27.12.12

L-ironija tal-Ħajja*




1.         Għadna kif għaddejna l-ġimgħatejn tal-festi tal-Milied.  Ngħidu x’ngħidu fuqna nfusna għadna soċjetà marbuta tajjeb.  Komunità ta’ bnedmin li jgħarfu li mingħajr l-għeruq Insara tagħna m’aħniex li aħna.  Għandna elf difett, inħobbu inmaqdru lilna nfusna u nitmaqdru, però fl-aħħar mill-aħħar Insara aħna u hekk nerġgħu naffermaw irwieħna.  Il-bnedmin f’din il-ġżira jistgħu jagħtu iktar jew inqas importanza lit-tradizzjonijiet, il-funzjonijiet kollha.  Jistgħu jaraw li għandhom iktar jiddevertu.  Biss, dur dur issib li hemm sens f’dawn il-jiem għax huma marbuta mal-Milied.

2.         Għalina dawn il-jiem huma ta’ valur, imma mhux kulħadd fil-dinja Ewropea għadu jaħseb hekk.  Ngħid dan għax qrajt li l-kunsill lokali tal-belt Ingliża ta’ Oxford ma baqgħetx taħseb li l-Milied għadu importanti.  Iva, proprju din il-belt li hija mimlija bi storja u universitajiet hija parti mill-kultura Ingliża.  Anzi hi, flimkien mal-belt rivali ta’ Cambridge jimpressjonawk kemm baqgħu bliet dedikati għall-istudju u għall-akkademja.  Kelli l-opportunità mmur tlett darbiet Oxford u kull darba sibtni ndur minn kulleġġ għall-ieħor nara u naħseb kemm bnedmin ħallew isem fl-istorja tat-tagħlim.

3.         Però l-kunsill lokali ta’ dan il-post deherlu li ma jkunx politikament korrett jekk jibqa’ jirreferi għal dan iż-żmien bħala Milied għax huwa wisq Nisrani.  Fl-għerf tagħhom, għax wieħed irid jammetti li numru ta’ drabi dawk li jaħsbu li huma għorrief jiżolqu fejn ma għandhomx, deherilhom li għandhom isemmu l-25 ta’ Diċembru u l-jiem ta’ wara bħala “Winter Light Festival”.  Mhux biss, imma ddikjaraw li qed jagħmlu dan għax kien hemm bliet u villaġġi oħra li fi snin preċedenti mxew f’dak l-isqaq.

4.         F’kelma waħda erġajna morna lura b’elfejn sena ta’ storja.  Fil-fatt, il-kelma “dawl” tfakkarna li fi żmien ir-Rumani kienet issir festa apposta fil-25 ta’ Diċembru.  Din kienet magħrufa bħala “Dies Natalis Solis Invicti”, li kienet ċelebrazzjoni pagana għax-xemx li ma tintrebaħx.  Di fatti hemm xi Santi Padri bħala San Ġwann Kriżostmu u Ċiprijanu li jirrimarkaw dan il-fatt.  Jgħidu kemm huwa provvidenzjali li Sidna Ġesù Kristu twieled fl-istess jum li niċċelebraw t-twelid tax-xemx.  Però ovvjament li tiċċelebra biss id-dawl, anzi aħjar “Winter Light” u tagħtiha preċedenza fuq dik tal-Milied hija biss pass regressiv.  Timxi l-quddiem id-dinja proprju fuq dan il-wirt Nisrani.  Meta tabbandunah, tmur lura.  Titlef l-imluħa tagħha.

5.         Għax il-Milied huwa ċelebrat illum f’ħafna partijiet tad-dinja proprju minħabba t-tradizzjonijiet u l-wirt Nisrani li beda fl-Ewropa u nfirex.  Hemm sustanza f’din iċ-ċelebrazzjoni daqshekk qawwija għax hija festa Nisranija.  Meta terġa’ tagħmilha pagana titlef kollox.  Li huwa ferm iktar interessanti f’din l-istorja li sabet ruħha f’numru ta’ ġurnali hu li sija l-President tal-Kunsill tal-Musulmani f’Oxford Sabir Hussain Mirza u Eli Bracknell, id-direttur ta’ l-Istitut ta’ l-Istudji Lhudi ma qablux.  It-tnejn li huma qablu li huwa żball li tneħħi l-kelma “Milied” għax qed titlef mis-sustanza taċ-ċelebrazzjoni.

6.                  Anzi kien iktar ċar Bracknell, għax qal hekk: “It’s important to maintain a traditional British Christmas.  Anything that waters down the traditional culture and Christianity in the UK is not positive for British identity.”  Dan fih ferm iktar x’wieħed jaħseb.  L-ironija ta’ din l-istorja hija proprju din: li dawk li ma humiex Insara ħarġu jiddefendu l-Milied b’iktar piż u saħħa minn dawk li huma.  Anzi dawk li bidluha, meta ġew ikkritikati ddefendew irwieħhom billi qalu li xorta ser ikun hemm siġra tal-Milied imżejna u allura ma kienx hemm il-bżonn li wieħed jilminta, li għalija kien iktar interessanti.  Dan proprju għax hemm awturi li jorbtu din is-siġra man-nies mill-Persja.  Kienu dawn li kienu jżejnu siġra magħrufa bħala “Sarve” proprju fil-festa tat-twelid tax-xemx mal-alla falz tagħhom Mithra, adurat ukoll f’Ruma, kif Papa Ljun kien jaf.

7.         Dan kollu fih iktar x’wieħed japprezza meta jqis li t-tradizzjoni taċ-ċelebrazzjonijiet tal-jum tal-Milied f’pajjiżna daħal iktar bl-influenza Ingliża, speċjalment wara t-Tieni Gwerra Dinjija.  Għax huwa magħruf li ħafna Maltin kienu jqisu l-veru festa fl-Għid il-Kbir.  U dan huwa iktar interessanti, għax proprju l-kultura li għadditilna din l-importanza għandha issa tmur lura minnha.  Il-Milied huwa parti mill-kultura tagħna llum mhux biss għax ilna niċċelebraw din il-festa iżda għax fiha sens sakemm hija marbuta mat-twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu.  Nittamaw li fil-belt importanti ta’ Oxford, il-festa tal-Milied terġa’ tieħu lura postha u l-arloġġ ma jeħodhiex lura elfejn sena iżda jħalluh sejjer 'il quddiem.

*Dan l-artikolu kien deher fin-Nazzjon fl-2009

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...