L-ewwel, billi tingħad il-kontra; it-tieni billi ma tingħadx.  Is-soċjetà demokratika, Ewropea u progressiva tagħna tista’ tavvanza jekk kemm-il darba jkun hemm il-pedament tal-fatti. Iż-żminijiet taħt l-aħħar ħamsa u għoxrin sena tal-Partit Nazzjonalista biddlu r-regoli.  Illum il-politiku m’għandu ebda liċenzja li jigdeb jew li jaħbi l-affarijiet.  La darba għandu f’idejh ir-responsabbiltà tal-poter, allura bilfors irid iżomm ruħu magħha.  Jekk le, jiftaħ it-triq tat-tmiem tiegħu u tal-avvanzi soċjo-politiċi tal-pajjiż.

4.      Ngħid iktar dan għax fil-Parlament tul din il-ġimgħa rajna direttament l-effett tal-maġġoranza tant qawwija li għandu l-Gvern fuq l-Oppożizzjoni u l-verità.  Huwa minnu li l-Gvern għandu ħafna voti warajh u għandu maġġoranza kbira ta’ siġġijiet, però dan ma jagħti qatt liċenzja sabiex tikber ras in-nies u tikber l-arroganza.  Iktar poter jitlob iktar umiltà u trasparenza.  Però f’dawn il-ġimgħat qed naraw minflok li l-ministri varji qegħdin jaħirbu mid-domandi sempliċi, imma diretti, tal-Oppożizzjoni.  Il-kwantità ta’ domandi parlamentari li ma ġewx imwieġba jew imwieġba ħażin kienet verament qawwija u fuq kollox.  Il-Gvern qiegħed issa jaħrab u jiċħad il-verità flok jiffaċċja.  Jaf li jekk iwieġeb għad-domandi tagħna, allura jaf li jkun qed jammetti li żbalja.

5.      Ħadet l-iktar importanza domanda parlamentari li saret l-Erbgħa dwar kuntratti varji li l-Gvern iffirma.  L-ewwel, dak mal-provvista tal-gass u l-oħra ma’ dik tal-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza.  Huwa mill-iktar ċar li hemm xi punti, hemm partijiet mill-istess kuntratti li l-Gvern ma jridx jiftaħ għajnejn il-poplu dwarhom.  B’aġir politiku mill-iktar arroganti, il-pajjż qiegħed jara li lil dawk li għandhom il-poter f’idejhom qed jaħirbu mill-verità.  Qed  jaħirbu mill-verità li għada pitgħada il-pajjiż ser isir jaf dak li huma qed jaħbu għax mhux ser jibqa’ jkollna l-istess gvern għal dejjem.  Però bħalissa, għax ġejja l-elezzjoni Ewropea li għandha ċerta importanza, kull min qiegħed fil-poter irid jaħbi l-verità.


6.      Sibt ieħor nivvutaw.  Għandna l-opportunità li nibgħatu messaġġ kontra dan l-aġir żbaljat.  Għandna d-dritt li nibgħatu l-messaġġ li rridu Gvern li jgħid il-verità: wieħed li ma jkomplix ikun arroganti.  Kollox jiddependi minna.  Nagħmlu użu tajjeb minn dan il-poter bil-vot tagħna sabiex il-Gvern jifhem li jrid jibdel triqtu.

15.5.14

It-tessut demokratiku.



1.         Meta tisma’ ċerti diskorsi jew taqra ċerti artikoli tista’ tieħu l-impressjoni li f’dan il-pajjiż ma tirrenjax la d-demokrazija u wisq inqas l-istat tad-dritt.  Mentri s-sitwazzjoni hija kompletament differenti.  Sfortunatament għad hawn mentalità mas-saqajn li l-liġi m’għandhiex saħħa fuq il-bnedmin.  Mhux biss, imma hawn ukoll nuqqas ta’ informazzjoni fuq x’fihom il-liġijiet tal-pajjiż.  Dawn iż-żewġ punti nsibuhom il-ħin kollu ġejjin 'l hemm u 'l hawn u jimmeritaw li jiġu konfrontati.

2.         It-tessut demokratiku ta’ dawn il-gżejjer kiber ħafna, anzi sploda f’dawn is-snin li ilu fil-Gvern il-Partit Nazzjonalista.  Ibda mill-figura, illum Kostituzzjonali, ta’ l-Ombudsman.  Dan kien ġie oriġinarjament imwiegħed fil-programm elettorali tal-Partit Laburista fl-1971, però tul is-sittax-il sena li dam fil-poter baqa’ ma għamel l-ebda pass f’din id-direzzjoni.  Għamel il-wegħda però  baqa’ ma żammhiex, anzi ħarabha.  L-istatistika pubblikata turi kontinwament li hemm numru kbir ta’ persuni li jitolbu rimedji amministrattivi minn din il-figura.  Dan huwa llum strument ta’ kif wieħed jaffronta żbalji u tħaddim żbaljat tal-liġi fil-konfront taċ-ċittadin.

3.         Wara dan insemmu l-Uffiċċju ta’ l-Awditur Ġenerali li wkoll ġie maħluq mill-Partit Nazzjonalista fil-Gvern, apposta sabiex isir kontroll u investigazzjoni ta’ l-amministrazzjoni ta’ l-Istat.  L-poteri li ngħata huma ferm iktar qawwija u sodi minn dawk f’pajjiżi oħra.  Ir-rapporti kontinwi li nirċievu mingħand il-persuna ta’ l-Awditur Ġenerali m’humiex eżerċizzji akkademiċi iżda passi importanti li jsibu ruħhom diskussi fil-Parlament fil-Kumitat apposta magħruf bħala l-Public Accounts Committee (PAC).

4.         Dan il-Kumitat huwa tastiera oħra importanti fit-trasparenza u l-kontabilità tal-pajjiż li sar huwa wkoll mill-Partit Nazzjonalista.  Fih isir dibattitu interessanti u mmirat sabiex ikun hemm kontroll ta’ l-infiq fil-pajjiż.  Ma’ dan saret ukoll il-liġi li permezz tagħha ġiet imwaqqfa l-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni.  Kummissjoni li ħadmet ħafna f’dawn is-snin u ppreżentat diversi rapporti.  Liġi li hija mimlija b’poteri li rari jiġu użati minn dawk li hija faċli ħafna fuq ilsienhom il-kelma “korruzzjoni”, però hemm qegħda u għad-disposizzjoni ta’ kulħadd.

5.         Mhux biss dan, imma tul is-snin saru diversi emendi lill-Kodiċi Kriminali u Ċivili sabiex jiżdiedu l-pieni u jidħlu artikoli ġodda sabiex it-trasparenza u d-demokrazija jiżdiedu.  Dawn qegħdin fil-liġi tagħna però huma wkoll m’humhiex magħrufa biżżejjed.  L-istess jingħad għal-liġi li saret dwar il-Moneylaundering.  Liġi intenzjonata sabiex tara li ma jkunx hemm riċiklaġġ ta’ flus li ġew minn reati kriminali.  Artikoli oħra tal-liġi li huma wkoll żiedu fis-saħħa ta’ l-istat legali ta’ pajjiżna.  Aġir konkret kontra l-illegalità.

6.         Apparti dawn u liġijiet oħrajn varji, f’din il-leġislatura ġiet diġà approvata mill-Parlament il-Liġi dwar il-Libertà ta’ l-Informazzjoni (Freedom of Information Act).  Din hija għodda oħra demokratika soda u hija ntenzjonata sabiex iżżid it-tessut tagħna.  Mexjin fiha u tul din is-sena huwa mistenni li din il-liġi tidħol fis-seħħ.  L-istess irid jingħad dwar il-Whistleblower Act.  Din ukoll tul din is-sena titla’ quddiem il-Parlament tagħna għad-diskussjoni, id-dibattitu u l-approvazzjoni.  Żewġ passi oħra li huma xhieda li mxejna 'l quddiem mhux lura u l-pajjiż għandu qafas ta’ liġijiet li qegħdin għad-disposizzjoni ta’ bnedmin ta’ rieda tajba.


7.         Nisimgħu ħafna diskors fuq in-nuqqasijiet tal-Gvern, però qajla naraw kemm fil-fatt sar sabiex jiġi attakkat bl-għeruq u x-xniexel in-nuqqas ta’ trasparenza, il-korruzzjoni, l-illegalità u dan biex id-demokrazija tissoda.  Il-kritika hija faċli ħafna, l-istess iċ-ċertifikati, biss dawn jisparixxu quddiem il-fatt li l-Istat tagħna huwa mimli b’mekkaniżmi legali preparati sabiex jitħaddmu.  Il-verità hija li min jikkritika jaf li ma għandux każ u għalhekk mhux biss qatt ma jagħmel użu minnhom, imma jipprova jbellgħha li ma jeżistux.

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...