Showing posts with label Carmelo Mifsud Bonnici. Show all posts
Showing posts with label Carmelo Mifsud Bonnici. Show all posts

21.1.26

MINN HEMM FUQ

1. Matul il-ġimgħa fakkarna mument storiku. Dak li seħħ mitt sena ilu, meta żewġ partiti politiċi attivi sew f’pajjiżna, ingħaqdu. Dawk tal-Unione Politica Maltese u tal-Partit Demokratiku Nazzjonalista ġew f’daqqa nhar is-16 ta’ Jannar 1926. Minn hemm, dawk li bażikament kellhom l-istess ideat ġew jaħdmu taħt l-istess programm u ideali. Ġew reġistrati żewġ direzzjonijiet: l-ewwel, il-ħsieb li pajjiżna għandu jkun indipendenti; u t-tieni, dak ta’ programm soċjali bażat fuq id-duttrina soċjali l-iktar avvanzata tal-Knisja Kattolika. Kienu jafu x’inhuma jagħmlu. Kienu bnedmin ta’ kultura klassika, mimlijin b’esperjenza politika u integrata f’għajnejn il-poplu. Bnedmin li ħadmu ħafna u ppreparaw it-triq sabiex dan isir.

Meta nsemmu

2. Fil-politika mhuwiex faċli li tilħaq ftehim, iktar u iktar meta f’mumenti kien hemm diġà żewġ partiti jikkompetu elettoralment kontra xulxin. Meta nsemmu persuni bħal Sir Ugo Mifsud, Nerik Mizzi u Carmelo Mifsud Bonnici nifhmu li sar ħafna minnhom. Tnejn kienu kapijiet. Nannuwi kien is-Segretarju Ġenerali tal-Partit. Taw kollox għall-ideal politiku li kienu jemmnu fih. Wieħed intenzjonat sabiex il-poplu kien jista’ jingħata futur aqwa mill-preżent li kellu. Ma stagħnewx. Ġew attakkati u avversati, ħafna drabi inutilment. Però mietu bl-unur tagħhom intatt u f’postu. Imdawrin bi bnedmin li kienu kburin li kienu magħhom, li vvutawlhom u li bkewhom. Illum ninsabu hawn proprju mertu ta’ dan kollu.

Jista’

3. F’dan jitressaq l-argument li għal diversi li tul dawn il-mitt sena ġew fil-kuntatt mal-Partit Nazzjonalista, dan fisser ħafna affarijiet differenti. Però, meta ġie f’daqqa, kien ċar ħafna x’jirrappreżenta. Ma kienx partit tal-professjonisti. Anqas tal-estremisti. Wisq inqas ta’ reazzjonarji tal-lemin. Kien ta’ dawk li kienu kapaċi jħarsu b’serenità u attenzjoni lejn dak li kien għaddej u kif setgħu jħarsu ’l quddiem. Fil-moderazzjoni, mingħajr ma jonqos iż-żelu politiku sabiex wieħed jibdel. Jibdel, jirriforma u jintroduċi diversi miżuri soċjali. Kien dan il-Partit li kompla jibni fuq Stat Soċjali attent għall-kurrenti li kienu għaddejja. Kif ukoll kienu tweġiba għal dak li diversi movimenti politiċi oħra kellhom. Affrontaw il-kritika tas-Soċjaliżmu, tal-Komuniżmu, tal-Liberaliżmu u rreżistew il-Faxxiżmu u n-Nażiżmu.

Wirt storiku

4. F’dan għaddewlna wirt storiku doppju. L-ewwel, lil pajjiżna direttament. L-Indipendenza u d-dħul ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari. Iżda mhux biss. Minn ħdanu ħarġu diversi bnedmin li servew b’ideat ġodda u li kellhom il-kuraġġ li jieħdu toroq li oħrajn beżgħu jterrqu jew li baqgħu lura minnhom. F’kull perjodu f’dawn il-mitt sena li l-Partit jew kien fil-Gvern, inkella fl-Oppożizzjoni, kien ippreparat iservi. Proprju f’dan hemm it-tieni punt: dak li jixħet ir-responsabbiltà xejn faċli fuq dawk li huma deputati jew uffiċjali biex ikomplu għaddejjin bil-ħidma tagħhom illum. Biex ikomplu jibnu u jħarsu ’l quddiem sabiex il-Partit jibqa’ kredibbli, rilevanti u determinanti.

’Il quddiem

5. F’dan iktar, għalhekk, il-politika li rridu nkomplu nġorru b’intelliġenza tiddependi mhux mill-effimeru, imma mis-serjetà. Diversi bnedmin li għandhom id-dritt tal-vot għażlu l-Partit l-iktar għax kien dak li huwa dritt, serju u li taf fejn huwa sejjer. Seta’ kien hemm dgħjufijiet umani fl-imperfezzjoni normali, imma l-fatt jibqa’ li oġġettivament u mingħajr preġudizzji, wieħed jaċċetta li ġieb diversi kunsensi. Biss il-kunsens elettorali jiġi minn programm ċar u li wieħed ikun verament jemmen fih. Wieħed bażat fuq ideat ispirati mill-prinċipji Demokratiċi Nsara tagħna. Meta dan ma jseħħx, wieħed jibqa’ fejn hu.

Viżjoni

6. Il-Partit Nazzjonalista twaqqaf bi skop ċar. Għandu direzzjoni partikolari tiegħu bħala partit tal-massa. F’dan għandu l-melħ partikolari tiegħu. Meta dan jintilef, jiġi skartat jew mixħut ’il barra, jitlef l-effettività tiegħu. Ta’ dan kollu, m’hemmx ħlief lezzjonijiet passati. L-elezzjonijiet jintrebħu l-iktar għax tkun dak li verament il-poplu jistenna li tkun f’dan kollu. F’dan il-mument partikolari xejn faċli u mimli bi sfidi wieħed irid iħares li jipproteġi l-pedamenti sabiex ikun rilevanti u kredibbli. F’dan hemm sejħa politika li l-poplu qiegħed jitlob mingħandna. Hija okkażjoni unika li m’għandhiex tintilef. Waħda li titlob professjonalità, integrità u serjetà. Ideat, ħsieb veru marbut mar-realtà li qed ngħixu llum. F’dan, fuq il-Partit Nazzjonalista hemm ir-responsabbiltà li jassigura li jwettaq dan kollu sabiex issir il-bidla f’dawn il-gżejjer.

Dak li huwa l-Partit

7. F’dan ċert li dawk li kienu hemm mitt sena ilu, dawk li ġew iservu wara u li m’għadhomx magħna, qegħdin iħarsu lejna. Jaraw dak li nwettqu u fejn sejrin. Jittamaw li dan il-proġett politiku tagħhom jibqa’ għaddej, u fl-istess ħin jibqa’ jkun effettiv. Għandna dmir lejhom, u naħseb li minn hemm fuq nett qed iħarsu b’qalb kbira u tjubija. Inħarsu ’l quddiem biex inkomplu nservu sewwa sakemm nistgħu, u fl-istess ħin ma nittradux lil dawk li għandhom qed iħarsu lejna minn hemm fuq.

16.12.12

Il-kontribut letterarju ta’ nannuwi




1.         Ma kellix ix-xorti li nsir naf lin-nannu u lin-nanna tiegħi min-naħa ta’ missieri.  Kienu diġà msejħa għall-glorja tal-ħajja ta’ dejjem qabel twelidt.  Trabbejt però fil-memorja ħajja tagħhom it-tnejn fid-dar ta’ Bormla, fejn kienu jgħixu u rabbew lil uliedhom it-tnejn.  Missieri Ugo u zijuwi Giuseppe kibru u kienu mrobbija fl-ambjent li dik id-dar kienet tagħti.  Bid-diffikultajiet ta’ omm li riedet tmexxi familja, teduka ’l-ulied, b’raġel li kien sofra minn mard li ma ħallieħx jaħdem jew jiċċaqlaq fil-kumplikazzjonijiet materjali u soċjali ta’ pajjiż ħiereġ mit-Tieni Gwerra dinjija.  Kull kamra, kull ġebla ta’ dik id-dar kienu jitkellmu u jwasslu l-messaġġ ċar li kienu raw ħafna b’għajnejhom.  Ambjent li influwenza direttament lili u lil ħuti.

2.         Għadni niftakar tajjeb però lill-bużnanna Carm min-naħa ta’ omm missieri u lit-tlett zijiet Ginnie, Connie u Nellie, li kienu ħut in-nanna Maria, mart ”Il-Gross”.  Kienu lkoll karattri ħelwin.  Ċajtiera, mimlijin ħbieb u rakkonti varji.  Meta konna niltaqgħu magħhom kienu jibdew jirrakkuntaw fuq x’jagħmel in-nannu. Dak li kien u dak li sarraf għal ħajjithom kont inħossu jiġi trasmess dirett lili.  L-istejjer varji kienu jgħaddulek ’il-bniedem bħallikieku għadu ħaj.  Ir-rakkonti ma kienux jonqsu.  Dawk ta’ qabel il-gwerra, fil-politika u fil-professjoni u dawk matul il-jiem li qattgħu Għawdex, ir-Rabat.  Għandi lista twila tagħhom li ngħożż.  Nannuwi kien bniedem ġeneruż, intelliġentissimu, kapaċi, b’viżjoni fit-tul u ma kienx ibati minn ebda forma ta’ preġudizzju u wisq u wisq inqas kien iżomm għal min kien ikun naqsu.

3.         Kelli wkoll xorti li nsir naf liz-ziju Wenzu, ħu l-Gross, u martu z-zija Kitty.  Hemm kelli aktar dożi qawwija ta’ xhieda ta’ dak kollu li l-aħwa kienu għaddew flimkien.  Tad-diffikultajiet tat-trobbija u ta’ kif kienet Bormla qabel il-gwerra, u wara.  Kienu jittrasmettu l-ħin kollu mħabba għall-bniedem, għall-ħajja u fuq kollox, dejjem bi tbissima sabiħa għall-avversitajiet.  Niftakar dejjem b’għożża tlett appuntamenti importanti magħhom.  L-ewwel, f’Awissu, meta konna niltaqgħu lkoll sabiex niċċelebraw quddies għal ruħ in-nanniet.  It-tieni, il-Festa tal-Kunċizzjoni, fejn konna ninġabru għal tas-sebgħa jew tat-tmienja.  It-tielet, f’lejlet l-Għid il-Kbir, meta konna mmorru għand iz-ziju Wenzu, il-Ħamrun.  Kull darba ma kont niddejjaq xejn, anzi kont nisma’ u nitgħallem.

4.         Fid-dar, għalhekk, kont inħossni qiegħed ngħix parti minn din il-memorja.  L-ewwel, fl-aspett soċjali tal-Gross.  Ir-ritratti varji tiegħu.  Fuq kollox, nofs il-librerija li kien bena hu.  Kull ktieb li kont naqbad, kont inħossni qiegħed nerġa’ ningħaqad miegħu.  Il-firma tiegħu fuq quddiem, xi sinjal ta’ enfasi f’paġna partikolari u, fuq kollox però, l-għażla ta’ dak il-ktieb biex ikun sab ruħu magħżul minnu fuq l-iskafef twal tiegħu.  Kien jaf xi jrid, u mingħajr ma kont irrid, kont nista’ nara l-proċess intern tiegħu.  L-iżvilupp ta’ ideat u l-ftuħ mill-iktar liberu għal dak kollu li kien qiegħed imexxi ’l bniedem fuq quddiem.  Ma kienx b’xi mod moħħu magħluq, anzi, spirtu mill-iktar liberu.

5.         Ħajtu ma kenitx twila.  Anzi, kien ċar li fil-ftit żmien li għex kien ħadem ħafna, stinka u qara ferm iktar milli wieħed jista’ jaħseb.  In-nannu għalhekk, ta’ ħmistax-il sena sirt nafu aħjar mill-kotba u mill-kitba tiegħu.  Il-poeżiji kienu influwenzawni sew.  Wara, id-diversi diskorsi li għamel u l-kitbiet letterarji li kiteb.  Abbiltà kbira għar-riċerka u preċiżjoni diretta fl-identifikazzjoni ta’ dak li huma t-tibdiliet u l-kuntrasti fil-ħsieb.  George Bernard Shaw kien iktar u iktar jolqotni, bl-ideat u l-kotba li kien jirrappreżenta.  Għamilt analiżi iktar qawwija meta bdejt naqra d-diskorsi politiċi tiegħu.  Iktar u iktar meta qrajt il-kapitolu li Eric Shepherd kien iddedikalu f’”Malta and Me”.  M’hemmx dubju li kien ċar li l-bniedem kien mimli b’tant valur u kontenut li, però, ma tanx kien magħruf jew konsidrat.

6.         Meta kont qajjimt dan is-suġġett ma’ missieri kien qalli li kellu l-ħolma li jiġbor l-aspett letterarju u jippubblikah f’daqqa.  Kien ipprova diversi drabi jasal għal dan u ħija Anton kien ġabarlu ħafna poeżiji u ppreparalu ħafna materjal.  Biss, kien dejjem jonqos biċċiet oħra u fil-frattemp tinqala’ xi ħaġa ġdida.  Iktar ma għadda ż-żmien, iktar f’dawn l-aħħar snin, kibret id-determinazzjoni tiegħu u ta’ zijuwi li dan jirnexxi u jseħħ.  Fl-aħħar sar eżerċizzju verament tajjeb li, permezz tiegħu, inġabar kollox.  Diversi persuni ħadu sehem u taw minn qalbhom biex dan il-ktieb jara d-dawl.  Issa, għall-ewwel darba, hemm dan il-ktieb li permezz tiegħu l-pajjiż għandu għad-dispożizzjoni tiegħu l-wirt letterarju ta’ Carmelo Mifsud Bonnici, “Il-Gross”.  Bdiet issir ġustizzja ma’ min ta ħafna u ma ġiex ikkunsidrat biżżejjed għal dak li wettaq. 

KANA

1. Wieħed mill-aktar angoli interessanti tat-Testment il-Ġdid huwa li t-tagħlim ma huwiex wieħed għarwien. Imdaħħal bħal xi preċetti jew avv...