17.12.12

Kwistjoni ta Principju.



 

1.         Dak li ġara l-bieraħ (il-gimgha) huwa eżempju ta’ kif m’għandekx taġixxi fil-politika.  Id-deċiżjoni żbaljata li ħa xi ħadd fil-Partit Laburista hija tant gravi li, żgur mhux forsi, ser ikollha effett fuq l-elettorat Malti u Għawdxi.  Dak l-elettorat li huwa moderat iħares ‘il quddiem u kapaċi jgħarbel dak li huwa għaddej.  Meta partit, flok jassoċja ruħu mar-raġuni jassoċja ruħu mal-kontra, ikun qiegħed jitlef mill-forom ta’ kredenzjali li jista’ jkollu.  F’kelma waħda: għidli ma’ min tagħmilha u ngħidlek x’int.  Il-kumpannija li tkossok komdu magħha, kif ħassejtek hekk u tivvota magħha darbtejn kontra s-sewwa, titkellem waħedha għalik.

 

2.         Ngħid dan għax din kienet ġimgħa mqanqla sew.  L-imġieba żbaljata ta’ ċerti membri tal-Ġudikatura reġgħet ġibdet l-attenzjoni tal-pajjiż.  Il-ħidma kordinata tal-forza tal-ordni ħarġet ir-riżultati tagħha fil-beraħ.  Ħaqqha għal darb’oħra prosit.  Kien ikun żball politiku oħxon li kieku l-Gvern sema’ minn min irid li l-awtorizzazzjoni għat-tapping tat-telefonati ma jsirx, kif qed isir, mill-Prim Ministru imma minn xi membru tal-Ġudikatura.  Għax nafu li, sfortunatament, hemm min hu kapaċi jibqa’ jżomm id-dinjità u l-pożizzjoni, u hemm min le.  It-tentazzjonijiet jiġu fuq kull persuna.  Biss, dawk li għandhom il-poter demokratiku fil-Ġudikatura, fil-Leġislattiv u fl-Eżekuttiv jafu li huma f’mira aqwa.  Nittama li dawk li b’xi mod ħadu għalihom fil-passat għax żammejt din il-linja fil-ħidma tiegħi, jifhmu iktar.

 

3.         L-istituzzjonijiet demokratiċi f’pajjiżna, fil-maġġoranza tagħhom, huma tajba u m’għandhomx bżonn ta’ riformi radikali jew faxxisti.  Iridu jiġu mħaddma kif suppost u rfinati, mhux imħarbta.  L-aġir ta’ persuna fl-istituzzjonijiet, anke fil-Ġudikatura, għandhom ikunu dejjem demokratiċi.  F’isem il-poplu u mhux b’xi forma ta’ dritt divin jew dittatorjali.  Fejn kull persuna tifhem li hija għodda għat-tħaddim tal-liġi, u għalhekk marbuta mal-liġi, sija fil-kelma tagħħha kif ukoll fl-ispirtu.  Għamilt diversi sforzi sabiex dan il-messaġġ jasal u ktibt numru ta’ artikoli f’kemm ilni nirrappreżenta lill-poplu, proprju għax nara li kull persuna tifhem li hija strument tal-liġi sabiex tamministra l-ġustizzja.

 

4.         Minkejja dak li seħħ, jibqa’ jkolli fiduċja fil-maġġoranza tal-membri tal-Ġudikatura.  Ikun żball jekk naslu għal xi konklużjoni kuntrarja.  Hemm ħafna bnedmin ta’ rieda tajba, li jaħdmu ħafna, li huma onesti u li jżommu posthom u jamministraw il-ġustizzja kif jixirqilha.  Kont naf dan meta kont fl-Eżekuttiv, u kkonfermajtu ferm iktar issa li qiegħed lura fil-professjoni.  Biss, hemm bżonn makkinarju intern ħafna iktar b’saħħtu li bih il-Ġudikatura twettaq dixxiplina interna fuqha nfisha.  Korrezzjonijiet fil-bidu għax hemm diġà dan il-poter intern.  Għad hemm eżempji ta’ min jibqa’ jġib ruħu ħażin.  Għalhekk hemm bżonn ta’ ħidma ulterjuri, imma li hija bis-sens, u mhux sempliċement reazzjonarja.

 

5.         Hemm żewġ toroq li ppruvajt nutilizza: f’waħda rnexxieli u fit-tieni sibt ostakoli varji minkejja l-isforzi differenti tiegħi.  Dan, l-ewwel, billi tissoda iktar il-poter intern tal-Prim Imħallef, li kont diġà wettaqt b’passi kbar fl-2007.  Biss, għalija, hemm lok għal iktar issudar.  Sfortunatament, għar-raġunijiet tagħha, l-Oppożizzjoni tul din il-leġislatura tkellmet diversi drabi li hija tant kontra dawn il-poteri, u li anzi, trid tneħħihom.  Kull Qorti Ewropea għaddiet minn dan il-proċess għall-aħjar u li jrid ikompli jsir.  It-tieni, li sija fil-Kummissjoni tal-Amministrazzjoni nfisha, kif ukoll barra, ikun hemm qbil kostituzzjonali neċessarju għal tibdil.  Min qiegħed involut fil-Kummissjoni u fil-Ġudikatura jrid jifhem li dawn il-linji huma inevitabbli u jridu jkunu huma promoturi u parti minnhom.

 

6.         Il-pajjiż tagħna huwa wieħed demokratiku fejn hemm is-saltna tad-dritt.  Kull persuna hija suġġett għal dan u ħadd ma jista’, b’xi mod, jaħrab minnha.  Fl-aħħar mill-aħħar, hija kwistjoni ta’ prinċipju.  Kif kien qal John F. Kennedy: “Our country is founded on the principle that observance of the law is the eternal safeguard of liberty and defiance of the law is the surest road to tyranny.”  Aħna, bħala demokristjani, dejjem nemmnu fil-bniedem, fid-djalogu bħala strument li jwassal għal deċiżjonijiet tajba u bnejna Stat li l-liġijiet tiegħu jirrispettaw din il-linja.  Ma nistgħux naqblu, għalhekk, ma’ min irid jimponi bil-forza fuq l-oħrajn u min huwa segwaċi tal-lemin estrem.  L-inċidenti ta’ dawn il-jiem juru dejjem iktar kemm il-Partit Nazzjonalista baqa’ wieħed moderat, progressiv u verament demokratiku, li lest li jaħdem għas-sewwa u l-ġustizzja.  Kif għidt: hija fl-aħħar mill-aħħar, kwistjoni ta’ prinċipju.

 

 

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...