27.12.12

Il-Milied ifisser verità u rispett




1.             Niċċelebraw il-Milied bil-qalb.  Il-festa hija waħda reliġjuża, mimlija b’għerf u b’sustanza.  Kull bniedem għandu jagħraf li f’dan il-jum niċċelebraw it-twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu.  Nagħmluh għax nagħrfu li minn dik il-ġurnata ‘l quddiem inbidlet l-istorja tad-dinja.  Inbidel il-mod ta’ kif il-persuna tħares lejn il-ħajja.  Inqaleb kollox ta’ taħt fuq.  Inbidel il-mudell ideali ta’ kif il-bniedem irid iħares lejn kif għandu jġib ruħu fis-soċjetà u fil-konfront tal-oħrajn.  L-ingredjenti tal-irġulija nbidlu f’direzzjonijiet ‘il bogħod mill-ħruxija, mill-mibgħeda, mill-għira.  Daħlet il-mara fil-post li għandu jkollha fis-soċjetà.  Ma baqgħetx ikkunsidrata bħala oġġett, iżda bħala persuna determinanti, li ma għandha xejn inqas minn raġel.  Saret rivoluzzjoni, riforma li minnha aħna nibqgħu ngawdu, ġaladarba nifhmuha.

2.             Ftit jiem ilu kien hemm il-kommemorazzjoni tal-ewwel sena mill-mewt ta’ Vaclav Havel.  Persuna li mmarkat il-bidla ġewwa l-istati li kienu parti mill-ħakma tal-komuniżmu Sovjetiku.  Intellettwal, poeta, awtur u promotur ta’ dikjarazzjoni importanti magħrufa bħala “Charter 77”.  Kien il-bniedem li sofra billi spiċċa arrestat, mitfugħ il-ħabs, sorveljat – f’kelma waħda: dissident.  Simbolu tar-reżistenza kontra l-immoralità, id-diżumanità, il-materjaliżmu u l-ħsieb li l-istat jirbaħ fuq il-bniedem.  Kif l-istudenti l-ewwel, u l-poplu wara fl-għaxart’ijiem bejn is-17 u s-27 ta’ Novembru 1989 waqqgħu r-reġim ta’ Gustav Husak, sab ruħu President.  L-ewwel ta’ dik li kienet iċ-Ċekoslovakkja u wara l-qasma taċ-Ċeki.  Kien il-bniedem tat-transizzjoni, imma fuq kollox kien il-bniedem li ġġieled għall-valuri fil-politika u fil-ħajja soċjo-ekonomika.

3.             Havel ma kienx imrobbi f’ambjent nisrani.  Ma twelidx u tgħammed, anzi mexa fost dawk li kienu parti mill-ateiżmu, minn dawk li kienu għamlu reliġjon miċ-ċaħda tal-verità tal-Eżistenza ta’ Sidna Ġesù Kristu, li però wasal għall-istess konklużjonijiet.  Quddiem il-ħruxija tal-politika tal-komuniżmu, tal-materjaliżmu storiku ħass li jrid iwieġeb il-kontra.  Kien hu li qal : « Against lies and hate oppose truth and love ».  Il-politika, il-viżjoni tal-ħajja li hija bbażata fuq il-prinċipju li m’għandux ikun hemm skrupli jew aġir ta’ attenzjoni, imma li kull fini jrid jintlaħaq bi kwalunkwe mod, hu afferma li hija żbaljata.  Il-bniedem Havel fehem li l-istat komunista kien mar lura u tilef kull avvanz li l-vantaġġ tal-kristjaneżmu kien ġieb.

4.             Għax Sidna Ġesù Kristu ġie biex jafferma li ebda soċjetà ma tista’ timxi ‘l quddiem jekk kemm-il darba ma tkunx bażata fuq il-verità u l-imħabba lejn il-proxxmu.  Ebda mexxej, ebda ħaddiem, ebda bniedem ma jista’ jagħmel il-ġid u s-sewwa jekk imur il-kontra ta’ dawn il-prinċipji.  Min jaħseb li għandu l-liċenzja li jaġixxi ħażin u bil-forza, mhux tar-raġuni imma ta’ kull forma ta’ poter, qiegħed fuq it-triq li twasslu għall-inkwiet.  Id-dinja hija mimlija b’eżempji ta’ persuni li ma semgħux u ma mxewx fid-direzzjoni li għaddielhom Sidna Ġesù Kristu u għamlu diżastru.  Hitler, Mussolini, Stalin, Lenin u diversi oħra, għax ħasbu li l-politiku ideali jrid ikun bla qalb u preparat jaġixxi kontra n-natura u s-sewwa ġiebu magħhom mewt, traġedji u distruzzjoni.  Jibqgħu eżempji ta’ dak li l-bniedem m’għandux ikun.

5.             Wara tant sekli, l-ġlieda għas-sewwa hemm tibqa’ u trid issir.  Mhux kull persuna però huwa lest li jidħol għaliha u, minflok, imur għall-banalità tal-ħażen.  Jabbanduna lilu nnifsu u jwassal lilu nnifsu fl-ardità.  Il-bniedem, f’kull pożizzjoni tal-ħajja tiegħu għandu jifhem li jrid jara li m’huwiex imur kontra l-messaġġ, il-prinċipji li Sidna Ġesù Kristu ġieb miegħu għalina lkoll f’jum il-Milied.  Min imur kontra l-verità u kontra r-rispett tal-bniedem, kull wieħed ġej minn fejn hu ġej, ikun qiegħed jitlef għalih innifsu.  Il-bniedem jikber fis-sustanza tiegħu, fil-kwalità tal-ħajja tiegħu meta jorbot lilu nnifsu ma’ dawn l-ankri.  Kif tabbandunahom, terġa’ tmur lura lejn dak li huwa antik u żbaljat u, fl-istess ħin, tispiċċa ssir dak li m’għandekx tkun.

6.       L-aħbar it-tajba hija hekk għax għaddiet lill-bniedem l-għodda, l-għerf u l-metodu ta’ kif għandu jersaq ‘il quddiem fil-ħajja tiegħu.  Anke f’din is-sena li waslet fl-aħħar u f’dik li ser tibda meta l-politika, jekk ma noqogħdux attendi ser issir oppressjoni, irridu nassiguraw li ma niżbaljawx fil-ħidma tagħna.  Ma nkunux il-promoturi tal-anti-politika, tal-anti-demokrazija u tal-materjaliżmu, iżda nkunu dawk li jkomplu jaħdmu għat-tajjeb, bil-bżonn li nfittxu l-ġustizzja.  Havel wasal fejn aħna għandna l-vantaġġ li naslu iktar qabel, sija għax m’aħniex ngħixu taħt il-komuniżmu, kif ukoll għax għandna ħajja r-reliġjon kattolika.  Dawn il-vantaġġi nqegħduhom għall-ġid ta’ kulħadd.  Nassiguraw li nwettqu s-sewwa billi niftakru li l-Milied ifisser verità u rispett.

Nawgura mill-qalb il-Milied it-Tajjeb lil qarrejja u b’mod speċjali lilek, Sur Editur u lill-ħaddiema tagħna kollha.


No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...