19.12.12

Viva l-valuri tal-Milied


1.         Ma nafx biżżejjed, però ma għandekx bżonn ħafna sabiex tiċċelebra l-festa tat-twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu.  Din hija l-verità u ma tridx ħafna snin ta’ studju għax l-esperjenza turik il-ħin kollu li din il-ġurnata ma trid kważi xejn.  Aħna l-bnedmin, bħas-soltu, nikkumplikaw id-dinja.  Nivvintaw li rridu nżidu kif u b’liema mod tiġi ċelebrata.  Iktar ikel, iktar xorb, iktar rigali, vjaġġi u sirna li rridu nonfqu, inkella ma għamilniex festa.

2.         Mhux ser noqgħod nitkellem fuq il-bżonn tal-konsum tax-xorb.  Dan tant huwa ċar u ovvju li ma nifhimx kif nibqgħu naħsbu li l-Milied huwa forma ta’ liċenzja.  Nistgħu nagħmlu dak li soltu matul is-sena ma nwettqux.  Li tistrieħ huwa tajjeb, li tiltaqa’ man-nies ukoll, imma li tabbuża fix-xejn ma jwassal għal imkien.  Il-pjaċir mhux neċessarjament huwa l-ispirtu li joħroġ mill-konsum, anzi proprju l-kontra.

3.         Drabi, anzi sfortunatament ħafna, nsib li aħna l-politiċi nintilfu u flok ngħaddu l-messaġġi t-tajba ningranaw irwieħna fil-kontra.  Inqisu xi traġedja jekk in-nies jonfqu inqas, jekk jieklu u jixorbu inqas.  Qisu l-fatt li ma għandniex poplu kollu li jfittex li jintilef f’mixja ta’ konsum u edoniżmu, sejrin f’xi direzzjoni żbaljata.  Il-valur tal-Milied mhuwiex qiegħed fl-infiq, anzi proprju l-kontra.

4.         Il-miġja ta’ Sidna Ġesù Kristu qegħda proprju f’dan: li huwa ġie biex ifakkarna li m’għandniex inħarsu lejn din id-dinja, iżda lejn is-sema pajjiżna.  Il-pajjiż tagħna huwa verament f’dinja oħra u huwa żball li wieħed jaħseb il-kontra.  Magħna ma nieħdux dan li għandna. Ma rnexxilhomx il-farawni u anqas ebda mexxej ieħor f’kemm ilha din id-dinja.  Huwa anzi assigurana li t-twelid u l-mewt tiegħU jindikaw b’mod mill-iktar ċar u qawwi li b’xejn ġie u b’xejn telaq.  Ma twelidx f’dar tas-sinjuri, anqas ma miet fil-glorja tar-renji tal-kuruni.

5.         Allura qed nitilfu l-valuri veri tal-Milied meta nitħajru għall-infiq bla sens u ninkwetaw lil xulxin li mhux qed ikun hemm dan.  Il-valur tal-faqar, kif ukoll dak li jagħraf li min għandu ġid materjali għandu d-dmir li jaqsam ma l-oħrajn jimxu id f’id.  L-atti ta’ ġenerożità, l-altruwiżmu, is-solidarjetà huma l-pedestalli li fuqhom it-twelid ta’ Sidna huwa mibni.  Hu, li ma kienx bniedem, iċċekken biex ħa s-sura ta’ persuna umana.  Hu, li ma kellux bżonn, niżel biex bis-sagrifiċċju tiegħu jifdina.

6.         Fid-diskors kollu tal-Festi tal-Milied mhux ħafna jagħtu każ dak reliġjuż.  Ftit huma dawk li jmorru għan-novena.  Ftit iktar dawk li jippruvaw jaqraw u jifhmu.  Għalhekk in-nuqqas ta’ għarfien, valutazzjoni u għarbiel ta’ dak kollu li l-Milied jirrappreżenta qiegħed jintilef.  Huma messaġġi oħra li qegħdin il-ħin kollu jokkupawlna l-moħħ u għalhekk anqas biss tiġina f’rasna li nikkontemplaw sew dak li verament dan il-jum huwa.  Huwa fil-fatt żball li nittama dejjem li sejrin f’xi mument nindunaw bih.  Għax l-aljenazzjoni li l-materjaliżmu jġib miegħu, l-oppju li qiegħed jingħata lill-poplu minn dan is-suppost “bżonn” qiegħed jeħodna 'l bogħod mit-triq li aħna għandna naqbdu.

7.         Il-bniedem jitlef mis-sens u l-iskop tal-ħajja proprju għax flok juża rasu jħalli lil ħaddieħor jużahielhu.  Il-manipulazzjoni kummerċjali ma għandniex iktar inħalluha tirbaħ fuq il-moħħ u l-qalb tal-persuna umana.  Aħna lkoll persuni ta’ rieda tajba u lkoll imsejħin għal triq li tagħtina l-ferħ u l-hena għax nifhmu li hemm skop li msejħin għalih.  Għalhekk, filwaqt li nittama li dawn il-festi jwasslu dan il-messaġġ b’saħħa iktar, inwassal l-awguri tiegħi lill-qarrejja kollha ta’ din il-gazzetta, lilek Sur Editur u lill-ħaddiema tagħna kollha.
 * Dan l-artikolu deher fil-Mument fl-2008.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...