31.12.12

X’sena għaddejna



1.             Wasalna fl-aħħar ta’ din is-sena wkoll.  Bħal ta’ qabilha kienet waħda mimlija b’eventi differenti li sawruna lkoll.  Kull persuna fis-soċjetà għandu l-istorja tiegħu x’jirrakkonta.  Dak li jħoss li kien tajjeb għalih u dak li rah bħala mrar, mingħajr ma jrid, iġibu quddiem għajnejh f’dawn l-aħħar jiem.  L-esperjenza tal-ħajja, il-kuntatt ta’ kull ġurnata mal-bnedmin juruk li hemm realtà li, ħafna drabi, ma mmissux magħha.  Anzi, li ninjoraw u m’aħniex konxji minnha.  Dik ir-realtà li tieħdok ġewwa s-sofferenzi li n-nies ta’ din id-dinja jmissu magħhom u jsofru fis-silenzju jew fiċ-ċirku żgħir tal-familjari tagħhom.  Forsi nsiru nafu ftit għax, sfortunatament, anki l-uġiegħ, il-firdiet, it-traġedji jridu jiġu strumentalizzati.  Mezzi ta’ informazzjoni, flok jidħlu fil-fond u jifhmu, iridu jużaw.  Il-ħajja ta’ diversi hija għalihom storja li tista’ tiġi użata biex iġġib attenzjoni għalihom.

2.             Il-fatt li għamilt operazzjoni u qattajt numru ta’ ġimgħat ġewwa l-Isptar Mater Dei taħt il-kura tajba li hemm wasslitni aktar viċin.  Viċin ta’ diversi li għadhom, sal-ġuranta tal-lum, iħossu li jistgħu jiftħu qalbhom miegħi fuq dak li ġarrbu huma, jew oħrajn fil-familji tagħhom.  Hemm numru kbir ta’ persuni li jgħaddu minn operazzjonijiet, li jaraw ħbieb u familjari jbatu f’kull settur mediku varju.  Hemm ġew, waqt li tkun qiegħed tara s-sodod ta’ madwarek jimtlew u jitbattlu, tifhem iktar il-ħajja.  Tifhem verament il-passjonijiet varji li diversi minn ħutna jgħaddu minnhom.  Tara l-għaqda fil-familja meta bnedmin ikunu ser iħallu din id-dinja u kif jiġbdu madwarhom lil kulħadd fl-aħħar vjaġġ.  Tifhem iktar kemm il-ħajja hija qasira u tirregola iktar ruħek fuq dak li ħaqqu li jingħata importanza u prijorità.  Kemm naħlu ħin fix-xejn u nispiċċaw nitilfu dak li huwa verament sewwa.

3.             Il-mard huwa serju u dan ħadd ma jista’ jmerih.  Però, iktar minn hekk, rajt f’din is-sena diversi ħbieb u ġenituri tagħhom jiġu msejħa għal dinja aħjar.  Mhux ser insemmi isimhom.  Niftakar biss fil-memorja tagħhom.  Għax hemm tmiss ir-realtà tal-bniedem.  Tara kemm nies iġibu rispett u kemm hemm għerf f’dawk li jgħixu fil-ħajja u mhux fil-ħolm tagħhom.  Għerf ta’ dawk li, b’żewġ kelmiet, iżarmawk u jarmawk.  Jiftħulek iktar għajnejk lejn dak li missew u ġarrbu f’ħajjithom.  Kemm ma jiswiex l-inkwiet fuq ix-xejn, il-piki bla sens u l-ġlied inutli.  Dawk li tul din is-sena ġarrbu l-mewt ta’ persuni viċin tagħhom jgħarfu iktar dan.  Sija dawk li raw ħajjiet jitmermru biċċa biċċa fi ġlidiet silenzjużi u kuraġġużi, kif ukoll dawk li qamu u ħarġu b’saħħithom iżda lura ma daħlux.

4.             Kull persuna tħares ‘il quddiem.  Tgħix il-jum tagħha kif taf u bl-għodda li għandha għad-dispożizzjoni tagħha.  Hekk għandu jkun.  Inlaqqtu kemm inlaqqtu daqqiet, naqgħu kemm naqgħu, jwaqqgħuna kemm iwaqqgħuna, is-sigriet tal-ħajja jibqa’ dejjem dak li nqumu, nerfgħu l-piż tagħna u nimxu.  Hemm diversi li għandhom bżonn l-għajnuna tagħna.  B’affarijiet żgħar, twettaq il-mirkali.  B’kelma tajba, b’azzjoni ġeneruża tibdel il-ħajja ta’ persuna.  Pajjiżna huwa, fortunatament, mimli bi bnedmin li huma impenjati fil-volontarjat.  F’ħidma mhux tal-proġetti ambizzjużi, imma ta’ dawk sempliċi.  Ir-rutina normali tal-ħajja tibdel il-bnedmin.  Hawn proprju fejn dawn l-organizzazzjonijiet volontarji għandhom sehem importanti.  Għax hawn kapital uman li m’għandux jiġi msarraf f’termini materjali, imma li jrid jiġi rikonoxxut li mingħajru ma nkunux li aħna.  Anzi, li huwa iktar vitali li l-mezzi ta’ produzzjoni jingħaqdu f’atti ta’ sostenn u kollaborazzjoni magħhom.  X’realtà hemm f’ħidmiethom dawk li jsostnu lill-morda u dawk li jiġi fuqhom għawġ differenti li aħna ma ngħarfux.

5.             Il-poplu ta’ dawn il-gżejjer huwa wieħed uniku.  Huwa hekk għax, sena wara sena, jibqa’ jsostni lilu nnifsu fis-sewwa billi jgħin lil dawk li huma minn taħt.  Jitħabat għalihom, jaħdem u jistinka biex jgħin lil min ġie l-għawġ fuqu.  Inkejlu ruħna f’fatti u figuri ekonomiċi jew demografiċi ta’ kull tip u dan huwa żgur importanti u tajjeb li jsir.  Biss, huwa ferm iktar determinanti li naraw kemm qegħdin finalment inkunu iktar impenjati għall-ġid tal-proxxmu.  Qed nagħlqu s-sena u għandna nduru fuqna nfusna u naraw kemm qed insostnu l-altruwiżmu, il-ġenerożità u strutturi li huma impenjati għall-oħrajn.  M’għandniex insostnu l-kontra.  Irridu nikkumbattu għal dak li verament iwettaq il-ġid u li minnu jikber il-frott it-tajjeb.  Dak huwa l-impenn li jiena nsostni u nittama li, fis-sena li ġejja, hekk ser nibqa’ nagħmel.

6.             Wasalna fl-aħħar ta’ din is-sena u għalhekk issa ħarsitna tmur fuq dik li ġejja.  L-impenn tagħna hemm għandu jibqa’.  Soċjetà li tħares u tiddefendi lil min isib ruħu minn taħt u tibni fuq l-altruwiżmu.  Soċjetà li taħrab l-azzjonijiet ħżiena, dawk li huma bla skruplu u bla ebda forma ta’ pedament sod.  Ma nistgħux nippretendu li din il-ġlieda ssir mill-oħrajn għalina – irridu nkunu lesti aħna għaliha.  Inkunu ċari fuqha sabiex nifhmu li għandna dmir lejn l-oħrajn biex inservuhom denjament fis-sewwa.

Nawgura s-sena t-tajba lill-qarrejja kollha, lilek Sur Editur u lill-impjegati kollha tagħna.


30.12.12

Kodiċi tad-Dmirijiet




1.         Ħafna diskors marbut mat-trattati legali jitkellmu sija fuq drittijiet kif ukoll fuq dmirijiet.  Hemm bilanċ f’dan, però mhux dejjem il-liġijiet ikunu hekk.  Hemm, anzi, numru ta’ artikli legali li jħarsu biss lejn naħa waħda.  Mhux dejjem faċli li ġġib il-punt legali fuq l-istess livell.  Trid tidħol fil-proċess tal-affarijiet u tagħraf x’hemm fuq naħa tal-argument u x’hemm fuq in-naħa l-oħra.  Dan hu li jressaq iktar lejn il-valuri kardinali tal-ħajja, lejn dak li huwa ġust.

2.         Id-dinja kienet kapaċi ħafna sabiex tibni qafas legali ferm iktar avvanzat milli kellha qabel it-Tieni Gwerra Dinjija.  Id-dikjarazzjonijiet universali tad-drittijiet fundamentali li l-Ġnus Magħquda żviluppat u approvat huma fir-realtà reazzjoni kontra l-poter tal-Istat.  Il-kontroll li kien jiġi eżerċitat fuq il-bniedem ġie limitat konsiderevolment proprju b’dan il-proċess xejn faċli.  Minn dan, però, twieldu diversi dikjarazzjonijiet li sabu ruħhom fil-kostituzzjonijiet ta’ Stati varji.  Ġie għalhekk kompost kodiċi ta’ drittijiet u ma ġiex kontemplat wieħed ta’ dmirijiet.

3.         Din il-ġimgħa kellna persuna ta’ intelliġenza li għaddiet minn diversi mumenti diffiċli f’ħajjitha u li għalqet il-mitt sena.  Rita Levi-Montalcini, li twieldet fis-sena 1909 f’Turin, tewmija u Lhudija, għamlet isem għaliha fid-dinja medika.  Dan mhux biss minħabba r-riċerka li rnexxielha twettaq, iżda wkoll għax kienet sabet ruħha vittma tal-liġijiet razzjali li l-Gvern Faxxista fl-1938 kien ġieb fis-seħħ.  Illum, wara dawn is-snin kollha, hija u tħares lura rat dan bħala pass li wassalha fuq it-triq li qabdet f’ħajjitha.  Dan għax minn dik il-ġurnata li fiha ġiet eskluża milli tkompli taħdem fil-karriera akkademika li kienet qabdet fl-università hija sabet ruħha tistudja u tesperimenta f’darha.  L-ewwel pass kien fid-direzzjoni tal-ġenetika li bdiet permezz ta’ eżami akkurat tat-tkabbir tan-nervituri tal-bajd tat-tiġieġ.  Pass li wassal lejn bidla kbira.

4.         Levi-Montalcini hija għalhekk magħrufa sew fid-dinja tal-riċerka xjentifika, iktar u iktar wara li fl-1986, flimkien mal-kollaboratur tagħha Stanley Cohen, ingħatat il-Premju Nobel fil-Mediċina u l-Albert Lasker Award fir-riċerka medika.  Din il-persuna, diversi drabi ddikjarat li hemm bżonn li d-dinja tipprepara kodiċi li jittratta d-dmirijeit.  Kunċett ta’ ħsieb verament interessanti li jmur kontra l-kurrent ta’ dak li soltu wieħed jittratta.  Dan għax din il-bniedma qed tippromwovi ħsieb li hemm bżonn li nibnu kunċetti differenti fis-soċjetà moderna tagħna.

5.         Huwa barra mis-soltu għax jitlob kunċett ta’ ħsieb f’direzzjoni li ddaħħal lill-bniedem, speċjalment dak li ġej minn soċjetajiet moderni u demokratiċi, li jagħraf li għandu jibda jorbot lilu nnifsu mal-bżonn li jagħti lil ħaddieħor.  Il-vantaġġi ekonomiċi u soċjali li persuni għandhom f’soċjetajiet affluwenti huma kbar, ma hemmx dubju, għax huma hekk jibnu l-mentalità, il-kultura li dak li huwa dritt għandu jiġi użat, eżerċitat, mingħajr kunsiderazzjoni ta’ fatturi oħra.  Il-mentalità hija dik marbuta ma’ kunċetti egoistiċi.  Għandi dritt għal xi ħaġa, neħodha, u dan mingħajr kunsiderazzjoni tal-impatt tal-aġir tiegħi fuq persuni oħra, fuq dawk li m’għandhomx dak li għandi jien.

6.         Il-viżjoni li din il-mara, li għandha ħafna x’tirrakkonta, naħseb li timmerita li tiġi kkultivata iktar.  Għax hemm ir-realtà li l-Istati tal-lum qegħdin dejjem joħorġu b’kunċetti ta’ strutturi li fihom iċ-ċittadin qegħdin dejjem jikbrulu d-drittijiet, mingħajr ma nidħlu għall-proċess li ma jkunx tant popolari tal-kontra.  Il-mentalità hija dik, u huwa tajjeb li wieħed jaqbad triq li tagħti dimensjoni ferm iktar fonda.  Waħda li ġġib iktar responsabbiltà u iktar sens li fid-dinja, dawk li għandhom, għandhom fuqhom id-dmir sabiex jieħdu ħsieb lil dawk li għandhom inqas minnhom.

Jiem importanti fil-ħajja ta’ Alessandru*




1.       Għandi rabta mal-letteratura Russa, li ma jiddispjaċini xejn minnha.  Il-kittieba li qrajt u rajt sibthom, ħafna drabi, ta’ kwalità differenti.  Mhux bħall-oħrajn għax jirnexxilhom jispjegaw aħjar il-kondizzjoni umana.  Il-bniedem fil-kumplessità sħiħa tiegħu joħroġ aktar sħiħ.  Mhux biss, imma ħassejt li nista’ nifhem aħjar dak li jiġi rappreżentat fil-qalba tas-sustanza ta’ l-affarijiet.  Anzi, t-tradizzjoni Russa toħroġ aqwa meta rnexxieli naqraha fit-traduzzjonijiet tal-lingwa Taljana.

2.       Biss id-dinja hija debitriċi lejn dik l-art tad-diversi ġenji li sabu ruħhom attivi fl-arti.  Hemm però destin iebes li qabad ħafna minnhom li sabu ruħhom eżiljati għal pajjiżi oħra.  L-eventi Russi ma kienux salutari u indikattivi għal pedamenti veri tal-ħajja.  L-mewġa li nħakmet minnha bir-Rivoluzzjoni Sovjetika qalbet ta’ taħt fuq dak kollu li kien hemm qabel.  Kitbet Karl Marx u sussegwentement Lenin qabbdu nar ta’ ħsibijiet li qasmu u farrku dak li kien hemm.  L-eventi li nġabru f’dik ir-rivoluzzjoni, hija wkoll kaġun ta’ mwiet u tixrid tad-demm, wasslu lejn ambjent soċjali fejn il-kultura ġiet maħnuqa.

3.       Igor Stravinsky li hu iben din l-art għadda minn dan it-trattament stramb f’qalbu u f’moħħu.  Telaq minn pajjiżu proprju għax ma kienx iktar possibbli għalih li jgħix f’art li flok kompliet tħajru jikber u jiżviluppa t-talenti tiegħu, ħanqithomlu.  Il-komuniżmu sovjetiku kellu l-karatteristika distruttiva li joħnoq il-bniedem.  Ma jippermettilux ikun li jrid iżda jikkundizzjonah f’kull parti tiegħu nnifsu.  Is-sovjet kienu stabbilew li l-arti, mill-mużika sal-kitba, riedet tkun strument tar-rivoluzzjoni.  Mekkaniżmu sabiex flok jiġu espressi t-talent, il-kreattività, l-immaġinazzjoni, l-espressjoni sħiħa ta’ dak li hu uman fl-artist, fil-kittieb jew fil-mużiċist jispiċċaw bnedmin bla ħsieb, bla ras.  Stravinsky ma kienx waħdu.  Għaddew diversi oħra bħalu minn din l-esperjenza iebsa.  Però s-sabiħ tagħhom huwa li proprju f’din l-atmosfera anti-umana rribellaw.

4.       Telqu arthom u għamlu minn pajjiżi oħra postijiet ta’ rifuġju.  Il-ġimgħa li għaddiet sellimna lil Alessandru Solzhenitsyn.  Iben ieħor Russu.  Bniedem li ħalla warajh ġabra twila ta’ kitbiet li fihom irnexxilu jħalli prova ċara ħajja ta’ dak kollu li r-ripressjoni sovjetika kienet kapaċi twettaq.  Ir-rakkonti tiegħu, partikolarment “Jum fil-Ħajja ta’ Ivan Denisovich”, jew “Sala tal-Kanċer” jew l-“Arċipelagu Gulag” huma dokumenti li jimmortalizzaw kundanna.  Ta’ ġuvnott dawn niftakarni naqrahom u sa llum bqajt impressjonat bid-degrad komplet tal-bniedem.  Ta’ kif sistema politika ħakmet u ħaqret tant persuni.  Solzhenitsyn irnexxielu juri bil-pinna ċara u diretta l-ħajja għar-razza ta’ l-umani f’sistema totalitarja.  Id-deskrizzjonijiet dettaljati għadhom fija anke wara dawn is-snin.

5.       Niftakar li anke wara tant li erġajt ħassejt l-istess meta qrajt dak li ħalla Primo Levi fil-ktieb tiegħu “Se questo è un uomo”.  Ix-xeni tad-degrad uman huma identiċi, però d-deskrizzjoni titwieled minn viżjoni differenti.  Għax filwaqt li Levi huwa iktar analitiku, xjentifiku, partikolari u awtobijografiku, fil-kitba Russa hemm il-bniedem fl-aqwa tradizzjoni ta’ dak li hu huwa awtur.  Il-fatti, ċ-ċirkostanzi, il-kunflitti, t-tbatija, l-atroċità joħorġu fil-kuntest ta’ storja ħajja.  Sitwazzjoni li tiżviluppa fl-“istorja” li kull Russu u kull bniedem ta’ rieda tajba jista’ jidħol u jimmedeżima ruħu fiha.

6.       Għal ħafna snin l-eżilju ta’ Solzhenitsyn kien simbolu.  Sinja li fil-qalb Russa s-sistema komunista ma kenitx irnexxilha toħnoq il-bniedem.  Kinet firda sofferta.  Alessandru ma kien ferħan xejn jgħix f’ambjent mhux Russu.  Baqa’ ħajtu kollha jittama li sseħħ il-bidla fit-tmun tar-reġim li nittamaw li qatt iktar ma jkollna.  Dak il-jum wasal tul ħajtu.  Mhux biss, imma kellu x-xorti li jerġa’ lura f’artu.  Dik kienet ġurnata fil-ħajja tiegħu li fissret ferm iktar minn sempliċi ċaqliq fiżiku.  Għax anke Stravinsky f’din ix-xewqa Russa kien mar lura lejn l-aħħar ta’ ħajtu biex jidderiġi l-mużika, però hemm is-sitwazzjoni politika ma kenitx inbidlet.  Mentri Alessandru f’dik il-ġurnata sab pajjiż mibdul – wieħed li ħeles għal dejjem minn ħakma li qerdet tant artisti u bnedmin ta’ kultura.  Jum importanti għal Alessandru, jum immortali għall-umanità.

*Dan l-artikolu dehr l-ewwel darba fl-2008.

28.12.12

Qabża fid-dlam?*



1.     Il-kliem ta’ Monsinjur Charles Scicluna (illum Isqof taghna) l-Ħadd li għadda riportat f’gazzetta lokali kien u għadu żiffa friska ta’ ideat.  Għandi l-fortuna li sirt naf ftit lil dan il-bniedem mimli b’doni, talenti u intelliġenza meta reġa’ ngħaqad mal-kors tal-liġi li kont fih jien.  Wara xi snin kien telaq, segwa dak għas-saċerdozju u ġie lura.  Kien mimli b’attività, però l-umur tiegħu kien dejjem tajjeb.  Ċar fil-ħsieb, jiċċajta, jiġbed is-saqajn fejn għandu u jżomm l-ispirtu ta’ akkademija f’dawk is-snin diffiċli.

2.     Il-Knisja taf x’inhija tagħmel.  Sinjal mill-iktar ċar kienet l-għażla tiegħu ġewwa l-Vatikan.  Ma kontx ħadtha bi kbira meta sirt naf li qiegħed, anzi, fl-istess uffiċċju ma’ dak iż-żmien il-Kardinal Josef Ratzinger.  Kienet għalija konsegwenza mill-iktar loġika.  Bniedem mhux biss preparat, imma fuq kollox b’viżjoni tal-ħajja li rari ssib bħalha.  Kapaċi jħares lejn it-tajjeb u l-ħażin ta’ l-argument u jiċċaqlaq 'il quddiem.  Ma naħsibx li b’xi mod qagħad jew joqgħod lura minn kelma li tbiddel u tkun parti minn proċess ta’ awto-kritika.

3.     Ħadt pjaċir naqra kliemu għax fihom hemm id-demm ibaqbaq ta’ persuna li huwa konvint mill-ideat tiegħu u m’għandux xi biża’ li jinvolvi ruħu f’dibattiti mas-soċjetà.  Anzi, kif deher mill-iktar ċar, il-problema mhux tant hu, iżda kemm ħaddieħor huwa lest li jħaddem rasu biex jara min għandu raġun.  F’ħafna sens din hija t-traġedja ta’ din l-era moderna.  L-umanità, jew aħjar il-bniedem, li qiegħed jgħix fis-soċjetajiet Ewropej irid li jiġi inqas u inqas “imdejjaq” minn riċerka għall-verità.  Fil-pożizzjoni ekonomika u soċjali li laħaq ma jridx, u anzi, ma jħossx il-bżonn li jaqra, jiskopri, jiddibatti ma’ oħrajn fuq dak li hu u dak li qiegħed jgħix.

4.     Il-kriżijiet tas-soċjetajiet kollha jorbtu lilhom infushom ma’ din il-ġebla.  Il-bniedem, permezz ta’ diversi liġijiet li ġew ispirati mill-prinċipji nsara, qiegħed isib li m’għandux għalfejn jitħarrek.  Għandu l-libertà kollha li jrid, għandu ħafna drittijiet, sistema demokratika li taħdem u għalhekk naqaslu l-bżonn li jfittex.  In-neċessità interna li jara x’valur fiha, xi skop fiha l-ħajja, qegħda tonqos,salv f’dawk il-kriżijiet ta’ eżistenza fejn ir-rimedju materjali jirrisolvi ruħu fit-teħid ta’ trankwillanti.

5.     Il-persuni “l-ġodda” fis-soċjetà twieldu f’ambjent fejn l-interattività fis-soċjetà, fil-komunità qegħda tirriduċi ruħha għal dak li jista’ jittieħed bħala profitt.  X’ser nieħu jien fil-ħidma u jekk għalhekk mhux ser inżid fid-dħul ekonomiku jew il-prospett tiegħu, m’għandix nieħu sehem.  M’għandix nagħti “b’xejn” lill-oħrajn għax ser “nitlef” ekonomikament.  Dan hu li qiegħed jiġbed is-soċjetà mill-mewġa ta’ altruwiżmu lejn l-egoiżmu li sar raġuni ta’ ħajja.  Il-bniedem qiegħed jorbot li jillimita lilu nnifsu proprju minħabba f’hekk.

6.     Iż-żjara tal-Papa Benedittu XVI qegħda tiftaħ mill-ġdid diskussjoni li ġiet abbandunata.  Il-biża’ tal-problemi li jitwieldu minn attività intellettwali fejn min huwa ffurmat fl-ideat insara jinvolvi ruħu ma’ oħrajn li ma kellhomx dak il-privileġġ huwa qawwi.  Il-ħsieb huwa li m’għandniex niddiskutu x’aħna għax inkella nistgħu “nurtaw”, “inweġġgħu” lil dawk li jaħsbu b’mod differenti.  Ma nkunux “politikament korretti”.  Anzi aħjar, lil dawk li jimmaġinaw li l-pożizzjoni ekonomika u soċjali tagħhom tagħtihom id-dritt li jaħsbu li huma għandhom tant raġun li min jgħidilhom il-kontra għall-fatt li jitkellmu huwa proċess żbaljat, li ma jridux jaċċettawh.

7.     Sirna mimlija bi bnedmin li jaħsbu li min qiegħed fuq in-naħa l-oħra, min jibbaża l-argumenti fuq loġika differenti, fuq dik nisranija huma barra miż-żmien.  Mentri dan m’huwiex minnu, proprju għax ma hemm diskussjoni vera u li trid iddaħħal lil dak li jkun jaħseb.  Hemm forom ta’ għażż f’dan, li ġej ukoll minn min ma jridx jitħarrek.  Il-bnedmin jikkonvinċu rwieħhom naħa jew oħra bl-impostazzjoni ta’ l-argumenti.  Għalxejn noqogħdu lura, u meta nagħmlu dan, ma nistgħux wara nippretendu qabżiet 'il quddiem, imma sempliċement dawk fid-dlam ta’ l-injoranza, l-egoiżmu u l-għażż intellettwali.  Iktar ma noqogħdu naħsbuha, iktar ħaddieħor javvanza fl-ispazju vojt li nħallu.

8.     Għalhekk nammetti li ħadt pjaċir naqra lill-Monsinjur Scicluna jgħid: If crisis means a turning point, then it’s welcome.  Because that means that whatever good comes from this – and good will come from this – is going to change the way we look at certain problems and the way we address them.  Crises are also opportunities.  And these are very good opportunities for us to grow.  Dawn huma kliem li jindikaw mill-iktar ċar l-evidenza ta’ l-ispirtu l-ġdid li għandu jixpruna lilna sabiex nidħlu fi proċess sħiħ ta’ diskussjoni.  Il-Knisja f’pajjiżna għandha bżonn tagħmel dan, b’iktar skambju ta’ ideat, b’iktar viżjoni li permezz tagħha trid tikkonvinċi.  Hi, li hija mimlija b’tant għerf, għandha tkun l-inqas waħda li toqgħod lura u ma tħabbilx moħħ is-soċjetà f’dak li tgħid.

*Dan l-artikolu gie pubblikat fl-2010.

Il-ħidma umana ssarraf sena tajba*





1.       Il-bidu ta’ sena ġdida oħra huwa magħna.  Ħafna drabi numru ta’ bnedmin tikber fihom it-tama li sena ser tkun differenti jew aqwa minn ta’ qabilha.  Hemm min, sfortunatament jemmen fin-numri jew f’xi indikazzjoni superstizzjuża oħra u jaħseb li ż-żewġ huwa aħjar mill-fard.  Però d-dinja m’hix illużjoni jew ħaġa moħġaġa, iżda realtà.  Reċentement iltqajt ma’ ministru ta’ pajjiż barrani u d-diskors ġie fuq kif ċerti persuni fil-politika jispiċċaw jaħsbu li hija biss ix-xorti jew xi stilla partikolari li tmexxi ‘l-karriera’ ‘l fuq jew l-isfel.  Persuni li jispiċċaw jaqtgħu ruħhom tant mid-dinja li jispiċċaw jemmnu li xejn ma jiddependi minn ħidmet il-bniedem u kollox huwa jew prestabbilit jew determinat u allura kollox barra l-kontroll tagħhom.

2.       Ma naqbilx.  Il-politiku huwa dak li hu minn dak li għandu f’qalbu u minn dak li jipprova jwettaq.  ‘Il-karriera’ ma hija xejn ħlief apprezzament finali ta’ snin f’din l-attività.  Il-bqija kollox jiddependi minn kif u b’liema mod wieħed jaffronta l-problemi tal-ħajja.  Il-politiku għandu f’idejh is-saħħa tal-poter ta’ l-Istat mhux għalih innifsu iżda għall-oħrajn.  Irid iħares lejn il-futur billi jaħseb, jirrifletti u jġib in-nies li jipparteċipaw fi strateġija u fi triq lejn dak li jkun qed jikkalkula li ġej għalina bħala poplu.  Ovvjament ir-riżultat jikber iktar ma kemm hemm preparazzjoni, formazzjoni, kultura u determinazzjoni fil-politiku nnifsu.

3.       Forsi l-iżball li wieħed jaqa’ fih ġej mill-ħsieb li hemm xi abbiltà f’xi ħadd li tippermettilu jipprevedi r-riżultat ta’ dak li jkun qeigħed iwettaq dak il-ħin.  L-iktar li jinqabdu huma proprju dawk li moħħhom sempliċement biex jidhru għax jibdew jilludu rwieħhom f’livelli ogħla.  Mentri l-verità hija li l-bniedem irid jistinka u jaħdem billi jiżra’ t-tajjeb kull jum u jagħraf li mhux neċessarjament jaħsad huwa iżda li japprezza li xorta waħda ser ikun hemm il-frott fil-futur.  Il-ħidma ta’ kull persuna tikber fid-dimensjoni tagħha kull darba li ssir b’altruwiżmu.  Il-proxxmu jitlob mingħandna attività anki fejn ma narawx li ser nieħdu xi ħaġa materjali lura, dan huwa l-fattur determinanti.

4.       Riċentement ġiet f’idejja introduzzjoni ta’ Gaetano Salvemini għal-librett ta’ Carlo Rosselli “Oggi in Spagna, Domani in Italia”.  Fiha sibt dawn il-kelmiet miktuba proprju fl-eqqel tal-Gwerra Ċivili Spanjola u qabel il-bidu tat-Tieni Gwerra Mondjali.  Żmien ta’ inċertezza fejn id-dawl tal-futur demokratiku ma tantx kien fl-aqwa tiegħu.  “Nessuno puo dire fin dove arriverà e quando fruttifichera un seme abbandonato al vento.  Le idee sono come i semi : dopo essere rimaste sterili per anni e secoli, si diffondono con rapidità fulminea.  Noi esuli non speriamo niente se guardiamo ai fatti compiuti, ma speriamo tutto se pensiamo ai fatti che si possono compiere.  Ma i fatti che noi speriamo si compirano solo se noi non lasceremo spegnersi la luce della nostra fede e il fuoco della nostra passione.”Ħsibijet nobbli mimlija b’ispirazzjoni li t-tama hija neċessarja u direttament f’moħħ kull bniedem.

5.       Il-bniedem f’sena ġdida jrid ikompli jżomm lilu nnifsu għalhekk jaħdem biex iħares lejn il-futur mingħajr ma jaqta’ qablu.  Meta wieħed jidħol għal ħaġa b’nofs qalb jew ebda, ma jistax jistenna li sejjer irendi t-tajjeb.  Però meta jkun determinat u perseveranti jasal ferm iktar.  Irid jimpenja ruħu.  Jissogra fl-attività sabiex fl-aħħar tal-ġirja jkun jista’ jdur fuqu nnifsu u jgħid li dak kollu li seta’ jagħmel wettqu bl-aħjar mod li wieħed jista’.  Kif ikompli jgħid Salvemini: “Solo chi si arrende ai fatti compiuti non vi troverà nulla, perchè non vi avrà messo nulla.  Un fatto solo è sicuro : che fra i fattori dell’avvenire esiste anche la nostra volontà, la nostra azione, la nostra testardaggine.  Ciascuno di noi troverà nell’avvenire quel tanto che vi avrà messo di se stesso.”

6.       Kull bniedem għandu talenti varji għad-disposizzjoni tiegħu.  Però mhux kull persuna tużahom.  Hemm min jinxeħet jaħdem kontra kull avversità dejjem għat-telgħa u hemm min jintelaq għall-kurrenti.  Hemm din id-diviżjoni bejn dawk li jridu jimxu ’l quddiem u jafu li jistgħu jaslu billi jistinkaw u dawk le.  Fil-fatt, iktar ma wieħed jirrifletti, aktar jifhem li l-ħajja fiha dejjem iktar sens jekk tittieħed mil-lenti li hija attività kontinwa.  Tagħti minnek innifsek lill-istorja u lid-dinja skond kemm timbarka f’din il-linja azzjoni.  Siegħat, jiem, xhur ġodda qegħdin proprju għalhekk għad-disposizzjoni tagħna.  Nieħdu ħsieb nużawhom tajjeb.  Filwaqt li nawgura s-sena t-tajba lill-qarrejja kollha, nagħlaq billi ngħid li s-sena t-tajba tikber fit-tjubija tagħha aktar ma naħdmu fiha, għall-proxxmu, għall-paċi u l-ġustizzja.

*Dan l-artikolu kien deher fl-ahhar tal-2007 fl-Illum.

27.12.12

L-ironija tal-Ħajja*




1.         Għadna kif għaddejna l-ġimgħatejn tal-festi tal-Milied.  Ngħidu x’ngħidu fuqna nfusna għadna soċjetà marbuta tajjeb.  Komunità ta’ bnedmin li jgħarfu li mingħajr l-għeruq Insara tagħna m’aħniex li aħna.  Għandna elf difett, inħobbu inmaqdru lilna nfusna u nitmaqdru, però fl-aħħar mill-aħħar Insara aħna u hekk nerġgħu naffermaw irwieħna.  Il-bnedmin f’din il-ġżira jistgħu jagħtu iktar jew inqas importanza lit-tradizzjonijiet, il-funzjonijiet kollha.  Jistgħu jaraw li għandhom iktar jiddevertu.  Biss, dur dur issib li hemm sens f’dawn il-jiem għax huma marbuta mal-Milied.

2.         Għalina dawn il-jiem huma ta’ valur, imma mhux kulħadd fil-dinja Ewropea għadu jaħseb hekk.  Ngħid dan għax qrajt li l-kunsill lokali tal-belt Ingliża ta’ Oxford ma baqgħetx taħseb li l-Milied għadu importanti.  Iva, proprju din il-belt li hija mimlija bi storja u universitajiet hija parti mill-kultura Ingliża.  Anzi hi, flimkien mal-belt rivali ta’ Cambridge jimpressjonawk kemm baqgħu bliet dedikati għall-istudju u għall-akkademja.  Kelli l-opportunità mmur tlett darbiet Oxford u kull darba sibtni ndur minn kulleġġ għall-ieħor nara u naħseb kemm bnedmin ħallew isem fl-istorja tat-tagħlim.

3.         Però l-kunsill lokali ta’ dan il-post deherlu li ma jkunx politikament korrett jekk jibqa’ jirreferi għal dan iż-żmien bħala Milied għax huwa wisq Nisrani.  Fl-għerf tagħhom, għax wieħed irid jammetti li numru ta’ drabi dawk li jaħsbu li huma għorrief jiżolqu fejn ma għandhomx, deherilhom li għandhom isemmu l-25 ta’ Diċembru u l-jiem ta’ wara bħala “Winter Light Festival”.  Mhux biss, imma ddikjaraw li qed jagħmlu dan għax kien hemm bliet u villaġġi oħra li fi snin preċedenti mxew f’dak l-isqaq.

4.         F’kelma waħda erġajna morna lura b’elfejn sena ta’ storja.  Fil-fatt, il-kelma “dawl” tfakkarna li fi żmien ir-Rumani kienet issir festa apposta fil-25 ta’ Diċembru.  Din kienet magħrufa bħala “Dies Natalis Solis Invicti”, li kienet ċelebrazzjoni pagana għax-xemx li ma tintrebaħx.  Di fatti hemm xi Santi Padri bħala San Ġwann Kriżostmu u Ċiprijanu li jirrimarkaw dan il-fatt.  Jgħidu kemm huwa provvidenzjali li Sidna Ġesù Kristu twieled fl-istess jum li niċċelebraw t-twelid tax-xemx.  Però ovvjament li tiċċelebra biss id-dawl, anzi aħjar “Winter Light” u tagħtiha preċedenza fuq dik tal-Milied hija biss pass regressiv.  Timxi l-quddiem id-dinja proprju fuq dan il-wirt Nisrani.  Meta tabbandunah, tmur lura.  Titlef l-imluħa tagħha.

5.         Għax il-Milied huwa ċelebrat illum f’ħafna partijiet tad-dinja proprju minħabba t-tradizzjonijiet u l-wirt Nisrani li beda fl-Ewropa u nfirex.  Hemm sustanza f’din iċ-ċelebrazzjoni daqshekk qawwija għax hija festa Nisranija.  Meta terġa’ tagħmilha pagana titlef kollox.  Li huwa ferm iktar interessanti f’din l-istorja li sabet ruħha f’numru ta’ ġurnali hu li sija l-President tal-Kunsill tal-Musulmani f’Oxford Sabir Hussain Mirza u Eli Bracknell, id-direttur ta’ l-Istitut ta’ l-Istudji Lhudi ma qablux.  It-tnejn li huma qablu li huwa żball li tneħħi l-kelma “Milied” għax qed titlef mis-sustanza taċ-ċelebrazzjoni.

6.                  Anzi kien iktar ċar Bracknell, għax qal hekk: “It’s important to maintain a traditional British Christmas.  Anything that waters down the traditional culture and Christianity in the UK is not positive for British identity.”  Dan fih ferm iktar x’wieħed jaħseb.  L-ironija ta’ din l-istorja hija proprju din: li dawk li ma humiex Insara ħarġu jiddefendu l-Milied b’iktar piż u saħħa minn dawk li huma.  Anzi dawk li bidluha, meta ġew ikkritikati ddefendew irwieħhom billi qalu li xorta ser ikun hemm siġra tal-Milied imżejna u allura ma kienx hemm il-bżonn li wieħed jilminta, li għalija kien iktar interessanti.  Dan proprju għax hemm awturi li jorbtu din is-siġra man-nies mill-Persja.  Kienu dawn li kienu jżejnu siġra magħrufa bħala “Sarve” proprju fil-festa tat-twelid tax-xemx mal-alla falz tagħhom Mithra, adurat ukoll f’Ruma, kif Papa Ljun kien jaf.

7.         Dan kollu fih iktar x’wieħed japprezza meta jqis li t-tradizzjoni taċ-ċelebrazzjonijiet tal-jum tal-Milied f’pajjiżna daħal iktar bl-influenza Ingliża, speċjalment wara t-Tieni Gwerra Dinjija.  Għax huwa magħruf li ħafna Maltin kienu jqisu l-veru festa fl-Għid il-Kbir.  U dan huwa iktar interessanti, għax proprju l-kultura li għadditilna din l-importanza għandha issa tmur lura minnha.  Il-Milied huwa parti mill-kultura tagħna llum mhux biss għax ilna niċċelebraw din il-festa iżda għax fiha sens sakemm hija marbuta mat-twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu.  Nittamaw li fil-belt importanti ta’ Oxford, il-festa tal-Milied terġa’ tieħu lura postha u l-arloġġ ma jeħodhiex lura elfejn sena iżda jħalluh sejjer 'il quddiem.

*Dan l-artikolu kien deher fin-Nazzjon fl-2009

Is-sanità tal-kitba*



1.       Tul din il-ġimgħa kelli x-xorti nsib il-ħin u nerġa’ nibda naqra ftit iktar mis-soltu.  Ġie f’idejja l-ktieb ta’ Mario Rigoni Stern bl-isem “Il sergente nella neve” (Is-surġent fis-silġ).  Fil-qosor, il-ktieb jirrakkonta dak li kellhom jgħaddu minnu diversi suldati Taljani li kienu fuq il-front Russu huma u jirtiraw lura lejn pajjiżhom.  Wara t-Tieni Gwerra Dinjija ġew pubblikati diversi kotba minn persuni li kienu sempliċi suldati, iżda li fl-esperjenza qarsa ta’ dak kollu li l-faxxiżmu sarraf, ħareġ fihom awturi li tieħu pjaċir taqrahom.  Kont naf u ċert li qrajt numru ta’ kotba ta’ oħrajn bħal Beppe Fenoglio li kiteb “Il Partigiano Johnny” jew Emilio Lussu li kiteb “Marcia su Roma e Dintorni” u “Un Anno sull’Alto Piano”, inkella Primo Levi, awtur ta’ “Se questo è un uomo”, biss ma kontx ċert li qrajt dan ta’ Rigoni Stern.  Għalhekk bi pjaċir dħalt għalih u qrajtu.

2.       Dan il-librett qanqalli ħafna ħsibijiet li, fil-verità, oriġinarjament Elio Vittorini (tal-magħrufa “Conversazioni in Sicilia” u “Uomini o no”) ma kienx proprju induna bil-potenzjal tiegħu.  Rigoni Stern twieled fil-belt ta’ Asiago fil-parti ta’ fuq tal-Italja fil-provinċja ta’ Vicenza, ħdejn Venezia.  Belt magħrufa sija għall-kwalità partikolari tal-ġobon tagħha, kif ukoll għall-battalja li ġiet kumbattuta hemm fl-Ewwel Gwerra Dinjija.  Ħa sehem attiv f’diversi kampanji militari li l-ġenn militari u politiku ta’ Benito Mussolini vvinta u li kienu kollha diżastru.  Biss, il-fatt li kien veteran xorta ma servihx fl-1943 meta, għax ġustament irrifjuta li jidħol fl-armata tar-Repubblika ta’ Salo, ġie mibgħut huwa wkoll f’kamp ta’ konċentrament apposta għall-priġunieri politiċi.  Fi tmiem il-gwerra, bl-avvanzata għal darb’oħra tal-armata Russa, spiċċa mexa lura lejn pajjiżu.  Mhux ċajta.

3.       Dan il-ktieb reġa’ fakkarni, bħalma għamlu oħrajn li semmejt hawn fuq, f’kemm bnedmin fl-Ewropa kellhom jgħaddu minn diffikultajiet verament inutili bil-ħolm bla sens ta’ żewġ persuni, li kienu Adolf Hitler u Benito Mussolini.  Il-ktieb jiddeskrivi sew u fid-dettalji umani ta’ dak kollu li kellhom jgħaddu diversi suldati huma u jirtiraw mill-gwerra fuq il-front Russu.  Għax għalkemm hemm min jista’ jimmaġina li hemm xi glorja jew trijonf, il-gwerer fir-realtà jġibu biss deni, vjolenza, mewt, tifrik u tneħħija ta’ kull dinjità umana.  Dawn il-kotba għandhom il-vantaġġ li jinqatgħu mill-kotba strettament u purament storiċi u jmorru direttament f’dak li huwa l-jum li kull suldat, kull bniedem, irid jiffaċċja.  Fil-kesħa Russa, fit-taħwid ta’ armata fl-irtirata, wieħed jista’ jmiss ir-reazzjonijiet u l-effetti negattivi fuq il-poplu, is-suldati ta’ żewġ fronti, tax-xeni ta’ bnedmin, persuni umani li f’mumenti jkunu ħajja, f’mumenti oħra jkunu maqtula, minxura mal-art jew imbiċċrin f’diversi biċċiet.  F’dan il-konflitt, f’dak li għadda minnu dan il-bniedem, sibt x’imkien li Rigoni Stern kien stqarr li l-akbar sodisfazzjon ta’ ħajtu kien dak li rnexxielu jieħu lura lejn pajjiżu l-ħamsin suldat kollha kemm huma.

4.       Nikteb iktar dan l-artikolu għax f’dawn il-jiem nibdew infakkru dak kollu li d-dinja u nkluż il-poplu Malti għaddejna minnu fit-traġedja umana tat-Tieni Gwerra Dinjija.  Diġà kkommemorajna l-attakki fuq Hiroshima u Nagasaki fil-Ġappun, daqt il-Konvoj ta’ Santa Marija u diversi mumenti oħra li fihom l-Ewropa u d-dinja sabu ruħhom fihom.  Li tiftakar u tfakkar għalija huwa verament importanti.  Importanti biex tfiehem x’sewwasew seħħ u mhux tgħaddi, f’din il-ġenerazzjoni li qegħda tgawdi l-paċi, xi forma ta’ leġġenda.

5.       Nikteb ukoll għax wieħed irid fuq kollox jagħmel il-punt ċar daqs il-kristall li l-faxxiżmu u n-nażiżmu lejn disastri jwasslu.  Min għadu jaħseb li kien hemm xi sens f’dawk il-manifesti politiċi tagħhom qiegħed jiżbalja bil-kbir.  Il-materjaliżmu, it-tneħħija ta’ kull forma ta’ dinjità umana, l-eloġji għal forom differenti ta’ makkjavelliżmu u l-mibgħeda razzjali huma kollha żbalji.  Bħalma huwa wkoll barra minn loku l-ħsieb li l-Istat għandu jiġi qabel il-persuna umana, drittijiet fundamentali tiegħu jew li, f’disprezz lejn id-dinjità tal-persuna umana, kull bniedem tista’ teħles minnu għax sostitwibbli.

6.       Rigoni Stern huwa parti minn ġenerazzjoni ta’ bnedmin li sofrew ħafna.  Kull bniedem jgħaddi minn xi forma ta’ diffikultà.  Fl-aħħar tal-jum, jekk ikun għadu ħaj, jagħraf li jkun tbaskat aħjar.  Ġie ssudat f’dak li jgħid u jaħseb.  Biss, dawk tat-Tieni Gwerra Dinjija tant raw atroċitajiet li ma kien faċli xejn għalihom li jiġu lura għall-ħajja normali.  Għas-sanità intellettwali, ta’ kull jum.  Mistoqsi għala kien kiteb dan il-ktieb jgħid li għamel dan sabiex iżomm lilu nnifsu milli jitlef is-sanità tiegħu.  Fil-kitba, u fit-triq li hija tieħdok, iżżommok għaddej tagħraf lilek innifsek u dak li int.  Għalhekk, il-letteratura mondjali hija fortunatament mimlija b’kotba tajbin, ta’ bnedmin li messew b’idejhom l-atroċitajiet tal-gwerra u ħallew warajhom dokument li jneħħi kull sbuħija li xi bniedem jista’ jara fiha.

 *Dan l-artikolu deher matul is-sajf fl-Illum.

Il-Milied ifisser verità u rispett




1.             Niċċelebraw il-Milied bil-qalb.  Il-festa hija waħda reliġjuża, mimlija b’għerf u b’sustanza.  Kull bniedem għandu jagħraf li f’dan il-jum niċċelebraw it-twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu.  Nagħmluh għax nagħrfu li minn dik il-ġurnata ‘l quddiem inbidlet l-istorja tad-dinja.  Inbidel il-mod ta’ kif il-persuna tħares lejn il-ħajja.  Inqaleb kollox ta’ taħt fuq.  Inbidel il-mudell ideali ta’ kif il-bniedem irid iħares lejn kif għandu jġib ruħu fis-soċjetà u fil-konfront tal-oħrajn.  L-ingredjenti tal-irġulija nbidlu f’direzzjonijiet ‘il bogħod mill-ħruxija, mill-mibgħeda, mill-għira.  Daħlet il-mara fil-post li għandu jkollha fis-soċjetà.  Ma baqgħetx ikkunsidrata bħala oġġett, iżda bħala persuna determinanti, li ma għandha xejn inqas minn raġel.  Saret rivoluzzjoni, riforma li minnha aħna nibqgħu ngawdu, ġaladarba nifhmuha.

2.             Ftit jiem ilu kien hemm il-kommemorazzjoni tal-ewwel sena mill-mewt ta’ Vaclav Havel.  Persuna li mmarkat il-bidla ġewwa l-istati li kienu parti mill-ħakma tal-komuniżmu Sovjetiku.  Intellettwal, poeta, awtur u promotur ta’ dikjarazzjoni importanti magħrufa bħala “Charter 77”.  Kien il-bniedem li sofra billi spiċċa arrestat, mitfugħ il-ħabs, sorveljat – f’kelma waħda: dissident.  Simbolu tar-reżistenza kontra l-immoralità, id-diżumanità, il-materjaliżmu u l-ħsieb li l-istat jirbaħ fuq il-bniedem.  Kif l-istudenti l-ewwel, u l-poplu wara fl-għaxart’ijiem bejn is-17 u s-27 ta’ Novembru 1989 waqqgħu r-reġim ta’ Gustav Husak, sab ruħu President.  L-ewwel ta’ dik li kienet iċ-Ċekoslovakkja u wara l-qasma taċ-Ċeki.  Kien il-bniedem tat-transizzjoni, imma fuq kollox kien il-bniedem li ġġieled għall-valuri fil-politika u fil-ħajja soċjo-ekonomika.

3.             Havel ma kienx imrobbi f’ambjent nisrani.  Ma twelidx u tgħammed, anzi mexa fost dawk li kienu parti mill-ateiżmu, minn dawk li kienu għamlu reliġjon miċ-ċaħda tal-verità tal-Eżistenza ta’ Sidna Ġesù Kristu, li però wasal għall-istess konklużjonijiet.  Quddiem il-ħruxija tal-politika tal-komuniżmu, tal-materjaliżmu storiku ħass li jrid iwieġeb il-kontra.  Kien hu li qal : « Against lies and hate oppose truth and love ».  Il-politika, il-viżjoni tal-ħajja li hija bbażata fuq il-prinċipju li m’għandux ikun hemm skrupli jew aġir ta’ attenzjoni, imma li kull fini jrid jintlaħaq bi kwalunkwe mod, hu afferma li hija żbaljata.  Il-bniedem Havel fehem li l-istat komunista kien mar lura u tilef kull avvanz li l-vantaġġ tal-kristjaneżmu kien ġieb.

4.             Għax Sidna Ġesù Kristu ġie biex jafferma li ebda soċjetà ma tista’ timxi ‘l quddiem jekk kemm-il darba ma tkunx bażata fuq il-verità u l-imħabba lejn il-proxxmu.  Ebda mexxej, ebda ħaddiem, ebda bniedem ma jista’ jagħmel il-ġid u s-sewwa jekk imur il-kontra ta’ dawn il-prinċipji.  Min jaħseb li għandu l-liċenzja li jaġixxi ħażin u bil-forza, mhux tar-raġuni imma ta’ kull forma ta’ poter, qiegħed fuq it-triq li twasslu għall-inkwiet.  Id-dinja hija mimlija b’eżempji ta’ persuni li ma semgħux u ma mxewx fid-direzzjoni li għaddielhom Sidna Ġesù Kristu u għamlu diżastru.  Hitler, Mussolini, Stalin, Lenin u diversi oħra, għax ħasbu li l-politiku ideali jrid ikun bla qalb u preparat jaġixxi kontra n-natura u s-sewwa ġiebu magħhom mewt, traġedji u distruzzjoni.  Jibqgħu eżempji ta’ dak li l-bniedem m’għandux ikun.

5.             Wara tant sekli, l-ġlieda għas-sewwa hemm tibqa’ u trid issir.  Mhux kull persuna però huwa lest li jidħol għaliha u, minflok, imur għall-banalità tal-ħażen.  Jabbanduna lilu nnifsu u jwassal lilu nnifsu fl-ardità.  Il-bniedem, f’kull pożizzjoni tal-ħajja tiegħu għandu jifhem li jrid jara li m’huwiex imur kontra l-messaġġ, il-prinċipji li Sidna Ġesù Kristu ġieb miegħu għalina lkoll f’jum il-Milied.  Min imur kontra l-verità u kontra r-rispett tal-bniedem, kull wieħed ġej minn fejn hu ġej, ikun qiegħed jitlef għalih innifsu.  Il-bniedem jikber fis-sustanza tiegħu, fil-kwalità tal-ħajja tiegħu meta jorbot lilu nnifsu ma’ dawn l-ankri.  Kif tabbandunahom, terġa’ tmur lura lejn dak li huwa antik u żbaljat u, fl-istess ħin, tispiċċa ssir dak li m’għandekx tkun.

6.       L-aħbar it-tajba hija hekk għax għaddiet lill-bniedem l-għodda, l-għerf u l-metodu ta’ kif għandu jersaq ‘il quddiem fil-ħajja tiegħu.  Anke f’din is-sena li waslet fl-aħħar u f’dik li ser tibda meta l-politika, jekk ma noqogħdux attendi ser issir oppressjoni, irridu nassiguraw li ma niżbaljawx fil-ħidma tagħna.  Ma nkunux il-promoturi tal-anti-politika, tal-anti-demokrazija u tal-materjaliżmu, iżda nkunu dawk li jkomplu jaħdmu għat-tajjeb, bil-bżonn li nfittxu l-ġustizzja.  Havel wasal fejn aħna għandna l-vantaġġ li naslu iktar qabel, sija għax m’aħniex ngħixu taħt il-komuniżmu, kif ukoll għax għandna ħajja r-reliġjon kattolika.  Dawn il-vantaġġi nqegħduhom għall-ġid ta’ kulħadd.  Nassiguraw li nwettqu s-sewwa billi niftakru li l-Milied ifisser verità u rispett.

Nawgura mill-qalb il-Milied it-Tajjeb lil qarrejja u b’mod speċjali lilek, Sur Editur u lill-ħaddiema tagħna kollha.


26.12.12

Il-Milied ġej




1.        Dan il-pajjiż għad għandu fi ħdanu tradizzjonijiet mill-isbaħ marbuta mal-jum meta niċċelebraw it-twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu.  Hemm l-aspett reliġjuż li għadu qawwi u miegħu qed jidħlu, biċċa biċċa u b’aktar saħħa wkoll, diversi attivitajiet ta’ solidarjetà li jagħmlu minn dan il-jum u dawn il-ġranet żmien mill-iktar speċjali. Il-poplu jħares ‘il quddiem għal dawn il-mumenti.  Iħares li jinġabar fiċ-ċelebrazzjonijiet speċjali tal-quddies ta’ filgħaxija, bil-priedka tat-tfajjel u bl-isbuħija tal-qari tal-profeti tat-Testment l-Antik u l-Vanġeli.  L-evanġelisti, li kollha jagħtu dimensjonijiet differenti, b’San Luqa li jagħti l-iktar dettalji u l-oħrajn li jimlew u jissudaw.  Poplu li jħares li jkollu l-ġabra fil-familja fl-ikliet li fihom in-nisa tad-dar, il-muturi interni u bieżla tagħna, juru l-aqwa abbiltajiet tagħhom.  Xorb tajjeb u ħelu itjeb li ma jkunx irid jonqos.  Mhux biss, imma kull familja tara kif tiġbor magħha lil dawk li taħseb li ser ikunu waħedhom inkella, jekk l-ispazju fuq il-mejda ma jippermettix, tieħu ħsieb li tipprovdilhom direttament.  Sena wara sena, dawn l-eventi umani jseħħu.  Ma’ kull tnax-il xahar però, inevitabilment, iċ-ċirkostanzi jinbidlu.

2.        Ħafna huma dawk fis-soċjetà tagħna li jagħrfu li, f’sena, jkunu għaddew minn ħafna.  Uħud mod, oħrajn mod ieħor.  Hemm min iħoss li tela’ ‘l fuq u hemm min jagħraf li, jiġri x’jiġri, jinsab miexi fi triq li ma jafx minn fejn se tgħaddih imma jaf fejn se tieħdu.  M’hemmx dubju li ħadd ma jista’, la jżomm l-arloġġ u wisq inqas l-eventi li l-ħajja tbaskatna fihom, volontarjament jew involontarjament.  Il-mard, l-isfortuni, il-mewt, it-tibdil fiċ-ċirkostanzi soċjali jew finanzjarji, kollha għandhom l-effetti tagħhom fuqna.  Biss, il-bniedem li jagħraf lilu nnifsu, li jifhem il-ħajja jaf li m’huwiex għal dejjem u wisq inqas huwa etern dak li għamel jew dak li ser jagħmel.  Anzi, għan-nisrani, il-ħajja fiha sens ikbar meta jżomm f’moħħu u f’qalbu li huwa qiegħed fid-dinja għall-eżamijiet.  Kull jum, kull mument ser isib quddiemu l-karta tal-eżami li jrid jiffaċċja u jgħaddi tajjeb minnha.  Uħud b’marki għolja, oħrajn b’inqas, però jaf li jrid ikompli għaddej jimxi ‘l quddiem, mingħajr ma jħares lura għax se jibqa’ jara provi oħra ġejjin.

3.        Illum iktar minn qatt qabel, il-bnedmin ta’ dawn il-gżejjer għandhom jagħrfu x’vantaġġ għandhom fir-reliġjon tagħhom, fil-wirt li din ħalliet fit-tessut u fil-ħajja soċjali tagħna.  Hemm sens u sustanza li jagħtu skop u direzzjoni.  Il-persuni li għandhom ix-xorti jgħixu fuq dawn it-tikek ta’ gżejjer jagħrfu, iktar u iktar, li għandna vantaġġi li ftit għandhom.  Għadna, fil-maġġoranza tagħna, bnedmin li nirrispettaw lil xulxin ferm iktar f’dawk li huma l-valuri ta’ kif għandna nġibu ruħna ma’ xulxin.  Hemm persuni li ma jaċċettawx li xi ħadd jista’, għal xi raġuni, f’xi settur tas-soċjetà jkun ġustifikat li jaġixxi b’mod żbaljat.  Ma naċċettawx atti kontra s-sewwa u l-ġustizzja.  Hemm riżentiment lejn dawk li jsawtu lil min huwa minn taħt.  Anzi, hija parti integrali mill-poplu Malti li, hu min hu, ħażin kemm hu ħażin, qatt ma jixraqlu li ħaddieħor jgħaddi minn fuqu.

4.        Hawn ideat, viżjoni tal-ħajja li ħaddieħor m’għandux.  Hawn sens ikbar ta’ dak li għandna niddefendu.  Inweġġgħu meta naraw dak li stati oħra għaddew, jew qegħdin jgħaddu minnu.  Il-kriżi finanzjarja wasslet għal ċerti sitwazzjonijiet.  Ġiebet miżerja għal dawk li ma ħaqqhomx.  Inħossu u rridu naraw kif ngħinu.  Ma nifhmux anqas kif ċerti pożizzjonijiet jiżviluppaw.  Kif nibqgħu naraw tfal jiġu maqtula fl-iskejjel tagħhom minn liġijiet li jippermettu li jinġarru l-armi tan-nar li joqtlu.  Ma naċċettawx li l-libertà għandha dawn it-tipi ta’ prezzijiet xi tħallas.  Mhux aċċettabbli għalina taħt ebda forma u ċirkostanza u issa, iktar minn qabel, nuru li ma nistgħux naqblu.  L-esperjenza fid-dinja hija varja u komplikata.  Jiddependi minna kif ngħixuha.

5.        It-trapass taż-żmien, anzi, jagħti aktar għarfien fil-ġranet tagħna lit-talba tal-Missierna.  Iktar ma wieħed javvanza, iktar jixħet piż fuq il-kliem: “Ikun li trid Int”.  Ripetizzjoni interna u esterna li tarak, kull darba, tieqaf tipprova tifhem.  Aktar snin jirċievu iktar piż mingħajr ma wieħed neċessarjament jifhem, salv li jaċċetta dejjem iktar li huma kliem li ma jifhimx biżżejjed.  Kliem li huma gwida għall-futur u, fl-istess ħin, aċċettazzjoni ta’ dak li jiġi għal dak li jkun mingħajr ma jagħrfu jekk mhux fil-mument li jseħħ.  U, f’dak il-ħin, irid jaċċetta li dak li seħħ ser jieħdu fit-triq li twasslu għas-sewwa.  Il-bniedem verament jifhem li huwa jipproponi, iżda min Ħalqu jiddisponi.  Din hija regola għal kull persuna umana.  Taf li iktar ma jdur l-arloġġ, aktar tkun trid dan isir.

6.        Il-Milied ġej fi żmien jumejn oħra.  Ġej għalina lkoll, biss jiddependi minna kemm ser inkunu effettivament ippreparati biex nieħdu l-aqwa ġid minn dak li ser immissu u ngħaddu minnu.  Ippreparati internament iktar milli esternament.  Aktar trid tal-ewwel milli tat-tieni.  Hemm impenn ikbar u iktar interessanti għax dak ta’ barra jsir ħafna drabi b’mod mekkaniku u ma jagħtix ir-riżultati li wieħed jistenna.  Il-Milied wasal.  Inkunu viġilanti aktar għas-sewwa, għall-ġustizzja u għall-messaġġ veru li wassal għalina Sidna Ġesù Kristu.  Iktar ma jsir dan, iktar tgħix ta’ bniedem fid-dinjità tiegħek u iktar tirrispetta dik tal-oħrajn.  Is-snin jgħaddu, aħna nkomplu mmissuhom, biss la għandna naqtgħu qalbna u wisq u wisq inqas naqtgħu lura mill-ħajja.  Nawgura, mill-qalb, il-Milied it-Tajjeb lil kulħadd.

23.12.12

Ġustinu, Dun Gorġ, l-Insara u l-Midja *




1.       Ħallejna warajna l-ġimgħa biċ-ċelebrazzjoni tal-qaddis Palestinjan San Ġustin Martri.  Għax l-1 ta’ Ġunju huwa l-jum fejn ta’ kull sena l-insara jiftakru fih.  Ġustinu tana wirt kbir ta’ għerf warajh.  Imwieled pagan, ikkonverta għar-reliġjon u baqa’ jeżerċita l-ħaġa li l-aktar ħabb – l-istudju tal-filosofija.  Fil-fatt fost kitbietu, li fortunatament għadhom għad-dispożizzjoni tagħna, huwa qabad il-filosofi ta’ qablu u analizzahom wieħed wieħed, punt punt.  Kitba ċara u li tixhed għall-għerf u l-moħħ ċar li kellu.  L-għan tiegħu kien u għadu interessanti – dak li jxandar il-konoxxenza tal-Kristjaneżmu fid-dawl tal-ħsieb li hija l-vera filosofija.

2.       F’waħda mill-aħjar kitbiet tiegħu magħrufa bħala “L-Ewwel Apoloġija” ndirizzata lill-Imperatur Antoninus Pius, uliedu u s-Senat Ruman, huwa jitlob li l-insara ma jibqgħux iktar ikkundannati għas-sempliċi fatt li jsejħu rwieħhom tali.  Jappella sabiex isir eżami preċiż, fil-fond u tajjeb ta’ dak li tfisser il-kelma.  Is-sistema ġudizzjarja kienet qegħda tikkundanna liċ-ċittadini Rumani tagħha mhux fuq is-sustanza ta’ ħsibijiethom, iżda sempliċement jekk jidentifikawx rwieħhom bħala nsara.  Ikkundannati għall-mewt għax identifikaw rwieħhom mod u mhux ieħor, u għalhekk sofrew il-martirju eluf ta’ innoċenti.  Ġustinu jirreżisti din il-linja politika bil-qawwa u jgħid lill-Imperatur: “Il-ġustizzja titlob li inti tqis u teżamina l-ħajja, sija ta’ min jiddikjara ruħu nisrani kif ukoll dak li le, sabiex minn imġiebtu tidher apparenti u ċara x’tip ta’ bniedem huwa.”

3.       L-argument ta’ Ġustinu jinżel iktar fil-fond meta jiddikjara li, kuntrarjament għal dak li ngħad fuqhom, it-tagħlim nisrani jitlob mill-bnedmin li jobdu l-awtorità ċivili.  Huwa jispjega b’mod mill-iktar ċar li l-insara huma ċittadini eżemplari, mgħallma sabiex jimxu mal-liġijiet u jikkomportaw rwieħhom tajjeb.  Mhux biss, anzi jinsisti li l-insara ġew mgħallma u għalhekk għandhom jagħtu lil Ċesri dak li hu ta’ Ċesri.  Ikompli jgħid lil Antoninus Pius: “Għalhekk lil Alla biss aħna naduraw, imma fi ħwejjeġ oħra nservuk b’ferħ, naċċettawk bħala re u ħakkiem tal-bnedmin, u nitolbok li teżerċita l-poter li għandek b’ġudizzju tajjeb.”

4.       Proprju fl-eqqel tas-saħħa ta’ l-Imperu Ruman, bnedmin bħal Ġustinu (li la kienu politiċi, la kienu suldati u lanqas xi uffiċjali ta’ l-Istat) waqfu bl-ideat tagħhom għall-poter materjali ta’ l-Istat.  Għamlu l-punt tagħhom ċar u ma beżgħux mill-forza fiżika ta’ ħaddieħor.  Sfidaw għas-sewwa.  Il-persekuzzjoni umana ta’ dawn l-ulied umli u intelliġenti ma għadniex nitkellmu dwarha għax għal xi wħud saru antikwati.  Għadda żmienha però rridu nammettu li preżentement għaddejja mewġa oħra u differenti ta’ persekuzzjoni.  Il-ħtija li tinxteħet, l-attakki u l-ostraċiżmu li jsiru fil-jiem moderni mill-midja sija fuq l-ideat insara kif ukoll fuq dawk li jħaddmuhom huma fl-ordni tal-ġurnata, sija direttament kif ukoll indirettament, ta’ xi wħud.

5.       L-imġieba u r-rettitudni morali bażata fuq filosofija tal-ħajja retta ta’ diversi persuni, illum il-ġurnata flok hija apprezzata hija disprezzata.  L-għażla bejn dak li huwa tajjeb u dak li huwa ħażin, bejn il-valuri u l-vizzji qegħda bil-mod il-mod tiġi mwarrba.  Flok iswed u abjad għandna griż biss.  Ma hemmx anqas ir-rispett lejn min għandu dawn l-ideat retti u li fuqhom bnejna l-bażi tal-kostituzzjonijiet Ewropej ma huwa kkunsidrat.  Kull min ma jaqbilx mad-divorzju, ma’ l-abort, ma’ l-ewtanasja, maż-żwiġijiet bejn nies ta’ l-istess sess huwa deklassat u identifikat bħala inadegwat għax nisrani.

6.       Dawn l-ideat ħaddnuhom ir-Rumani.  Nittama li kull min iħoss li għandu kultura qara kitbiet Wistin ta’ Ippona li dettaljatament jispjega liema huma r-raġunijiet tat-tmiem ta’ dik il-belt kbira.  Wistin janalizza b’mod sekulari u lajk għala d-drawwiet u liġijiet ħżiena ta’ Ruma ġibuha fit-tmiem.  Kien xhud tal-verità.  Għax it-toroq tal-virtù, meta ma timxix magħhom, ikollok konsegwenzi soċjalment ħżiena.  Konsegwenzi li tintebaħ bihom frott l-esperjenza umana li tfisser li l-effetti ħżiena jbatuhom iċ-ċittadini mhux min jgħallem.  Meta wieħed jibni struttura soċjali ta’ Stat - hu liema hu - fuq pedament li jinjora l-esperjenzi qarsa li l-umanità ġarrbet fis-sekli passati jkun qiegħed jikteb it-tmiem tiegħu.

7.       Illum pajjiżna qiegħed jieqaf iħares u jipparteċipa fiċ-ċerimonja tal-kanonizzazzjoni ta’ Dun Ġorġ Preca ġewwa l-Vatikan.  Dun Ġorġ kien bniedem qaddis, però kien hekk għax bena organizzazzjoni fuq ordni morali superjuri.  Flok skarta t-tagħlim li l-bnedmin li jidentifikaw rwieħhom bħala nsara ġabru tul is-sekli, bena fuqhom.  Ħa l-aħjar tagħhom u bl-umiltà tiegħu ħa ħsieb li jiżra żerriegħa li ma tistax tieqaf tagħti frott.  Bħal San Ġustinu ma beżax jgħid u jgħix ta’ nisrani sa’ l-inqas dettall.

8.       Ġustinu bata l-martirju għax ħaddan ideat ġodda, dawk insara mibnija l-kontra ta’ dak li l-paganiżmu kellu.  Il-persekuzzjoni ta’ l-insara wasslet għall-qtil ta’ diversi innoċenti.  Illum m’hemmx l-areni rumani, anqas il-qtil tal-bnedmin, però għaddejja forma ta’ persekuzzjoni differenti.  Waħda li twaqqa’ għaċ-ċajt u tipproċessa pubblikament min iħaddanhom.  Nittama li l-kanonizzazzjoni u l-eżempju ta’ ħajjet Dun Ġorġ Preca jibdlu l-affarijiet u jkun hemm apprezzament mill-ġdid ta’ xi tfisser li tkun u tgħix ta’ nisrani mill-midja.  Għax in-nisrani huwa hekk għax jibni ħajtu fuq il-verità u fit-tfittxija kontinwa tagħha.  Għalhekk l-insara huma ċittadini eżemplari però mhux dejjem apprezzati.

* Dan l-Artikolu kien deher fl-2007.

Parvulus natus est nobis. *




1.Dawn il-kliem ta Isajija (ix.6) mill-Bibbja ser nisimghuhom numru ta drabi tul dawn il-festi tal-Milied. It-twelid ta iben huwa diga mument mill-isbah fih innifisu ahseb u ara kemm fih aktar gmiel li dak t-tifel kellu jkun s-Salvatur tal-bniedem.  Bdejt b’dan ghax ma hemmx dubbju li l-eventi tal-hajja tal-lum mhux dejjem jhallu hin ghar-riflessjoni u gharfien ta kemm it-twelid ta Sidna Gesu Kristu fih sens. Mhux ser nipprova naghti spjegazzjoni jien semplicement nhajjar lilkom tipprovaw tidhlu aktar fil-fond f’kuncett spjegat fit-tul minn varji kittieba u qaddisin.

2.Dak l-iben li twieled elfejn sena ilu kiber u wettaq missjoni li nibqu niccelebraw. Izda ftit nindunaw li kull wild iehor jigi mahluq bi skop huwa ukoll. Minuri li jitlob l-protezzjoni taghna. Ghax L-Hallieq taghna, lkoll ghaddielna l-hajja ghar-raguni , sabiex nghixuha u ma nintilfuwhiex f’toroq zbaljati. Ghax sfortunatament irridu naccettaw li huwa l-bniedem stess li jhajjar lil hutu l-ohra jew lejn s-sewwa jew le l-kontra. Mhux biss imma  f’din l-eta r-responsabbilita taghna kibret iktar.

3. Il-mezzi ta komunikazzjoni huma mimlija messaggi miftuha. Ma hemm xejn li qieghed jxekkel l-ghajnejn jew il-widnejn sabiex jaraw u jisimghu dak li johrog minn dawk il-kaxex elettronici. Irridu naccettaw li ma ghandniex kontroll fuq dan u ghalhekk nafu diga li dak li jidher indirizzat lil udjenza adulta qedhin jarawh u javvelenaw ruhhom uliedna. Huwa diga ta velenu u mimli b’idejat kontra l-verita u l-hajja ghall-adulti huma min huma , bravi kemm huma bravi jew maturi kemm huma, immagina x’inhuma ghal dawk li nahsbu li billi nixtrulhom allura qed niehdu hsiebhom.

4.Tul dawn l-ahhar gimghat sibtni nirrifletti spiss fuq x’futur qed noffru lill-uliedna. Qisna sirna tant mohhna fl-aspett ekonomiku tal-hajja li qedhin noqtlu s-sabih taghha. Kollox sar marbut mal-flus, qishom il-kuxjenza jew l-pendli li jiddeterminaw l-ferh jew d-dwejjaq taghna. Uliedna jarawna u jqisuna. Qed nghaddulhom vizjoni stramba u mgerfxa ta dak li ser jsibu fi triqithom. Ghax anki jekk qed nipprovaw nzidu fil-kwalita tal-edukazzjoni taghna rridu ngharfu li hemm lezzjonijiet tal-hajja li hadd hlief l-genituri ma jistghu jghaddu.

5.It-twelid ta Sidna Gesu Kristu sab zewg genituri li ma kellhomx mohhom mimli bl-arja izda dedikati u preparati ghas-sagrificcji li t-trobbija ggib. San Gusepp ma kellux f’rasu li ser jqatta hajja ta ghass ghax kellu l-Iben li kellu. Anqas l-Vergni Marija ma qadet lura ghax hasbet li l-angli ser jiehdu hsieb l-kuri necessarji. T-tnejn kienu lesti li minghajr tgergir jew hafna qtuh il-qalb jaffrontaw t-tbaghtija tal-hajja. Ma kellhomx ghajnuna. Hadmu u qatu bi snienhom sabiex jaghtu futur lil Binhom.

6.Dak l-esempju ghadu haj u jibqa hekk fiz-zmien li gej. Ghax ghad hawn wisq ulied li jsibu ruhhom jinghataw lezzjonijiet zbaljati bil-kliem hazin, x-xeni ta vjolenza u sess li tarhom dehlin u hergin minn kollox. U dan apparti mill-ezempji snaturati ta liema mudelli ta hajja ghandhom jsegwu. Iva ghandna nammettu li ghad hawn wisq u wisq traskuragni ta dak li verament huwa ta gid ghalihom. Din il-gimgha li ghaddiet u ftahna dak li qed nsejhu l-bini tal-Qorti tal-Familja. Dahhalna fis-sehh ligi li qedha tibdel fid-direzzjoni t-tajba dan l-qasam ghall-bzonnijiet u l-esigenzi tal-mument. Fid-diskors li ktibt dehrli li ghandi nibda b’kelmtejn l-awtur russu Fyodor Dostoevsky li kien kiteb fl-1868 u li kienu dawn “I have always been struck by seeing how little grown-up people understand children, how little parents understand children , how little parents understand their children.”

7.Il-kliem ta dan il-kittieb jfakkruna u jghallmuna fl-istess hin li d-dinja ma tantx tat hafna prijorita lil dan is-suggett. Anzi numru ta awturi sibniehom johorgu b’idejat mill-iktar strambi fuq t-trobbija tal-ulied. Huwa biss dan l-ahhar li rajna passi konkreti. Passi li anki s-socjeta taghna bdiet tibbenefika minnhom.Bhal dik l-ligi li ghaddejna fost ta l-ewwel f’din il-legislatura sabiex jitwaqqaf l-ufficcju tal-Kummissarju ghat-Tfal. Mhux biss izda ppresentajna ukoll abbozz ta ligi li qieghed fil-bidu tad-diskussjoni li jipprova jaghti aktar dinjita u protezzjoni ghall-ulied li jitnisslu u jitwieldu barra r-rabta sabiha u qaddisa taz-zwieg.

8.It-tfal huma tfal u ma jahtux ghan-nuqqasijiet , sfortuni jew rresponsabbilita tal-genituri. Ahna bhala socjeta ghandna d-dmir li niehdu hsieb li naghtu kaz dak li ghaddejjin minnu uliedna kollha. Protezzjoni legali u attenzjoni lejn dawk li huma l-aspettativi u l-bzonnijiet taghhom. L-Kummissarju ghat-Tfal ser tkun determinati fis-snin li gejjin f’dan il-qasam. U irrid nirregistra b’ferh kbir li mhux biss giet maghzula izda li din waqghet fuq mara li ghandha sens kbir tal-valuri t-tajba. Ma ghandhiex toroq facli quddiemha. Ghax din s-socjeta li tghid li taghmel kollox ghat-tfal trid issa tigi wicc ma wicc ma dak li huwa verament kollox u hemm ser naraw tibdil , konflitti u ngharfu min huwa genwin u min le.

9.Diga fil-Qorti tal-Familja sibna xkiel minn persuni li ma konniex nippretenduha minnhom. Ahseb u ara mal-Kummissarju meta certi mizuri ser jfissru li jridu jsiru sagrificcji ekonomici u min jidher li huwa haga ser jinkixef li huwa precizament l-kontra. Ma hemmx dubbju li t-tajjeb jrid jissielet sabiex jzomm l-valuri tal-hajja u tas-sewwa anki kontra l-kurrenti kollha. L-Milied huwa l-jum li jfakkarna ukoll li twieled tifel li ulied l-hazen riedu jeqirdu dak iz-zmien u li d-dixxendenti taghhom ghadhom sal-lum jipprovaw jkissru l-messagg li huwa wassal.  Hemm ghazla li rridu naghmlu. Dik li tarana jew fuq nahha jew fuq ohra. Jew favur l-protezzjoni jew kontra l-futur tal-ulied taghna.

10.Ma ghandhiex dubbju fejn ser nara lilkom gheziez qarrejja. Nawguralkom l-Milied t-Tajjeb u nirringrazzjakom tal-kliem t-tajba li nsib minghandkom. Fl-ahhar kelma ghalik sur Editur u l-haddiema kollha ta dik l-istamperija tant ghaziza, awguri u grazzi tal-pacenzja. 

*Dan l-artikolu kien deher fl-2004

21.12.12

Nittamaw fil-Milied *


 

1.         Il-pajjiż tagħna għandu l-vantaġġ li hu mibni fuq pedamenti ta’ valuri nsara li għalkemm qed ikunu abbandunati, għadhom jeżistu fostna b’ċerta intensità. Il-ħajja frenetika ta’ kuljum, l-antagoniżmu politiku esaġerat, l-kilba għal iktar milli għandna bżonn, il-mutur velenuż tal-għira, kollha flimkien, ma’ diversi tikek oħra, jassiguraw fit-tnaqqis tat-tħaddim ta’ dan l-wirt tagħna. Jonqos dan kollu għax ma għadx għandna l-ħin, u iktar ma mmorru anqas qed naraw il-bżonn li nieqfu nirriflettu fil-ġurnata fuq dak li għaddejjin minnu. Ma għandniex fil-ħin tal-jum dik it-tieqa għall-arja biex nieqfu naqraw u neżerċitaw il-fakultajiet mentali tagħna lejn dak li jibdel il-kwalità tal-eżistenza tagħna.

2.         Għad li aħna issa f’pożizzjonijiet politiċi, soċjali u ekonomiċi vantaġġużi, ma għandniex biżżejjed fis-sistema tagħna l-għarfien li l-abbandun ta’ dawn il-valuri nsara ma jfissirx li ma hemmx oħrajn iridu jidħlu flokhom. L-anti-kristjaneżmu hu minnu nnifsu sostitut li jressaq ġabra ta’ ideat li minnhom infushom iwasslu lejn dak li hu l-materjaliżmu, kemm jekk storiku jew temporanju. Il-festa tal-Milied, li ġġib ħafna mid-dinja ekonomika biex tieqaf, għandha fiha nnifisha messaġġ dirett lejn kull bniedem li jibdel il-kwalità tal-ħajja tiegħu, mhux materjalment iżda internament – għal dak li hu fl-għarfien aqwa ta’ dik li ħija verament l-eżistenża umana.

3.         Is-saħħa ta’ din l-Aħbar it-Tajba ġejja mis-sens u s-sustanza li biha hi mibnija, però tiddependi dejjem minn kemm aħna lesti li nwassluha tajjeb u nagħrfuha f’ħajjitna. Dan jidher ċar mill-aġir żbaljat li s-soċjetà tara, speċjalment fid-divertiment f’dawn il-jiem. Ix-xorb żejjed, is-sewqan perikoluż li jinbet b’konsegwenża ta’ dawn l-ispirti, l-imġiba li titlef kull konsiderazzjoni ta’ responsabbiltà tarahom jerfgħu rashom. Dan, sfortunatament b’konsegwenzi xejn pjaċevoli la għal min ikun qiegħed iġib ruħu hekk, u lanqas għas-soċjetà nnifisha.

4.         F’dawn l-jiem, il-messaġġ f’moħħ numru ta’ ċittadini tagħna hu li għandhom il-libertà li jmorru l-kontra ta’ dak li l-moderazzjoni, is-sewwa u l-aġir responsabbli jitolbu. Wisq persuni jixorbu ferm iktar milli jifilħu, jitilfu d-dinjità tagħhom u jispiċċaw ħażin. L-għar ikun meta dawn, kif għedt diġà, wara jippruvaw isuqu. Għad għandna numru ta’ inċidenti tat-traffiku li ġejjin proprju minn dan. Il-messaġġ għandu jasal b’iktar saħħa minn qabel li s-sewqan minn dawk il-persuni li jixorbu iktar milli l-liġi tippermetti hu sogru żejjed għal ħajjithom, għal dawk li jirkbu magħhom, u għal dawk li jkunu għaddejjin fit-triq.

5.         Il-pjaċir ta’ dawn l-jiem ma għandux jintilef, iżda għandu jiġi ssudat f’dak li hu u mhux f’dak li ma għandux ikun. Dawn il-jiem nittama minn qalbi li aktar bnedmin jindunaw li l-irġulija, l-onestà, l-aġir responsabbli ġejjin minn kliem il-Ħallieq tagħna. Min jaħseb li l-vera eżistenza eżemplari għandha tkun il-kontra tal-valuri nsara, jiżbalja. Jitlef għalih innifsu u għall-oħrajn ta’ madwaru. Hemm bżonn li mhux biss inwasslu l-kelma t-tajba li nagħtu eżempju bl-imġiba tagħna f’dawn il-ġimgħat, imma nassigraw li nġorru dan magħna fis-sena kollha, ħalli din ma tkunx esperjenza iżolata, waħdanija, imma kontinwa.

6.         Nawgura l-Milied it-Tajjeb lill-qarrejja kollha ta’ din il-gazzetta, li issa ilni snin twal nikteb fiha kull nhar ta’ Ħadd, kif ukoll b’mod partikulari lilek, Sur Editur u n-nies tiegħek li tibqgħu kontinwament għaddejjin ġimgħa wara ġimgħa flimkien sabiex jasal il-messaġġ tagħna.

* Dan l-Artikolu deher fil-Mument tal-2008.

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...