21.12.12

Nittamaw fil-Milied *


 

1.         Il-pajjiż tagħna għandu l-vantaġġ li hu mibni fuq pedamenti ta’ valuri nsara li għalkemm qed ikunu abbandunati, għadhom jeżistu fostna b’ċerta intensità. Il-ħajja frenetika ta’ kuljum, l-antagoniżmu politiku esaġerat, l-kilba għal iktar milli għandna bżonn, il-mutur velenuż tal-għira, kollha flimkien, ma’ diversi tikek oħra, jassiguraw fit-tnaqqis tat-tħaddim ta’ dan l-wirt tagħna. Jonqos dan kollu għax ma għadx għandna l-ħin, u iktar ma mmorru anqas qed naraw il-bżonn li nieqfu nirriflettu fil-ġurnata fuq dak li għaddejjin minnu. Ma għandniex fil-ħin tal-jum dik it-tieqa għall-arja biex nieqfu naqraw u neżerċitaw il-fakultajiet mentali tagħna lejn dak li jibdel il-kwalità tal-eżistenza tagħna.

2.         Għad li aħna issa f’pożizzjonijiet politiċi, soċjali u ekonomiċi vantaġġużi, ma għandniex biżżejjed fis-sistema tagħna l-għarfien li l-abbandun ta’ dawn il-valuri nsara ma jfissirx li ma hemmx oħrajn iridu jidħlu flokhom. L-anti-kristjaneżmu hu minnu nnifsu sostitut li jressaq ġabra ta’ ideat li minnhom infushom iwasslu lejn dak li hu l-materjaliżmu, kemm jekk storiku jew temporanju. Il-festa tal-Milied, li ġġib ħafna mid-dinja ekonomika biex tieqaf, għandha fiha nnifisha messaġġ dirett lejn kull bniedem li jibdel il-kwalità tal-ħajja tiegħu, mhux materjalment iżda internament – għal dak li hu fl-għarfien aqwa ta’ dik li ħija verament l-eżistenża umana.

3.         Is-saħħa ta’ din l-Aħbar it-Tajba ġejja mis-sens u s-sustanza li biha hi mibnija, però tiddependi dejjem minn kemm aħna lesti li nwassluha tajjeb u nagħrfuha f’ħajjitna. Dan jidher ċar mill-aġir żbaljat li s-soċjetà tara, speċjalment fid-divertiment f’dawn il-jiem. Ix-xorb żejjed, is-sewqan perikoluż li jinbet b’konsegwenża ta’ dawn l-ispirti, l-imġiba li titlef kull konsiderazzjoni ta’ responsabbiltà tarahom jerfgħu rashom. Dan, sfortunatament b’konsegwenzi xejn pjaċevoli la għal min ikun qiegħed iġib ruħu hekk, u lanqas għas-soċjetà nnifisha.

4.         F’dawn l-jiem, il-messaġġ f’moħħ numru ta’ ċittadini tagħna hu li għandhom il-libertà li jmorru l-kontra ta’ dak li l-moderazzjoni, is-sewwa u l-aġir responsabbli jitolbu. Wisq persuni jixorbu ferm iktar milli jifilħu, jitilfu d-dinjità tagħhom u jispiċċaw ħażin. L-għar ikun meta dawn, kif għedt diġà, wara jippruvaw isuqu. Għad għandna numru ta’ inċidenti tat-traffiku li ġejjin proprju minn dan. Il-messaġġ għandu jasal b’iktar saħħa minn qabel li s-sewqan minn dawk il-persuni li jixorbu iktar milli l-liġi tippermetti hu sogru żejjed għal ħajjithom, għal dawk li jirkbu magħhom, u għal dawk li jkunu għaddejjin fit-triq.

5.         Il-pjaċir ta’ dawn l-jiem ma għandux jintilef, iżda għandu jiġi ssudat f’dak li hu u mhux f’dak li ma għandux ikun. Dawn il-jiem nittama minn qalbi li aktar bnedmin jindunaw li l-irġulija, l-onestà, l-aġir responsabbli ġejjin minn kliem il-Ħallieq tagħna. Min jaħseb li l-vera eżistenza eżemplari għandha tkun il-kontra tal-valuri nsara, jiżbalja. Jitlef għalih innifsu u għall-oħrajn ta’ madwaru. Hemm bżonn li mhux biss inwasslu l-kelma t-tajba li nagħtu eżempju bl-imġiba tagħna f’dawn il-ġimgħat, imma nassigraw li nġorru dan magħna fis-sena kollha, ħalli din ma tkunx esperjenza iżolata, waħdanija, imma kontinwa.

6.         Nawgura l-Milied it-Tajjeb lill-qarrejja kollha ta’ din il-gazzetta, li issa ilni snin twal nikteb fiha kull nhar ta’ Ħadd, kif ukoll b’mod partikulari lilek, Sur Editur u n-nies tiegħek li tibqgħu kontinwament għaddejjin ġimgħa wara ġimgħa flimkien sabiex jasal il-messaġġ tagħna.

* Dan l-Artikolu deher fil-Mument tal-2008.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...