16.12.12

Il-kontribut letterarju ta’ nannuwi




1.         Ma kellix ix-xorti li nsir naf lin-nannu u lin-nanna tiegħi min-naħa ta’ missieri.  Kienu diġà msejħa għall-glorja tal-ħajja ta’ dejjem qabel twelidt.  Trabbejt però fil-memorja ħajja tagħhom it-tnejn fid-dar ta’ Bormla, fejn kienu jgħixu u rabbew lil uliedhom it-tnejn.  Missieri Ugo u zijuwi Giuseppe kibru u kienu mrobbija fl-ambjent li dik id-dar kienet tagħti.  Bid-diffikultajiet ta’ omm li riedet tmexxi familja, teduka ’l-ulied, b’raġel li kien sofra minn mard li ma ħallieħx jaħdem jew jiċċaqlaq fil-kumplikazzjonijiet materjali u soċjali ta’ pajjiż ħiereġ mit-Tieni Gwerra dinjija.  Kull kamra, kull ġebla ta’ dik id-dar kienu jitkellmu u jwasslu l-messaġġ ċar li kienu raw ħafna b’għajnejhom.  Ambjent li influwenza direttament lili u lil ħuti.

2.         Għadni niftakar tajjeb però lill-bużnanna Carm min-naħa ta’ omm missieri u lit-tlett zijiet Ginnie, Connie u Nellie, li kienu ħut in-nanna Maria, mart ”Il-Gross”.  Kienu lkoll karattri ħelwin.  Ċajtiera, mimlijin ħbieb u rakkonti varji.  Meta konna niltaqgħu magħhom kienu jibdew jirrakkuntaw fuq x’jagħmel in-nannu. Dak li kien u dak li sarraf għal ħajjithom kont inħossu jiġi trasmess dirett lili.  L-istejjer varji kienu jgħaddulek ’il-bniedem bħallikieku għadu ħaj.  Ir-rakkonti ma kienux jonqsu.  Dawk ta’ qabel il-gwerra, fil-politika u fil-professjoni u dawk matul il-jiem li qattgħu Għawdex, ir-Rabat.  Għandi lista twila tagħhom li ngħożż.  Nannuwi kien bniedem ġeneruż, intelliġentissimu, kapaċi, b’viżjoni fit-tul u ma kienx ibati minn ebda forma ta’ preġudizzju u wisq u wisq inqas kien iżomm għal min kien ikun naqsu.

3.         Kelli wkoll xorti li nsir naf liz-ziju Wenzu, ħu l-Gross, u martu z-zija Kitty.  Hemm kelli aktar dożi qawwija ta’ xhieda ta’ dak kollu li l-aħwa kienu għaddew flimkien.  Tad-diffikultajiet tat-trobbija u ta’ kif kienet Bormla qabel il-gwerra, u wara.  Kienu jittrasmettu l-ħin kollu mħabba għall-bniedem, għall-ħajja u fuq kollox, dejjem bi tbissima sabiħa għall-avversitajiet.  Niftakar dejjem b’għożża tlett appuntamenti importanti magħhom.  L-ewwel, f’Awissu, meta konna niltaqgħu lkoll sabiex niċċelebraw quddies għal ruħ in-nanniet.  It-tieni, il-Festa tal-Kunċizzjoni, fejn konna ninġabru għal tas-sebgħa jew tat-tmienja.  It-tielet, f’lejlet l-Għid il-Kbir, meta konna mmorru għand iz-ziju Wenzu, il-Ħamrun.  Kull darba ma kont niddejjaq xejn, anzi kont nisma’ u nitgħallem.

4.         Fid-dar, għalhekk, kont inħossni qiegħed ngħix parti minn din il-memorja.  L-ewwel, fl-aspett soċjali tal-Gross.  Ir-ritratti varji tiegħu.  Fuq kollox, nofs il-librerija li kien bena hu.  Kull ktieb li kont naqbad, kont inħossni qiegħed nerġa’ ningħaqad miegħu.  Il-firma tiegħu fuq quddiem, xi sinjal ta’ enfasi f’paġna partikolari u, fuq kollox però, l-għażla ta’ dak il-ktieb biex ikun sab ruħu magħżul minnu fuq l-iskafef twal tiegħu.  Kien jaf xi jrid, u mingħajr ma kont irrid, kont nista’ nara l-proċess intern tiegħu.  L-iżvilupp ta’ ideat u l-ftuħ mill-iktar liberu għal dak kollu li kien qiegħed imexxi ’l bniedem fuq quddiem.  Ma kienx b’xi mod moħħu magħluq, anzi, spirtu mill-iktar liberu.

5.         Ħajtu ma kenitx twila.  Anzi, kien ċar li fil-ftit żmien li għex kien ħadem ħafna, stinka u qara ferm iktar milli wieħed jista’ jaħseb.  In-nannu għalhekk, ta’ ħmistax-il sena sirt nafu aħjar mill-kotba u mill-kitba tiegħu.  Il-poeżiji kienu influwenzawni sew.  Wara, id-diversi diskorsi li għamel u l-kitbiet letterarji li kiteb.  Abbiltà kbira għar-riċerka u preċiżjoni diretta fl-identifikazzjoni ta’ dak li huma t-tibdiliet u l-kuntrasti fil-ħsieb.  George Bernard Shaw kien iktar u iktar jolqotni, bl-ideat u l-kotba li kien jirrappreżenta.  Għamilt analiżi iktar qawwija meta bdejt naqra d-diskorsi politiċi tiegħu.  Iktar u iktar meta qrajt il-kapitolu li Eric Shepherd kien iddedikalu f’”Malta and Me”.  M’hemmx dubju li kien ċar li l-bniedem kien mimli b’tant valur u kontenut li, però, ma tanx kien magħruf jew konsidrat.

6.         Meta kont qajjimt dan is-suġġett ma’ missieri kien qalli li kellu l-ħolma li jiġbor l-aspett letterarju u jippubblikah f’daqqa.  Kien ipprova diversi drabi jasal għal dan u ħija Anton kien ġabarlu ħafna poeżiji u ppreparalu ħafna materjal.  Biss, kien dejjem jonqos biċċiet oħra u fil-frattemp tinqala’ xi ħaġa ġdida.  Iktar ma għadda ż-żmien, iktar f’dawn l-aħħar snin, kibret id-determinazzjoni tiegħu u ta’ zijuwi li dan jirnexxi u jseħħ.  Fl-aħħar sar eżerċizzju verament tajjeb li, permezz tiegħu, inġabar kollox.  Diversi persuni ħadu sehem u taw minn qalbhom biex dan il-ktieb jara d-dawl.  Issa, għall-ewwel darba, hemm dan il-ktieb li permezz tiegħu l-pajjiż għandu għad-dispożizzjoni tiegħu l-wirt letterarju ta’ Carmelo Mifsud Bonnici, “Il-Gross”.  Bdiet issir ġustizzja ma’ min ta ħafna u ma ġiex ikkunsidrat biżżejjed għal dak li wettaq. 

1 comment:

https://www.facebook.com/ibezzina1 said...

Ghalkemm lanqas jien ma lhaqtu haj imma nista nghid milli qrajt s'issa li mhux ta' b'xejn il-Familja Mifsud Bonnici hi dik li hi llum. Nies ta' valuri, rispett, u integrita` li ma jzommuhomx biss ESKLUSSIVI ghalihom imma jghadduhom lil bnedmin ta' rieda tajba. Grazzi tal-valuri li minn mindu kont zghir ghaddejtuli.

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...