30.12.12

Kodiċi tad-Dmirijiet




1.         Ħafna diskors marbut mat-trattati legali jitkellmu sija fuq drittijiet kif ukoll fuq dmirijiet.  Hemm bilanċ f’dan, però mhux dejjem il-liġijiet ikunu hekk.  Hemm, anzi, numru ta’ artikli legali li jħarsu biss lejn naħa waħda.  Mhux dejjem faċli li ġġib il-punt legali fuq l-istess livell.  Trid tidħol fil-proċess tal-affarijiet u tagħraf x’hemm fuq naħa tal-argument u x’hemm fuq in-naħa l-oħra.  Dan hu li jressaq iktar lejn il-valuri kardinali tal-ħajja, lejn dak li huwa ġust.

2.         Id-dinja kienet kapaċi ħafna sabiex tibni qafas legali ferm iktar avvanzat milli kellha qabel it-Tieni Gwerra Dinjija.  Id-dikjarazzjonijiet universali tad-drittijiet fundamentali li l-Ġnus Magħquda żviluppat u approvat huma fir-realtà reazzjoni kontra l-poter tal-Istat.  Il-kontroll li kien jiġi eżerċitat fuq il-bniedem ġie limitat konsiderevolment proprju b’dan il-proċess xejn faċli.  Minn dan, però, twieldu diversi dikjarazzjonijiet li sabu ruħhom fil-kostituzzjonijiet ta’ Stati varji.  Ġie għalhekk kompost kodiċi ta’ drittijiet u ma ġiex kontemplat wieħed ta’ dmirijiet.

3.         Din il-ġimgħa kellna persuna ta’ intelliġenza li għaddiet minn diversi mumenti diffiċli f’ħajjitha u li għalqet il-mitt sena.  Rita Levi-Montalcini, li twieldet fis-sena 1909 f’Turin, tewmija u Lhudija, għamlet isem għaliha fid-dinja medika.  Dan mhux biss minħabba r-riċerka li rnexxielha twettaq, iżda wkoll għax kienet sabet ruħha vittma tal-liġijiet razzjali li l-Gvern Faxxista fl-1938 kien ġieb fis-seħħ.  Illum, wara dawn is-snin kollha, hija u tħares lura rat dan bħala pass li wassalha fuq it-triq li qabdet f’ħajjitha.  Dan għax minn dik il-ġurnata li fiha ġiet eskluża milli tkompli taħdem fil-karriera akkademika li kienet qabdet fl-università hija sabet ruħha tistudja u tesperimenta f’darha.  L-ewwel pass kien fid-direzzjoni tal-ġenetika li bdiet permezz ta’ eżami akkurat tat-tkabbir tan-nervituri tal-bajd tat-tiġieġ.  Pass li wassal lejn bidla kbira.

4.         Levi-Montalcini hija għalhekk magħrufa sew fid-dinja tal-riċerka xjentifika, iktar u iktar wara li fl-1986, flimkien mal-kollaboratur tagħha Stanley Cohen, ingħatat il-Premju Nobel fil-Mediċina u l-Albert Lasker Award fir-riċerka medika.  Din il-persuna, diversi drabi ddikjarat li hemm bżonn li d-dinja tipprepara kodiċi li jittratta d-dmirijeit.  Kunċett ta’ ħsieb verament interessanti li jmur kontra l-kurrent ta’ dak li soltu wieħed jittratta.  Dan għax din il-bniedma qed tippromwovi ħsieb li hemm bżonn li nibnu kunċetti differenti fis-soċjetà moderna tagħna.

5.         Huwa barra mis-soltu għax jitlob kunċett ta’ ħsieb f’direzzjoni li ddaħħal lill-bniedem, speċjalment dak li ġej minn soċjetajiet moderni u demokratiċi, li jagħraf li għandu jibda jorbot lilu nnifsu mal-bżonn li jagħti lil ħaddieħor.  Il-vantaġġi ekonomiċi u soċjali li persuni għandhom f’soċjetajiet affluwenti huma kbar, ma hemmx dubju, għax huma hekk jibnu l-mentalità, il-kultura li dak li huwa dritt għandu jiġi użat, eżerċitat, mingħajr kunsiderazzjoni ta’ fatturi oħra.  Il-mentalità hija dik marbuta ma’ kunċetti egoistiċi.  Għandi dritt għal xi ħaġa, neħodha, u dan mingħajr kunsiderazzjoni tal-impatt tal-aġir tiegħi fuq persuni oħra, fuq dawk li m’għandhomx dak li għandi jien.

6.         Il-viżjoni li din il-mara, li għandha ħafna x’tirrakkonta, naħseb li timmerita li tiġi kkultivata iktar.  Għax hemm ir-realtà li l-Istati tal-lum qegħdin dejjem joħorġu b’kunċetti ta’ strutturi li fihom iċ-ċittadin qegħdin dejjem jikbrulu d-drittijiet, mingħajr ma nidħlu għall-proċess li ma jkunx tant popolari tal-kontra.  Il-mentalità hija dik, u huwa tajjeb li wieħed jaqbad triq li tagħti dimensjoni ferm iktar fonda.  Waħda li ġġib iktar responsabbiltà u iktar sens li fid-dinja, dawk li għandhom, għandhom fuqhom id-dmir sabiex jieħdu ħsieb lil dawk li għandhom inqas minnhom.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...