22.12.11

Għaddew tletin sena

1.    Ma rrid inweġġa’ lil ħadd, imma xtaqt sempliċement inressaq għar-riflessjoni ftit punti.  Konsiderazzjonijiet li jitwieldu minn rikorrenza, anniversarju, sejjaħlu li trid, li għadda mingħajr ma ġie mfakkar.  Fit-12 ta’ Diċembru 1981 kien hemm elezzjoni ġenerali li r-riżultat tagħha serva f’diversi effetti li qasmu, u f’ċertu sens għadhom sal-ġurnata tal-lum, jaqsmu lis-soċjetà Maltija.  F’dik l-elezzjoni, bis-sistema elettorali li kellna, rajna dak li kien qiegħed jiġi previst li jseħħ mingħajr ma ħadd fehem sewwasew il-portata ta’ dak ir-riżultat.

2.    F’dak il-jum, it-tibdil politikament organizzat tad-distretti elettorali, ġieb il-konsegwenza li l-partiti ġiebu siġġijiet parlamentari li ma rriflettewx il-vot popolari.  Il-Partit Nazzjonalista, mmexxi għall-ewwel darba mill-Kap il-ġdid tiegħu Eddie Fenech Adami, kien ġieb 114,113 voti, rappreżentanti 50.9% però kellu 31 siġġu – li kienu jirriflettu 48.5%.  Il-Partit Laburista ġieb 109,990 vot, jiġifieri 49.1% u minflok 34 siġġu, li kienu jammontaw għal 51.5%.  Il-kobba kienet imħabbla minn qabel.  Minkejja d-diversi protesti li kien hemm mill-Oppożizzjoni, il-Gvern baqa’ ma tax widen.  Kollox seta’ jiġi solvut, biss kien hemm wisq ostinazzjoni.

3.    Ir-ras iebsa kienet f’żewġ mumenti. L-ewwel, qabel l-elezzjoni ġenerali fejn il-Partit Nazzjonalista kien diġà pprova jibdel l-affarijiet għal riżultat elettorali ġust, però la l-Kummissjoni Elettorali u wisq inqas il-Gvern ma semgħu.  Kieku d-distretti kienu allinejati aħjar dak ir-riżultat ma kienx iseħħ.  It-tieni, wara l-elezzjoni ġenerali.  Hemm il-pożizzjoni ma kinetx irreversibbli.  Kieku l-Partit Laburista għaraf dak li seħħ, ikkoreġa d-distretti u reġa’ mar għall-elezzjoni, l-pożizzjoni kienet tkun differenti.  Differenti f’żewġ direzzjonijiet: l-ewwel, fit-tħaddim korrett tad-demokrazija u għalhekk li stajna naħirbu minn dak kollu li seħħ wara; u t-tieni, li nemmen li kieku reġgħet saret l-elezzjoni, l-Partit Laburista kien ikollu opportunità ikbar li jieħu lura l-poter b’mod leġittimu.

4.    Id-deċiżjonijiet żbaljati li ttieħdu kkumplikaw, u flok waqfu, komplew iktar ħabblu l-kobba waħda u sew.  Il-konsegwenza kienet ċara u ovvja.  Il-Partit Nazzjonalista ma kellu ebda alternattiva ħlief li jaħdem sabiex il-maġġoranza popolari tiġi trasformata f’waħda parlamentari.  Is-snin ta’ wara, mill-1981 sal-1987 - ħames snin u ħames xhur ta’ leġislatura – kienu l-ikreh fl-istorja demokratika tagħna.  Ħadd ma jista’ b’xi mod jiċħad li kien żball politiku kbir li ġie kommess mill-Partit Laburista ta’ dak iż-żmien.  Ħadd ma jista’ jgħid li l-affarijiet marru għall-aħjar għax marru verament għall-agħar.

5.    Dawk iż-żminijiet issarrfu f’dell politiku li l-Partit Laburista baqa’ jġorr miegħu.  Diversi persuni jaraw lil dak il-partit bħala wieħed li għandu passat fejn ma tantx kien demokratiku fl-aġir tiegħu.  Ma jafdawhx proprju għax raw, u terġa’ wħud għadhom jaraw, dan l-element preżenti.  Il-ħsara lill-Partit Laburista u lill-pajjiż, f’ħafna sens dehret irreparabbli.  Għax il-pajjiż, quddiem dan l-eżempju żbaljat u quddiem id-diffikultajiet evidenti li ħarġu, ma kienx qiegħed javvanza, la soċjalment u wisq u wisq inqas ekonomikament.  Dawk is-snin hemm bżonn li jkun hemm trapass ikbar tal-eventi biex jintesew mill-memorja kollettiva.

6.    Dan għax dawk is-snin wasslu għal konflitti politiċi kbar.  Mobilizzazzjoni popolari kostanti li wasslet lil diversi familji jinqasmu, in-nies jiġu identifikati u jbatu.  Kienu jiem meta l-libertà tal-espressjoni kienet impossibbli.  Nies jibżgħu jitkellmu, jibżgħu jixtru l-gazzetti, jibżgħu jieħdu sehem u jridu jgħixu ma’ dak li ma jridux.  Sfortunatament tgħaddi minn dawk il-mumenti, jibqgħu miegħek u tibqa’ ġġorrhom.  Il-pajjiż kien viċin dittatura, kien viċin reġimi komunisti varji, kien qiegħed ma’ kull ġurnata jibża’ li l-folja ma setgħetx tinbidel.  Kemm kien hemm sitwazzjonijiet iebsa u tal-biża’ jgħarfu dawk li ġarrbu u dawk li għexu dawk iż-żminijiet.

7.    Għaddew verament tletin sena u hemm dejjem lok ta’ riflessjoni politika.  Importanti żgur li s-sistema demokratika tagħna tibqa’, kif inhija llum, aċċettata bħala valur li m’għandniex innaqqsu milli nkabbru.  Il-mekkaniżmi li daħħal il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern qed jassiguraw sitwazzjoni li hija diffiċli li mmorru lura minnha.  Biss, il-lezzjoni prinċipali tibqa’ dik li min qiegħed fil-poter għandu jkollu ġewwa fih mhux biss is-sens imma l-konvinzjoni li li d-demokrazija hija għodda indispensabbli.  Dan huwa d-dmir ta’ kull partit politiku f’pajjiżna – li jżomm u jassigura sabiex dan il-poplu jibqa’ javvanza.

21.12.11

Il-ġid tal-medjazzjoni – tmien snin wara

Dan l-artikolu deher fil-ġurnal in-Nazzjon nhar il-Ġimgħa 16 ta' Diċembru 2011

1.    Illum il-ġurnata, ix-xenarju legali f’pajjiżna nbidel sew minn dak li kien ftit tas-snin ilu.  Saru diversi riformi ġewwa l-Qorti, li nbdew b’determinazzjoni u b’kuraġġ mill-Ministru Austin Gatt u li jien ippruvajt inkompli warajh.  F’dawn is-snin saru tibdiliet kostanti fil-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili li permezz tagħhom tħaffu l-kawżi u naqsu dawk li kienu pendenti.  Dan sar prinċiparjament bl-introduzzjoni ta’ ġurisdizzjoni aqwa għat-Tribunal għal Talbiet Żgħar u għall-Qrati tal-Maġistrati, l-ittra uffiċjali eżekuttiva, it-tibdil mill-formula l-antika taċ-ċitazzjoni għar-rikors ġuramentat, ir-riforma mill-qiegħ tal-mandati eżekuttivi u kawtelatorji, it-twaqqif taċ-Ċentru tal-Medjazzjoni għal Maltau u l-issudar taċ-Ċentru tal-Arbitraġġ.  Però l-ewwel pass kien dak tal-Qorti tal-Familja.

2.    Meta nħares lura nara kemm sar xogħol.  Xogħol li qiegħed jagħti l-frott, li però ma nkitibx biżżejjed dwar kemm sar ġid minnu.  Ir-realtà politika però hi li meta ma tiktibx, l-Oppożizzjoni tkun ittantata tgħid li ma sar xejn jew tipprova tkerrah dak li jkun diġà sar.  Oppożizzjoni li kienet għamlet minn kollox biex tkisser u tmaqdar li però, wara ċertu snin sibt uħud minn dawk li għamlu hekk, ifaħħru. Ngħid dan għax nagħraf li, sfortunatament, għadu jsir tmaqdir dwar l-operat tal-Qorti tal-Familja meta tul dawn l-aħħar kważi tmien snin sar xogħol kbir li għen lil diversi koppji li sabu d-diffikultajiet fiż-żwieġ tagħhom.

3.    Fis-16 ta’ Diċembru 2003 ġiet fis-seħħ il-Qorti tal-Familja, li kienet ilha tiġi dibattuta snin qabel ma jien dħalt f’dan il-Ministeru.  Kelli x-xorti li nġib ‘il quddiem u nikkonkludi dak li ħaddieħor kien jikteb dwaru fil-gazzetti.  Sibt ħafna xogħol preparatorju lest, però ma kienx faċli twasslu sal-aħħar.  Il-kunċett ta’ din il-Qorti nbena fuq il-medjazzjoni - servizz li jingħata minn persuna li tagħti attenzjoni lejn il-problemi tal-partijiet u tipprova twassalhom sabiex jiftehmu jew billi jmorru lura jew li jaqblu fuq kuntratt ta’ separazzjoni.  Daħħalna numru ta’ prinċipji f’dan, bħal dak li l-medjazzjoni huwa dritt tal-partijiet u mhux jiġi mogħti skont id-deċiżjoni ta’ ħaddieħor; li l-ħlas għas-servizz tal-medjazzjoni jiġi offrut b’xejn; li l-Istat jagħti importanza lill-koppja billi jibqa’ jżomm kollox taħt is-sorveljanza tal-Qorti u mhux issir proċedura amministrattiva u li tkun limitata lill-koppji li għandhom il-flus imma li tingħata lil kulħadd.  Mhux biss, imma introduċejna dan il-kunċett għal dawk li huma diġà separati fejn iridu jipproċedu b’tibdil fil-kuntratt minflok kawża, kif ukoll bejn koppji mhux miżżewġa għar-rigward il-kura u l-kustodja tal-ulied imwielda mir-relazzjoni tagħhom.

4.    Il-medjazzjoni kellha diffikultajiet fil-bidu, imma biċċa biċċa qabdet u daħlet.  L-iktar pass importanti kien li assigurat li l-Qorti, permezz tal-medjaturi, setgħet tiddedika iktar ħin għall-kawżi minn qabel.  Dan għax is-sistema qabel kienet li kont tidher quddiem Imħallef mill-ewwel u hu kien jibgħat lill-partijiet biex jibdew il-proċeduri ta’ kawża.  Il-volum kien kbir wisq u kien hemm sitwazzjoni fejn jekk parti jew l-avukat tagħha ma jkunx preżenti, għal xi raġuni l-konsegwenzi ma kienux ikunu dejjem tajba.  Proprju minħabba f’hekk li nħass il-bżonn li s-sistema tinbidel.  Għalhekk, flok nofs siegħa li setgħet tingħata qabel, f’dawn is-snin il-medjaturi taw ferm iktar ħin.

5.    Tul dawn l-aħħar snin, sa’ Settembru ta’ din is-sena saru madwar 11,000 talba għall-medjazzjoni għal raġunijiet varji li minnhom, madwar 8,000 kienu għal separazzjoni li terġa’, 1,500 minnhom kienu ta’ koppji li applikaw iktar minn darba.  F’dawn il-każijiet li ngħalqu, ir-riżultati huma li kważi nofs dawn il-partijiet għamlu kuntratt ta’ separazzjoni bonarja u għalhekk ħarbu d-diffikultajiet ta’ kawża ċivili bl-ispejjeż u ż-żmien tagħha.  Kważi 15% għażlu li ma jkomplux bil-proċeduri ta’ separazzjoni.  Dan ifisser li l-medjazzjoni serviet ta’ ġid mill-ewwel lil 65% (fi snin kwazi 70%) tal-koppji.

6.    Mhux biss, imma anke l-każijiet fejn il-partijiet ma waslux matul il-medjazzjoni u għamlu kawża, dak il-proċess servihom ukoll sabiex uħud ftehmu aktar tard.  Irrid nagħti ħajr lid-diversi medjaturi li ħadmu u għadhom jaħdmu b’impenn u b’dedikazzjoni f’din il-Qorti.  Dawn il-persuni jixirqilhom it-tifħir tagħna għall-mod verament tajjeb li permezz tiegħu jgħinu lill-partijiet.  Naf b’ħafna każijiet fejn, bil-medjazzjoni, il-koppji nfushom fehmu aħjar dak li kienu deħlin għalih u sabu għajnuna, assistenza u pariri tajba.  F’dawn is-snin inbniet esperjenza li minnha s-soċjetà qegħda tieħu benefiċċju kbir u huwa żbaljat min jaħseb li l-medjazzjoni għandha titneħħa.

7.    Fil-Qorti tal-Familja ma hemmx biss il-medjazzjoni fis-separazzjoni.  Hemm ukoll ħidma oħra li ssir mal-kawżi tal-annullament, dawk marbuta mal-paternità (meta jsiru kawżi sabiex jiġi dikjarat min huwa missier il-wild) u diversi suġġetti oħra marbuta mal-familja.  Mhux biss, imma hemm ukoll l-aspett tal-Qorti fil-kamp penali fejn jitressqu każijiet marbuta man-nuqqas ta’ ħlas tal-manteniment jew meta parti tonqos milli tobdi l-ordni tal-Qorti fl-aċċess tal-ulied.  Biss, wara dan iż-żmien hemm lok ta’ emendi li jkomplu jibdlu għall-aħjar u jwieġbu għat-tibdiliet li s-soċjetà tagħna qegħda tgħaddi minnhom illum, li nittama li tul is-sena li ġejja nagħmluhom ukoll.

8.    F’dan il-proċess sibt assistenza varja, fosthom b’iktar prominenza mill-Kumitat għall-Affarijiet Soċjali, mmexxi mill-Onor. Edwin Vassallo, li għamel ħafna xogħol.  Mill-aħħar tas-sena l-oħra qbadt numru ta’ punti li jridu jiġu mibdula u li ġew identifikati wara laqgħa twila li saret ma’ kull min hu involut fis-settur.  Però r-referendum u d-dħul tal-liġi tad-divorzju ukoll biddlu s-sitwazzjoni.  Għalhekk fil-preżent qed naraw x’kien l-impatt ta’ dik il-liġi fi tlett xhur biex nimxu minn hemm.  Fortunatament però, il-medjazzjoni mhux talli ma neħħejnihiex talli ġiet rikonoxxuta sija fid-dibattitu parlamentari minn diversi membri, kif ukoll fil-liġi tad-divorzju bħala pass li m’għandniex immorru lura minnu.  Il-medjazzjoni fil-Qorti tal-Familja illum tagħlaq tmien snin li saret u m’hemmx dubju li, l-ewwel, għamlet il-ġid, u t-tieni li għandha tibqa’ hemm.  Ikun żbaljat min jipprova jneħħiha u jimxi tajjeb min ikompli jissudaha.

15.12.11

Ċertezza u stabilità

1.         Dan kien u għadu l-messaġġ mill-iktar ċar li ħareġ mill-aħħar laqgħa tal-Kunsill Ewropew ta’ nhar il-Ħamis u l-Ġimgħa.  Il-Prim Ministru tagħna attenda għal waħda mill-iktar laqgħat determinanti fl-istorja tal-Ewropa.  Kien hemm, jiddefendi l-interessi nazzjonali u fl-istess ħin iħares ‘il quddiem lejn dak li ser jiżviluppa fix-xenarju ekonomiku sabiex is-soċjetà tagħna ma tbatix.  Il-bieraħ filgħodu, fid-dikjarazzjoni parlamentari li huwa għamel, kien jidher evidenti li l-impenn tiegħu wassal sabiex jintlaħqu dawn il-miri - dawk li permezz tagħhom inkomplu nipproteġu l-ekonomija tagħna u fl-istess ħin nassigurawlha t-tkabbir.  Ftit jifhmu kemm dawn il-jiem kienu importanti u kruċjali għalina lkoll.

2.         Ngħid dan għax il-fatt li aħna maqtugħa bil-baħar mill-bqija tal-Ewropa, kif ukoll li d-dimensjonijiet ġeografiċi tagħna huma li huma, jwassal diversi minna biex jaħsbu li d-dinja tibda u tispiċċa minna, mentri r-realtà hija li aħna dħalna fil-qalba tal-Ewropa.  M’għadniex dawk li huma parteċipanti passivi, iżda qegħdin attivi.  Ftit japprezzaw li waqt li fil-jiem li għaddew il-Gvern ħabbar pakkett ta’ numru ta’ inizjattivi u miżuri pożittivi li ser ikomplu jassiguraw it-tkabbir, Stati Ewropej oħra qegħdin ibatu sew.  M’aħniex nifhmu u forsi ninfurmaw biżżejjed dak li hemm għaddej u dak li qed isir f’dawn il-gżejjer.  Dan għax Stati Membri Ewropej jafu li l-istat tal-ekonomiji tagħhom mhux tajjeb u jridu jitħabtu sew sabiex iġibu lilhom infushom lura fit-triq lejn ekonomija soda.

3.         F’dawn il-gżejjer m’għandniex l-inkwiet li għandhom l-oħrajn għax ħsibna minn qabel.  F’dan il-Kunsill, il-pajjiżi kollha li għandhom is-sistema tal-munita unika ewro u oħrajn qablu li d-defiċit irid ikun bilfors mat-3% u jrid jonqos pass pass, sena sena b’0.5%.  Dan aħna diġà qegħdin inwettquh u għalhekk għandna l-istabilità u ċ-ċertezza ekonomika li ħaddieħor m’għandux.  Però hija verità li f’dawn il-gżejjer, mertu jew ta’ nuqqas ta’ informazzjoni jew misinformazzjoni, hawn min kważi kważi jiċħad dan kollu.  Fostna nsibu min tant ma jistax jemmen il-kuntrast li ma jridx jisma’ bil-problemi li għandu ħaddieħor.  Hawn tiġri mas-saqajn ċaħda mentali tal-fatt li f’dan l-Istat, is-sitwazzjoni soċjali u ekonomika hija ferm aħjar minn diversi oħra.  Din forsi ġejja minn min ma jridx jemmen l-aħbarijiet barranin jew minn min ma jaqrax u ma jsegwix.  Li hu żgur hu li għandna min jiċħad dak li huwa quddiemna.

4.         Hemm bżonn proċess aqwa mill-mezzi ta’ informazzjoni sabiex jispjegaw dak li huwa għaddej barra minn xtutna u li aħna, bħall-passat, parti minnu.  Hemm realtà li hija għaddejja, tiżviluppa b’saħħa u veloċità li jekk ma jkunx hemm għarfien sħiħ tagħha u tal-konsegwenzi li tista’ ġġib, inkunu qed nagħmlu disservizz lis-soċjetà.  Ma kienx hemm biżżejjed spjegazzjoni ta’ dak li wassal sabiex ix-xenarju Ewropew jiżviluppa f’pożizzjonijiet xejn faċli.  Is-sitwazzjoni ekonomika li żviluppat b’rapidità u li uriet diversi mankanzi, fosthom fit-tmexxija politika, ma ġietx divulgata u hemm bżonn li tiġi.  Jekk dan il-pass ma jsirx inkunu qed immorru lura minn proċess demokratiku neċessarju - wieħed li jassisti sabiex nifhmu x’kienu l-kawżi ta’ ħaġa u oħra u l-analiżi sussegwenti tal-effetti.

5.         Dan huwa iktar u iktar importanti fl-attakk żbaljat li żviluppa fuq il-munita komuni tal-ewro.  Kien hemm min għadu jrid jiċħad l-effetti pożittivi ta’ munika unika.  Jiċħad ukoll il-passi pożittivi li pajjiżna akkwista.  L-ewwel, bid-dħul tagħna fl-Unjoni Ewropea li permezz tiegħu għandna issa d-dritt li niddefendu u fl-istess ħin ninfluwenzaw u nibdlu d-direzzjoni tal-politika ekonomika Ewropea li qabel ma kellniex alternattiva ħlief li nibqgħu passivi għaliha.  It-tieni, bid-dħul tagħna fil-munita ewro, li assigura stabilità u ċertezza interna, li qabel ma kellniex b’daqshekk saħħa.  It-tielet, li ġejna f’pożizzjoni ekonomika li tippermettilna nikkompetu ferm u ferm iktar aħjar fis-setturi kollha li għandna: finanzjarji, industrijali u marittimi.  Id-deċiżjonijiet li ġew meħuda mill-Prim Ministru Lawrence Gonzi f’dawn iż-żewġ leġislaturi, illum servew sewwa.

6.         Sewwa qal “The Economist” ftit jiem ilu fl-editorjal tiegħu: “The consequences of the euro’s destruction are so catastrophic that no sensible policymaker could stand by and let it happen”.  Iċ-ċertezza u l-istabilità ekonomika huma determinanti mhux biss f’pajjiżna, iżda wkoll fl-Unjoni Ewropea.  Mexxej tajjeb għal ma għandna assigura li ħadna passi li bihom stajna nwieġbu għall-isfidi bi flessibilità ikbar.  Għandna bniedem raġjonevoli, preparat u determinat biex insegwu t-triq tal-ġid u tal-għaqal.  M’aħniex ser ngħaddu minn dak li għaddej minnu ħaddieħor, però dan ma jfissirx li m’għandniex l-intoppi ekonomiċi tagħna.  Irridu nibqgħu attenti.  Nibqgħu nħarsu ‘l quddiem sabiex dak li ġie milħuq f’dan il-Kunsill Ewropew jassigura iktar stabilità u ċertezza.  Postna qiegħed fl-Unjoni Ewropea u fil-munita ewro għax permezz tagħhom nistgħu nibqgħu nnaqqsu d-debitu mingħajr ma jonqos l-iżvilupp ekonomiku u soċjali.

14.12.11

Il-Qorti t'Għawdex

Dan huwa d-diskors tiegħi waqt id-dibattitu dwar il-Qorti t'Għawdex fil-Kamra tad-Deputati nhar it-Tnejn 12 ta' Diċembru.

Biex tisimgħu, ikollok bżonn il-plugin neċessarju, bħal Quicktime. Imbgħad kemm tagħfas fuq il-buttuna tal-"play".





7.12.11

Kuntrast għad-Droga

1.    F’dan il-pajjiż isir ħafna xogħol marbut ma’ ħidmiet importanti li mhux dejjem jiġu għall-attenzjoni pubblika.  Anzi, drabi tiġi perċezzjoni kompletament il-kontra ta’ dak li hu.  Tul dawn il-ġimgħat ingħatajt informazzjoni iktar dettaljata fuq l-operat tal-Iskwadra ta’ kontra d-Droga fil-Korp tal-Pulizija.  Din is-Sezzjoni kompliet tħaddem l-istrateġija ddikjarata li tidentifika, tinvestiga u tressaq quddiem il-Qorti tagħna lil dawk il-persuni li, mill-provi li jinġabru, jirriżulta li jkunu attivi fl-importazzjoni u traffikar ta’ drogi perikolużi.  Fil-fatt, tul din is-sena ġew konklużi b’suċċess investigazzjonijiet importanti fil-konfront ta’ attivitajiet kriminali ta’ persuni jew numru ta’ persuni f’pajjiżna, kif ukoll barra minnu.

2.    L-Iskwadra llum għandha fiha esperjenza li nbniet fis-snin u tifhem ferm iktar malajr dak li jkun għaddej f’dan is-suq illegali.  Tul dawn ix-xhur u snin inqabdet numru rekord ta’ droga kokaina u kannabis.  Il-postijiet tad-dħul, fil-fruntiera interna tagħna b’mod partikolari l-ajruport, wassal għall-interċettazzjoni ta’ gruppi organizzati ġejjin minn diversi sferi b’mod partikolari dawk minn pajjiżi tal-punent tal-kontinent Afrikan.  Persuni nqabdu jippruvaw idaħħlu droga li jkunu belgħu fl-istonku tagħhom.  L-Iskwadra, b’kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali oħra, kienet effettiva f’dan ir-rigward.

3.    Irid jingħad li hemm punti li rari jinstemgħu, però li huma determinanti f’din il-ġlieda li m’hijiex limitata għal sempliċi sorveljanza.  F’dan nista’ nsemmi b’eżempji, l-ewwel, il-fatt li s-sustanza “mephedrone” ġiet ikkontrollata (legalment) mill-10 ta’ Settembru 2010 qabel pajjiżi oħrajn membri tal-Unjoni Ewropeja u fuq dan tħalla mpatt pożittiv għax f’dawn ix-xhur ġew maqbuda 'l fuq minn 6 kilogrammi minnha.  It-tieni, bl-iskambju ta’ informazzjoni mal-pajjiżi ġirien tagħna, sija fil-parti ta’ isfel kif ukoll ta’ fuq tal-Mediterran, saret ħidma ta’ kollaborazzjoni u investigazzjonijiet konġunti li wasslu għall-qabdiet rekord ta’ kannabis (Cannabis Resin) fl-ammont ta’ 89 kilo u 477gramma.

4.    Matul din is-sena rajna għalhekk qabdiet ta’ kokaina li jammontaw għal 5 kilogrammi u 329 gramma u f’eroina fl-ammont ta’ 3 kilogrammi u 914 gramma.  Dawn ir-riżultati pożittivi komplew f’din ix-xejra li sa issa ġiet reġistrata f’dawn l-aħħar snin u li wasslet għal iktar persuni li tressqu quddiem il-Qorti.  Fil-fatt, tul din is-sena tressqu diġà madwar 359 persuna akkużati bi traffikar u pussess ta’ droga u kellna ukoll diġà 309 każ li ġie deċiż.  Pajjiżna fortunatament u b’għaqal baqa’ jżomm il-politika ċara u diretta li m’għandux ikun hemm passi lura mill-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga, kif ukoll li jiddikjara li m’huwiex favur li d-droga tiġi iddikjarata legali.

5.    Nibqgħu impenjati kontra d-droga u fl-istess ħin li nagħmlu differenza bejn min jiġi abbużat u min jittraffikaha.  Ir-riżultati ta’ din il-ħidma ġiet ukoll rikonoxxuta reċentement bir-rapport li sar mill- European Monitoring Centre for Drugs and Drug Addiction.  Minnu jirriżulta b’mod ċar li f’dak li hu teħid ta’ droga, pajjiżna huwa fost l-inqas li għandu din il-problema fl-Unjoni Ewropeja.  Il-livelli huma baxxi fit-teħid tal-kokaina, eroina u kannabis kif ukoll fil-kwalità tad-droga, salv eroina kannella.  Il-pajjiż ma jistax jgħid li m’għandux fostu persuni li jagħmlu użu minn dawn id-drogi, però s-sitwazzjoni hija ferm differenti minn dak li ħaddieħor ipprova jpinġi.

6.    Il-pajjiż jibqa’ mpenjat sabiex it-tibdil għaqli u neċessarju li għandu jsir, jitwettaq.  Bħal ma naraw li nikkonfrontaw id-dħul f’pajjiżna tad-droga, li naraw li nikkonfrontawha fis-soċjetà Maltija, fl-istess ħin irridu nirrikonoxxu x-xogħol tajjeb li qiegħed isir fl-irkupru lura fis-soċjetà ta’ dipendenti.  Il-Caritas, is-Sedqa u s-SATU ilhom jaħdmu f’dan il-qasam u akkumulataw l-esperjenza.  Din qed inkomplu nkabbruha bil-ħidma li dħalna għaliha bl-istrumenti legali li ser jintroduċi l-abbozz ta’ liġi marbut mal-Ġustizzja Riparatriċi fil-Faċilità Korrettiva, u wara.  Mir-riżorsi li għandna pajjiżna qiegħed jaħdem tajjeb.  Hemm ħidma li trid tkompli ssir u determinati li nkomplu nagħmluha.  Ġieħ għandu però jmur għal dawk kollha li jagħtu sehemhom mill-qalb.


6.12.11

Id-diskors tiegħi fil-Kamra tad-Deputati

Dan huwa podcast tad-diskors tiegħi fil-Kamra tad-Deputati nhar il-Ġimgħa 2 ta' Diċembru 2011 waqt id-dibattitu dwar l-estimi tal-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern.

Biex tisimgħu, ikollok bżonn il-plugin neċessarju, bħal Quicktime. Imbgħad kemm tagħfas fuq il-buttuna tal-"play".



5.12.11

Ma nistgħux ninsew

1.    Ma nistgħux ninsew dak li ġara ħamsa u għoxrin sena ilu filgħaxija fil-Każin tal-Partit Nazzjonalista ġewwa l-Gudja.  Ma nistgħux ninsew li ġuvnott li kien wasal biex jieħu l-istat tiegħu, inqatel kiesaħ u biered.  Waqt attività soċjali li saret f’dak il-post mis-Sezzjoni Żgħażagħ tal-Partit, wqt li l-ħaddiema tal-post kienu qegħdin flimkien igawdu l-kumpannija ta’ xulxin, xi ħadd deherelu li għandu jispara fuqhom.  Ġew sparati tiri b’arma tan-nar miċidjali lejn il-Każin.  Il-balal li ħarġu ma kellhom ebda raġuni, salv dik li jagħmlu l-ħsara, li jweġġgħu, li jkissru, li jfarrku u li joqtlu.  Hekk għamlu – qatlu ġuvnott fl-aħjar ta’ ħajtu, fl-aqwa ta’ saħħtu.

2.    Ma nistgħux ninsew li dawk kienu jiem li fihom il-pajjiż kien għadu qiegħed jirkupra mill-qatgħa li kien ħa wara l-meeting tal-Barrani.  Dak li ġara f’dik it-triq kien għadu jidwi mal-poplu kollu.  In-nies twajba kienu għadhom inkwetati taħt id-dell ta’ traġedja nazzjonali – oħrajn fuq in-naħa l-oħra kienu qed iħossuhom b’saħħithom, mimlijin bl-arja li s-saħħa tal-vjolenza tirbaħ fuq kull forza ta’ raġuni.  Kienu jiem meta f’dik it-triq kien għad hemm fl-arja r-riħa tqila tal-gass tad-dmugħ, imħallta b’dik ta’ vetturi maħruqa u abbandunati fit-triq.  Riħa li kienet għadha ddur b’saħħa qawwija, anke mal-irħula tal-madwar, ġewwa l-qalba tal-Gudja.  Kull min għadda l-għada, il-pitgħada, kien jaf li kien għaddej minn ċimiterju fejn il-Partit Laburista ta’ dak iż-żmien kien ipprova jidfen id-demokrazija.  Il-vetturi tan-nies kienu tkissru, tfarrku u inħarqu.  L-art tat-triq kienet hija wkoll inħarqet u baqgħet hekk għal ħafna żmien rikordju ta’ kull jum għal dawk li kienu jafu x’ġara hemm.

3.    Ma nistgħux ninsew l-arja li biha dawk tal-qalba tal-Partit Laburista kienu jittrattaw lill-bqija tal-poplu.  Kienu rikbu fuq ras kulħadd.  Kienu jiddettaw x’għandu jsir u min għandu jinqeda u fuq x’hiex.  Bnedmin li ntilfu fl-arroganza, f’aġir xejn tajjeb li fih oħrajn kienu jbatu.  Din il-mentalità u kulturam, li ħadet iktar saħħa f’dawk il-jiem, kienet ilha ġejja s-snin.  Il-poter assolut, dak li wassalhom għalih kien nibet u ssaħħaħ fis-snin, mhux fil-jiem.  Kienu dawn it-talin mimlijin bl-arja li ħassew li f’Tal-Barrani kienu rebħu l-ġlieda, li n-Nazzjonalisti kienu tilfu u għalhekk ma kien hemm xejn li jista’, b’xi mod, ineħħihom mill-poter u ntilfu f’kunfidenza żejda.  Diġà hija serja li jkollok arma tan-nar semi-awtomatika f’idejk, f’vettura ddur it-toroq biha, aħseb u ara li tasal li tużaha fuq il-bnedmin biex tkompli tbeżża’, biex tkompli turi s-supremazija tiegħek fuq in-Nazzjonalisti.

4.    Ma nistgħux ninsew lil dak iż-żagħżugħ ġentili, umli, mimli saħħa.  Ma kienx qed jisfida, ma kienx qiegħed jagħmel atti żbaljati, kien qiegħed sempliċement, b’mod onest u paċifiku, jieħu tazza birra.  Dik il-balla li ħarġet minn dik l-arma wasslet għall-mewt ta’ Raymond.  Ta’ dan it-tesserat li kont iltqajt miegħu fl-attivitajiet tal-partit hemmhekk fi drabi oħra.  Bniedem umli, mistħi, li kien iffukat b’ruħu u b’ġismu sabiex jibni d-dar fejn kien ippropona li jmur jgħix.  Dik il-balla miċidjali marret tistrieħ fil-ġisem ta’ din il-persuna.  Laqtitu u qatlitu f’sekonda,  mingħajr ħniena.  F’daqqa kien mal-art tal-Każin tal-partit u d-demm ħaj, żagħżugħ, b’saħħtu, beda jinfirex biċċa biċċa b’mod gradwali.

5.    Ma nistgħux ninsew dik ix-xena.  Għadha f’moħħna, fil-memorja nġorruha magħna.  Ġuvni fl-aqwa tiegħu minxur mal-art, f’għadira demm u tlett kapijiet tal-partit iħarsu lejn, ma jistgħux jemmnu.  Niftakar ċar dak il-jum, meta l-għażiż missieri ġie lura d-dar.  Il-wiċċ, il-ħarsa tiegħu, kienu jgħidu kollox.  Kien ċar li l-vjolenza ta’ dawk il-jiem kienet żvugat f’biċċa oħra.  Il-Partit Nazzjonalista kellu x’jara u x’jikkumbatti.  Aġir anti-demokratiku jiġi kkuntrastat b’wieħed demokratiku.  Kienu jiem iebsa ħafna għal dawk li riedu verament il-ġid lil dan il-poplu tagħna.  Għal dawk li ma riedux jisfruttaw, imma li jservu sabiex terġa’ tirrenja l-paċi, sabiex il-futur jerġa’ jibda għaddej.

6.    Ma nistgħux ninsew lill-għażiż Ray, li neħħewlu ħajtu balal sparati minn id omiċida ta’ bnedmin li kienu tant ħadu kunfidenza bil-pajjiż li setgħu jagħmlu li jridu.  Illum, ħamsa u għoxrin sena wara, niftakar mill-ġdid il-jiem ta’ qabel, ta’ wara u l-funeral.  Niftakar ukoll l-attivitajiet li seħħew wara.  Niftakar dawk il-jiem, it-tensjoni kbira li kien hemm.  Niftakar l-attività li konna organizzajna fil-Ħamrun, fejn fakkarnih bi slides.  Dawk ir-ritratti, li kont mort qabel flimkien mas-segretarju organizzattiv Ray Cassar (li kien jafu aħjar minni) nieħdu post post biex tibqa’ memorja aktar qawwija tiegħu.  Kienu jiem li ma nistgħux ninsew.  Jiem li jibqgħu fil-memorja tagħna lkoll.  Għalkemm għaddew ħamsa u għoxrin sena, xorta nibqgħu niftakru kif bniedem umli u twajjeb tilef ħajtu taħt il-balal tal-arroganza tal-poter.

2.12.11

Il-kwistjoni tar-remissjoni

1.    Tul dan is-sajf li għadda qam dibattitu dwar l-għoti tar-remissjoni lill-persuni li jkunu qed jiskuntaw piena karċerarja.  Din mhix sistema legali ġdida, anqas ma hija waħda li ġibt fis-seħħ jien, imma ilha hemm għal dawn l-aħħar tmenin sena.  Ir-remissjoni hija mod ta’ kif il-leġislatur introduċa mekkaniżmu li jekk persuna ġġib ruħa tajjeb ġewwa l-ħabs allura, kif inhija llum, terz tal-piena tagħha tinħafrilha.  Dan l-istrument ġie introdott hawn f’pajjiżna wkoll wara li kien daħal f’diversi oħra fl-1931.  Anqas konna qegħdin nivvintaw ir-rota, imma segwejna l-esperjenzi ta’ Stati oħra meta konna għadna kolonja u mhux pajjiż indipendenti.

2.    Biss stranament, tul ix-xhur sħan ta’ Lulju, Awissu u Settembru diversi kitbu u tkellmu bħallikieku dan kien xi pass kompletament ġdid.  Xi wħud, forsi sforz ta’ ċirkostanzi iktar strambi, ippruvaw jgħidu li anzi huwa l-Ministru nnifsu li joqgħod jaħfer lil dak u lill-ieħor, skont kif jidhirlu hu.  Dawn il-vuċijiet ippruvaw iressqu argumenti li ma qatt ma jistgħu jagħmlu sens billi, appuntu, dan il-mekkaniżmu ilu jeżisti u jitħaddem għal għexieren ta’ snin.  Kull min jaf ftit is-sistema karċerarja jaf li sallum, appena xi ħadd jintbagħat il-ħabs, ikun infurmat mill-ewwel li jekk iġib ruħu sewwa, terz tas-sentenza tinħarfilu kważi kompletament b’mod awtomatiku.

3.    Kull min huwa Ġudikant fil-Qrati tagħna, kull min huwa avukat jew prokuratur legali jaf b’dan, u jaf is-sistema kif taħdem.  Kulħadd jaf li l-liġi ma tagħmilx distinzjoni bejn dak u l-ieħor u kull min jinstab ħati u jintbagħat il-ħabs, ikun x’ikun id-delitt li kkommetta, jibbenefika.  Dawn jafu wkoll li ftit tas-snin ilu saret kawża kostituzzjonali, li ntrebħet, fuq x’jiġri meta persuna fil-ħabs terġa’ tikkommetti, twettaq, tagħmel delitt ieħor.  Għal snin twal, l-awtoritajiet kienu jressqu lil dik il-persuna quddiem il-qorti akkużata bid-delitt “il-ġdid” li tkun wettqet u jitneħħilha mill-ewwel il-benefiċċju tar-remissjoni.  Din is-sentenza kostituzzjonali però biddlet kollox billi ddikjarat li b’dan il-mod qed jingħata lok li dak li jkun qed jingħata żewġ pieni għall-istess delitt u allura wieħed irid jagħżel – jew tressqu quddiem il-qorti, inkella tneħħilu r-remissjoni minħabba d-delitt.  Billi ħafna drabi r-reat sussegwenti li jkun twettaq ikun ta’ iktar gravità, allura ġustament l-awtoritajiet tal-ħabs jagħżlu li jipproċedu billi jressqu lil dik il-persuna quddiem il-qorti u għalhekk ir-remissjoni ma tkunx tista’ tintmiss.  Din hija s-sistema li għandna s’issa.

4.    Fil-ħidma lejn l-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi, li issa waslet fl-aħħar qegħdin, wara tmenin sena, nistabbilixxu miżuri ġodda li jibdluha.  Li kien verament interessanti kien il-kuntrast ċar fil-midja bejn dak li kont, u issa finalment jidher li mxejna fuqu, u dak li żbaljatament kien qed jingħad li qed nippermetti li jsir.  Ngħid dan għax b’dan l-abbozz qed nieħdu miżuri li jibdlu s-sistema tar-remissjoni mill-qiegħ.  Qed nieħdu l-pass illi min jibbenefika mir-remissjoni jrid jaħdem għaliha billi jsegwi d-direzzjonijiet li jagħtih Bord apposta, l-Offender Assessment Board, biex jirriabilita ruħu.  Jekk jaħdem għaliha iva jibbenefika, imma jekk le allura r-remissjoni ma tingħatax.

5.    Mhux biss, imma għall-ewwel darba qegħdin indaħħlu fis-seħħ Bord ieħor fuq ir-remissjoni li qabel ma kienx jeżisti.  Dan ser ikollu numru ta’ funzjonijiet, però l-iktar importanti huwa li l-Bord ser ikun qed jara li l-pjan ta’ kura jiġi segwit u, jekk jaqbel, japprova r-remissjoni; u t-tieni, li l-Bord ser ikollu għall-ewwel darba d-dritt li jimponi kundizzjonijiet fuqha.  B’dawn il-passi nħoss li qed isir sforz dirett sabiex is-sistema tiġi ssudata u ma tibqax awtomatika.  Dan kien ċar fid-dibattitu parlamentari.  Tant kien ċar li Membru fuq in-naħa tal-Oppożizzjoni qajjem l-oġġezzjoni tiegħu u nsista li r-remissjoni tibqa’ waħda awtomatika.  Kien għalhekk kompletament żbaljat min allega li jew ma jiena qed nagħmel xejn jew inkella li ma rridx nikkontrolla s-sistema.

6.    Tant l-impressjoni li ngħatat kienet għal kollox dik li mhix li skantajt kif, anke proprju fil-jum tal-operazzjoni tiegħi (kif wara skoprejt) kien hemm min ħeġġiġni nieħu l-pożizzjoni li kont diġà ħadt sitt xhur qabel!  Ma hemmx dubju li dan it-tibdil ser ikun hemm reżistenza għalih, bħalma jiena ċert li jrid jieħu l-ħin tiegħu biex jindara.  Nittama però li ma jkollix min jinsisti miegħi li għandi mmur lura minn dan il-pass.  Jekk irridu li iktar persuni li jispiċċaw ikkundannati l-ħabs jagħmlu ħilithom sabiex jirriformaw ruħhom, m’għandniex inċedu għal dan.  Illum nafu li għalkemm hemm faċilitajiet ferm aqwa minn qabel, jekk ma jkollniex dawn il-mekkaniżmi ġodda, ser nibqgħu kif konna.

1.12.11

Ambaxxatur Franċiż

Il-ġimgħa li għaddiet kelli l-Ambaxxatur Franċiż Daniel Rondeau fl-uffiċċju tiegħi.  Il-ħatra tiegħu waslet fi tmiemha u fl-aħħar jum ta’ dan ix-xahar ser iħalli pajjiżna.  Tul dawn it-tlett snin kelli l-opportunità li narah fl-azzjoni.  Persuna mimlija kultura, kittieb ta’ diversi kotba mill-isbaħ li, bl-aħjar Franċiż tiegħi, ippruvajt naqra.

Ħadem ħafna u ta l-kontribut sħiħ tiegħu.  Permezz ta’ ħidmietu waslu hawn żewġ Ministri ħbieb tiegħi, Brice Hortefeux u Eric Besson.  It-tnejn raw li l-mekkaniżmu ta’ solidarjetà jaħdem u Franza ħadet ħsieb tieħu madwar mitejn mill-immigranti irregolari f’pakkett ta’ integrazzjoni ġeneruż.  L-istess, għeni sabiex immur Pariġi għal numru ta’ laqgħat dwar il-Ġustizzja, l-Intern u l-Immigrazzjoni.  Sibtu mimli b’pariri, b’ħeġġa, ġenerożità u ppreparat.  Pajjiżna ttrasforma ruħu għaliha bħala t-tieni patrija.

Ma hemmx dubju li serva tajjeb ħafna u ser nitilfuh minn magħna.  Ċert però li ser jibqa’ jiftakarna u nibqgħu nibnu fuq dak li rnexxielu jwettaq magħna.

30.11.11

30 ta’ Novembru 1986 – 25 sena wara

1.    Hemm partijiet mill-memorja tiegħi li għamilt ħafna sforzi sabiex ninsa kompletament.  Nammetti li għalkemm jirnexxili fuq diversi, però hemm uħud li minn żmien għal żmien jerġgħu jiġu lura.  Jerġgħu jiġu lura bil-forza, bl-intensità, bid-dettalji u fid-dettalji ta’ dak li għaddejt minnu.  Is-snin mill-1981 sal-1987 huma mumenti li ffurmawni f’direzzjonijiet li jorbtu l-aġir tiegħi.  Jorbtuh mhux fit-triqat żbaljati – dawk li jriduk forsi twettaq aġir kundannabbli b’ieħor daqstant ieħor ħażin, imma l-kontra.  Dak li sar, il-ħidma anti-demokratika li għamlet tant ħsara lis-soċjetà Maltija, m’għandha qatt tirrepeti ruħha.

2.    Ħafna mumenti, fid-direzzjoni u x-xogħol li nkun qed nieħu u nagħmel, inżomm f’moħħi li għandi nara kif naħdem biex ma jkunx hemm ripetizzjoni.  Dawk is-snin kienu lezzjonijiet kbar.  Tagħlimiet li assiguraw f’ġenerazzjonijiet bħal tiegħi il-bżonn li l-istituzzjonijiet demokratiċi ma jonqsux u l-klima paċifika u stabbli tibqa’.  Ħadd ma jista’ jqabbel dak li ġara f’dawk il-jiem koroh ma’ dak li għandna llum.  Hemm baħar kbir jaqsam iż-żewġ naħat tal-istorja kostituzzjonali tagħna. 

3.    L-aġir anti-demokratiku, is-simpatiji lejn il-lemin estrem jistgħu jerġgħu jħajru u għalhekk wieħed irid jikkumbattihom bis-saħħa tal-liġi, bl-użu tal-kitba li turi l-iżbalji ta’ dak l-aġir, kif ukoll bil-konvinzjoni.  Dawk il-ġranet nisslu f’diversi proprju l-bżonn assolut li wieħed jaġixxi demokratikament għax hekk jista’ jżomm lura dan il-materjaliżmu.  Anke jekk jista’ jiġi ttantat, attakkat bi żlealtà, xorta waħda jrid iżomm lilu nnifsu f’din il-linja retta.  Dawk bħali li għaddew minn dak iċ-ċirku tan-nar jibqgħu mpenjati sabiex jaraw li ma jkunx hemm ripetizzjonijiet.  Kieku l-Partit Nazzjonalista waqa’ li jwieġeb bi vjolenza għall-vjolenza l-pajjiż, il-poplu kien jitwassal f’xifer li minnu kien ikun diffiċli li jmur lura.

4.    Kienu żminijiet vjolenti.  Kienu wkoll anti-demokratiċi u ma kienx hemm rispett għad-drittijiet fundamentali anzi, kien hemm tant il-kontra li l-ordni tal-ġurnata kienet proprju li taġixxi b’dan il-mod żbaljat.  Kont hemm f’diversi mumenti xejn sbieħ għalina lkoll.  It-30 ta’ Novembru 1986 kien wieħed minnhom.  Wieħed li wera lil kulħadd f’liema traġedja l-Partit Laburista kien ġieb lili nnifsu.  F’dak il-jum, il-Partit Nazzjonalista kien awtorizzat jorganizza meeting politiku.  Niftakarni nsegwi l-proċeduri legali u s-sentenzi tal-qrati tagħna.  Kienu jiem ta’ barra minn hawn.

5.    Niftakar li f’dak il-jum inġbart ma’ diversi oħrajn fi triqitna lejn iż-Żejtun.  Kien jum meta l-irġiel hemm iddistingwew ruħhom minn dawk li kienu kapaċi ħafna fid-diskors ta’ dak li għandna nagħmlu, imma mhux fil-fatti.  Tgħallimt niddistingwi bejn dawk li jafu fejn hi l-irġulija u dawk li baqgħu tfal, isabbtu saqajhom.  It-triq tal-Barrani kienet mill-iktar indikata.  Konna dak iż-żmien ikkunsidrati bħala “barranin” għal dak l-Istat li kien jara biss bħala ċittadini tiegħu lil dawk li jiddikjaraw li huma laburisti ferventi.  Tlajna t-triq u hemm rajt xeni li għadhom ċari u impressi fil-memorja.

6.    Bnedmin ta’ nuqqas ta’ rieda tajba tħalltu mal-Pulizija.  Ġew sparati tiri ta’ arma tan-nar b’ripetizzjoni lejn Eddie Fenech Adami.  Għad għandi t-tisfir tagħhom jidwi f’widnejja u magħhom id-diversi li bdew jgħajtu u jgħidulu jinżel.  I-rassa fuq bdiet tikber x’ħin, f’daqqa waħda, bdew niżlin bottijiet ta’ gass tad-dmugħ.  X’riħa kienet ...  Daħlet sew fil-pulmuni tiegħi u għadni sallum f’mumenti nerġa’ niftakar fl-effett ikrah tagħhom.  Is-sitwazzjoni kienet iddeġenerat f’daqqa u rajt xeni quddiemi li nippreferi jkomplu jgħaddu fil-passat.

7.    Ħamsa u għoxrin sena wara hemm bżonn li nibqgħu niftakru mingħajr ma nagħmlu l-iżball li nitqanqlu fid-direzzjoni l-ħażina.  Dik li flok tiżra’ fit-tajjeb, tassigura l-mibgħeda.  Min beka dak il-jum ra li ma kienx beka ta’ xejn.  Il-poplu tagħna baqa’ u għadu jagħraf li l-Partit Nazzjonalista kien u għadu l-partit li ddefenda ‘l-pajjiż, lill-poplu u lill-Istat demokratiku.  Jekk f’dawn l-aħħar elezzjonijiet baqa’ jagħżel lil dan il-partit, għamel dan għax jaf minn min huwa magħmul u x’inhuma l-prinċipji li jmexxuh.


24.11.11

Tibdil fi Spanja

Fil-laqgħat tal-Kunsill tal-Ministri tal-Ġustizzja, l-Intern u l-Immigrazzjoni ġewwa l-Unjoni Ewropea sibtni nsir naf persuni ta’ intelliġenza ġejjin mill-irkejjen kollha tas-27 Stat Membru.  Kienu diversi li magħhom bnejt rapport personali li għenni nifhem dak li kien għaddej u li ngħaddi aktar malajr kelmtejn fuq dak li kont nara jien.

Alfredo Perez Rubalcaba (xellug) illum huwa l-Kap tal-Oppożizzjoni fi Spanja
Wieħed minn dawn kien Alfredo Perez Rubalcaba, li għamel żmien twil Ministru tal-Intern ta’ Spanja.  Mertu tal-Ambaxxatriċi li kellna, Maria Isabel Vicandi, kont mort Madrid niltaqa’ miegħu.  Kellna laqgħa fl-aħħar tal-jum iffissata għal ftit iktar minn tletin minuta.  Bdejt bi żvantaġġ ta’ perċezzjoni li, fortunatament, ħallietni nibdilha f’waħda li spiċċat wara sagħtejn intensivi.  Minn dak il-mument kelli ħabib u allejat.  Mhux darba jew tnejn kellimtu permezz tat-telefon.  Qatt ma ninsa dik li għamiltlu jumejn qabel il-Milied tal-2009, qabel ma bdiet il-Presidenza Spanjola.  Stmat fil-pubbliku bħala persuna mill-iktar retta u onesta, okkupa l-kariga b’suċċess.

Ammirajtu li ssagrifika kollox sabiex imexxi l-partit soċjalista flok il-Prim Ministru Josè Luis Rodriguez Zapatero.  Il-fjask ta’ dik it-tmexxija daħal għalih hu biex jipprova jnaqqas mill-ħsara li kienu qed jaraw ġejja.

Nhar il-Ħadd 20 ta’ Novembru saru l-elezzjonijiet ġenerali.  Is-soċjalisti tilfu u magħhom spiċċali ħabib ieħor fil-Kunsill.  Tgħallimt ħafna mingħandu u nħoss li bnejt paġna ġdida fir-rapporti bejn Malta u Spanja.

23.11.11

Appell lill-poplu Malti

It-tmiem tal-Ewwel Gwerra Dinjija għandu jitfakkar.  Għandna verament niftakru f’dawk li tilfu ħajjithom f’konflitt mondjali li farrak l-Ewropa.  Miljuni mietu, daqshekk ieħor indifnu.  Iċ-ċimiterji mtlew, oħrajn twaqqfu.  Wara dawn is-snin, tajjeb nagħmlu li nieqfu u naraw x’lezzjonijiet għandna nieħdu.  Naraw dak li għandna naħarbu u ma nirrepetux.  Il-gwerra ma ssolvix problemi, imma tikkumplikahom.  Id-dinja tikber biss fil-paċi u fil-ġustizzja.

Wara u qabel tmiem dak il-konflitt, f’numru ta’ pajjiżi qamu movimenti sabiex jinbnew strutturi kostituzzjonali differenti.  Dawn il-gżejjer, forsi ispirati direttament minn sejħa li saċerdot Sqalli, Don Luigi Sturzo (ritratt) għamel għal persuni liberi u b’saħħithom, fit-23 ta’ Novembru 1918 patrijott Malti għamel sejħa ġdida.  Appell lill-poplu Malti biex tkun iffurmata “Assemblea Nazzjonali”.  Sir Filippo Sciberras, tabib fit-tmienja u sittin sena tiegħu, matur, ta’ karattru ffurmat, onest u magħruf għall-atti ta’ karità mal-fqar, mexxa u stieden rappreżentanti tas-soċjetà ċivili biex jinġabru f’din l-Assemblea Nazzjonali.  Kien proprju fit-tieni laqgħa tas-7 ta’ Ġunju 1919, taħt il-Presidenza tiegħu, li sab lilu nnifsu fiċ-ċentru ta’ mument storku li kull sena bqajna nfakkru – is-“Sette Giugno”.

Wirt Filippo Sciberras huwa kbir.  Illum, tlieta u disgħin sena wara għandna nibqgħu niftakru li d-demokrazija li ngawdu llum ġiet bis-sagrifiċċji ta’ diversi patrijotti intelliġenti, bil-għaqal u kapaċi.  Nassiguraw li ma nitilfuhiex imma nkomplu nżommuha u nissudawha.

22.11.11

Fejn aħna konservattivi

1.    Il-poplu tul din il-ġimgħa fehem li, minkejja s-sitwazzjoni ekonomikament diffiċli, l-Gvern Nazzjonalista xorta rnexxilu jibni programm ta’ ħidma għas-sena li ġejja li fih ma tilifx id-dimensjoni soċjali.  Ir-realtà tal-pożizzjonijiet finanzjarji ta’ diversi Stati fid-dinja ħadd ma jista’ jmeriha jew jiċħadha.  Kriżi li ġiet maħluqa minn nuqqasijiet fid-dinja tal-flus.  Waħda li twieldet u ssudat fid-duttrina li s-suq isuq, li f’kelma oħra s-suq jirregola hu lilu nnifsu fil-libertà li għandu u għalhekk ma għandux bżonn liġijiet.  Dan il-kunċett ta’ liberaliżmu ma qbilniex miegħu u f’dan il-pajjiż għamilna liġijiet biex jirregolawh.

2.    L-inġustizzja tas-sitwazzjoni hija li l-bqija tal-popli jridu f’dawn il-pajjiżi jħallsu l-kont ta’ l-irresponsabbiltà u l-immoralità ta’ min abbuża mill-libertà ekonomika tiegħu.  Mhux biss imma l-komplikazzjoni ulterjuri hi li l-Gvernijiet qed jiġu skrutinati u kkritikati bl-ikrah mill-operaturi finanzjarji l-oħra li ma kienux nvoluti.  Ix-xhur li għaddew rajna pajjiżi jiftaqru, popli jitkissru, gvernijiet jitwarrbu proprju għax kriżi ġiebet oħra u l-miżuri li ġew imressqa sabiex jikkumbattu dan ġew il-ħin kollu mċekkna u mkissra.

3.    F’dawn l-aħħar xhur rajna miżuri varji proposti mill-Unjoni Ewropeja li ġiebu magħhom komplikazzjonijiet kbar.  Nuqqasijiet fid-direzzjonijiet, fit-tmexxija politika u f’dik ekonomika.  Qisu ma hemmx formazzjoni vera ta’ kif wieħed għandu jaġixxi.  Fejn sparixxew il-valuri li jridu jmexxu ‘l-politika fl-ideat ta’ kuljum tiegħu.  Is-sitwazzjoni kienet b’mod ċar waħda fejn it-truf kienu qed jintilfu u s-sitwazzjoni bħall-pendlu - tmur minn waħda ta’ kontroll għal oħra ta’ konfużjoni totali.

4.    Il-prezz ta’ dan kollu f’diversi Stati fl-Ewropa u fid-dinja qed iħallsuh il-popli.  Il-prezz ta’ dawk li fdaw ruħhom f’duttrina ta’ liberaliżmu politiku żbaljat, ta’ dawk li ma kellhomx moħħhom ċar fuq dak li għandhom jagħmlu, ta’ dawk li ma ħaddnux il-valur tal-ġustizzja soċjali u ta’ dawk li tmexxija politika vera u mhux medjatika, hija proprju din.  F’kuntrast ċar, tul dawn is-snin il-Gvern baqa’ jiġi ggwidat mill-ġustizzja soċjali.  Baqa’ Gvern li jagħraf li jrid jiggarantixxi x-xogħol, id-drittijiet industrijali għall-ħaddiem Malti.  Ma lludiex ruħu fi proġetti bbażati fuq aspetti finanzjarji li ma kienux marbuta mal-ġenerazzjoni tax-xogħol.  Il-mira hemm kienet u biha żammejna t-tkabbir ekonomiku u t-tnaqqis tal-qgħad.

5.    Pajjiżi oħra li m’aħniex ‘il bogħod minnhom, bħar-Renju Unit, raw miżuri xejn faċli għall-poplu. Tnaqqis fil-postijiet tax-xogħol, tkeċċija ta’ ħaddiema minn mal-Gvern, tnaqqis fl-ispiża nazzjonali, żieda fit-taxxa u issa hemm proposta ta’ konsulent finanzjarju tal-Prim Ministru David Cameron li jismu Adrian Beecroft li fiha qed jingħad li l-ħaddiema jistgħu jitkeċċew mingħajr kawża ġusta (Britain should scrap the right of employees to claim unfair dismissal).  Il-kuntrast magħna huwa evidenti.  Il-ħaddiem jibqa’ għalina ċ-ċentru tal-ħidma tagħna.  Impenjati sabiex nipproteġuh fix-xenarju internazzjonali u Mediterranju daqshekk komplikat.

6.    Dan d-dokument finanzjarju huwa prova li m’abbandunajniex il-valuri demokristjani tagħna.  Ma dħalniex għal kunċetti ta’ liberaliżmu li jriduna nżarmaw l-Istat soċjali, li nnaqsu l-pakkett li jifforma s-servizzi soċjali tagħna anzi stajna mmorru l-kontra tal-oħrajn billi nżiduhom.  Kien hemm min qalilna li m’aħniex moderni jew progressisti għax ma tajjarniex dak li għandna għar-riħ, tal-avventuri u l-esperimenti bil-ħajjiet tan-nies, imma żammejna sod.  Il-ġustizzja soċjali ma warrabnihiex, id-dinjità u d-drittijiet tal-ħaddiema ma żarmajnihomx.  Bqajna l-istess fuq dan.  Iva, fuq dawn il-punti ma niddejjqux inkunu konservattivi.

21.11.11

Mhux Biss Politika

Fit-8 t’ Ottubru 1932 nannuwi Carmelo Mifsud Bonnici, magħruf bħala l-“Gross” dak iż-żmien Ministru tat-Teżor, kien għamel diskors biex fl-okkażjoni tal-kxif ta’ lapida jikkommemora ż-żjara ta’ awtur importanti.

Fil-fatt illum, 21 ta’ Novembru jaħbat il-mija u tmenin anniversarju minn meta Sir Walter Scott ġie f’pajjiżna. Fl-1831 dan il-kittieb mill-aqwa ġie jara kif dawn l-gżejjer ġew trasformati f’fortizza mill-Kavallieri ta’ San Ġwann. Ġie jmiss l-istorja, l-arti, l-kultura li snin twal ta’ din l-Ordni ħallewlna. Issa kien kollox għadda f’idejn ir-Renju Ingliż u għalhekk kien iktar faċili sabiex bnedmin bħalu jiġu hawn. Tiskanta x’lezzjonijiet tagħti l-istorja. Għandna wirt u patrimonju tant kbir li ftit minna jafu biħ, li però huwa magħruf ma’ oħrajn, ma’ dawk li jaqraw u jgħarfu li għandhom jiġu hawn.

Għal min iħobb il-letteratura Ingliża jaf li huwa magħruf għal numru ta’ novelli mill-iktar sbieħ. Waverley, Rob Roy u Ivanhoe huma wħud mill-iktar popolari. Skoċċiż imwieled fil-15 t’ Awwissu 1771 u li miet sena wara li ġie għandna fil-21 ta’ Settembru 1832 - t-tnejn dati marbuta mal-istorja tagħna. Żgur mhux forsi, is-swar ħallew l-marka tagħhom miegħu ukoll għax l-aħħar ħidma tiegħu kienet marbuta ma’ novella ambjentata fl-Assedju l-Kbir li baqa ma wassalx sal-aħħar.

Għex ġewwa dar mill-isbaħ, f’Abbotsford naturalment fl-Iskozja li tinsab ftit ‘l isfel mill-belt kapitali Edinburgh li kelli x-xorti nżur jien ukoll ftit snin ilu. Post mill-isbaħ milli bil-passat li mingħajr ma trid, tħossok qed terġa tarah għaddej minn kamra għall-oħra.

Kemm hija politika għaqlija li ma tinsiex il-passat u tieħu ħsieb tinvesti sabiex tippreserva dak li ħallew ta’ qabilna. Kulhadd jaf li dan qegħdin nagħmluh il-ħin kollu.

17.11.11

Sitwazzjoni komplikatissima

1.    Tul dawn l-aħħar snin dan il-Gvern irnexxilu jżomm lill-poplu tiegħu protett mit-tempesti ekonomiċi li għaddejjin madwar id-dinja.  Il-Gvern għandu fuqu diversi responsabbiltajiet li mhux faċli jiġu esegwiti fil-bnazzi, aħseb u ara fil-maltemp.  Biss, dawn id-dmirijiet baqgħu jiġu esegwiti u l-persuni li jgħixu f’dawn il-gżejjer mhumhiex għaddejjin minn dak li qed ibatu minnu oħrajn.  Meta tagħti ħarsa madwarek, fil-Mediterran issib li kemm fuqna kif ukoll taħtna, ħlief inkwiet ma hemmx.  Il-finanzi tal-pajjiżi ġirien tagħna m’huma tajba xejn u qed ikollhom effetti negattivi fuq il-bnedmin.

2.    Iċ-ċittadini ta’ pajjiżi oħra jafu l-kriżi finanzjarja xi tfisser.  Diversi tilfu l-impjieg, oħrajn għalqu n-negozju, tilfu djarhom u sabu ruħhom f’diffikultajiet kbar.  F’pajjiżna l-effett ma kienx dan.  Kellna kumplikazzjonijiet, imma f’dawn is-snin irnexxielna nibdlu dak li deher iswed fi griż.  Il-ħolqien tal-impjiegi ma waqafx, bħal ma waqafx anqas it-tkabbir ekonomiku tagħna.  Irnexxielna, b’diffikultajiet kbar, inżommu l-finanzi tal-Istat għaddejjin sabiex is-servizzi kollha li jingħataw ma twaqqfux.  Jekk popli oħra raw żidiet fl-ispejjeż għall-istudenti universitarji, aħna bqajna minflok inħallsu l-istipendji.  Jekk ħaddieħor qata’ u naqqas il-pensjonijiet, aħna rajna kif nistgħu nżiduhom.

3.    Nittama li f’dan il-poplu jkun hemm iktar persuni li jgħarfu f’kemm dan il-Gvern mexa u għadu qiegħed jimxi bilgħaqal.  Nittama li l-maġġoranza qegħa tifhem li l-kriżi finanzjarja neħħiet il-gvern fil-Greċja u fl-Italja u fi żmien ġimgħa, anke fi Spanja.  Berlusconi, Papandreou u Zapatero (l-idolu antik tal-Oppożizzjoni) ser jispiċċaw.  Il-kriżi ekonomika qegħda ġġib magħha waħda politika li qed tkompli tibgħat ir-reġjun lura fil-miri li għandu jilħaq.  M’hemmx dubju li din hija sitwazzjoni komplikatissima – waħda li lilna sejra tkompli tolqotna u żżidilna fl-isfidi li rridu naffrontaw.

4.    Il-Ministru tal-Finanzi Tonio Fenech għandu quddiemu xenarju xejn pjaċevoli meta jiġi biex iħabbar il-miżuri ekonomiċi għas-sena li ġejja.  Id-diskors li għada filgħaxija ser ikun qiegħed jagħmel mhux ser ikun faċli.  F’dawn is-snin li għaddew, fl-2008, fl-2009 u fl-2010 diġà rajnieh jaffronta bi kwantità ta’ miżuri dak li kien ġie fuqna u dak li stajna nipprevedu.  Dan huwa r-raba’ Budget tiegħu, però rridu naċċettaw li ser ikollu ferm iktar kumplikazzjonijiet.

5.    Il-parti ta’ fuq tal-Mediterran hi mod u dik ta’ isfel mod ieħor.  Ix-xatt l-ieħor għadu ħiereġ minn kumplikazzjonijiet oħra.  It-Tuneżija, fejn fortunatament saru l-elezzjonijiet, il-Libja li spiċċat bi gwerra ċivili u l-Eġittu li sejra lejn elezzjonijiet għadhom ma qabbdux il-magna ekonomika tagħhom.  Il-kummerċ, li magħhom kien ta’ ċertu livell, issa waqaf kompletament.  Għad fadlilhom biex jerġgħu jiġu għal dak li kienu u fadlilhom ferm iktar biex jidħlu fil-livelli għola ta’ fejn irriduhom.   Dan qiegħed jeffettwa iktar u iktar il-kummerċ fil-Mediterran u huwa ċar li dan kellu l-effetti negattivi tiegħu.  Min għadu m’huwiex konxju biżżejjed ta’ dan naħseb li hemm bżonn li jagħraf sewwa fejn qegħdin u jirrikonoxxi l-isforzi u r-riżultati li laħaq dan il-Gvern.

6.    Għada u fil-jiem ta’ wara ser ikun hemm min jipprova jnessi lill-poplu dawn il-fatti, minn dan l-istat tal-affarijiet.  Ser ikun hemm żgur attentati li jċekknu ħidmietna, ser ikollna  proposti lihuma maqtugħa mid-dinja.  Id-diskors fl-arja mhux ser jonqos.  L-isforzi tal-Ministru tal-Finanzi ser ikun hemm min jipprova jċekkinhom, biss min hu konxju tas-sitwazzjoni kkumplikatissima li għandna jagħraf il-kontra.  Jagħraf li mal-instabilità ekonomika issa żdiedet b’iktar piż dik politika.   F’dawn l-erba’ Budgets, il-Ministru rnexxielu jmexxi ‘l quddiem il-finanzi tal-pajjiż u fejn ħaddieħor qiegħed fi kriżijiet kbar, aħna bqajna għaddejjin mexjin ‘il quddiem.

16.11.11

Rispett mistħoqq

Ix-xahar ta’ Novembru f’dan il-pajjiż jibqa’ wieħed li fih niftakru u nonoraw lil bnedmin bħalna li għaddew għal ħajja aħjar qabilna.  Persuni li sawru s-soċjetà u l-familji tagħna.  Kemm hija tradizzjoni antika, waħda li jixirqilha tifħir u li għandna nieħdu ħsieb li ma nitilfux.  Ir-rispett lejn min miet għandu jibqa’ jinżamm.

Kemm ilni f’dan il-Ministeru sibt tradizzjoni fil-Korp tal-Pulizija li tiġi ċelebrata b’dinjità akbar.  Kull sena jsiru żewġ ċerimonji fl-Akkademja għall-membri li servew u li m’għadhomx magħna.  Waħda ssir viċin id-data tat-12 ta’ Lulju – Jum il-Pulizija, u l-oħra ssir fl-ewwel Ħadd ta’ Novembru.  Bħas-snin ta’ qabel, din is-sena kont preżenti għalihom it-tnejn.  Jibdew b’quddiesa fid-9 ta’ filgħodu fil-Kappella taċ-Ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata u wara jsiru diskorsi qosra u tqegħid ta’ fjuri.  Kull sena nara li l-programm jiżdied bħalma anke l-parteċipazzjoni.  Passi pożittivi għax jekk ninsew lil min ta sehemu fil-passat, inkunu qed niżbaljaw.

Pajjiżna hu li hu għax għandu magħġuna fih dawn il-valuri, li jkun żball jekk jintilfu.  Fortunatament, il-Korp tal-Pulizija għadu jemmen f’dan għax ir-rispett huwa mistħoqq.

15.11.11

Budget 2012: Ġustizzja Soċjali

Minkejja d-diffikultajiet finanzjarji, dan il-Gvern baqa jżomm għoli l-valuri li jħaddan. Filwaqt li ħaddieħor wasal fil-punt li jnaqqas servizzi soċjali, jibda jżarma l-pilastri tal-“welfare state” aħna ħadna ħsieb li nkomplu nissudawhom. Għalkemm ġejna akkużati li aħna bla qalb, insensittivi u ma nħarsux id-dimensjoni soċjali, l-budget tal-bieraħ juri l-kontra. Il-prinċipji demokristjani tagħna żammejnihom sabiex inkomplu nagħmlu l-ġid. U hekk ser nibqgħu nagħmlu. Il-kriżi finanzjarja internazzjonali hemm kienet u għal issa ser tibqa magħna, però f’dan il-pajjiż l-prijoritajiet u r-ruħ soċjali hemm ser jibqgħu.

14.11.11

Il-Kumitati tal-Kamra

1.    Matul din il-ġimgħa kelli l-opportunità li nidher quddiem wieħed mill-Kumitati tal-Kamra tad-Deputati sabiex nirrapporta dwar kemm jista’ jkun punti mill-ħidma li saret tul din is-sena fis-settur tal-immigrazzjoni irregolari.  Fil-Kamra, bi qbil bejn iż-żewġ naħat, kien ġie deċiż li l-Kumitat tal-Affarijiet Soċjali jkollu wkoll id-dmir li jittratta dan is-suġġett partikolari.  Fit-tlett snin li għaddew, bħala Ministru rajt żviluppi varji f’xenarji politiċi u finanzjarji li tbiddlu l-ħin kollu.  Kelli mumenti diffiċli, interessanti u rari ħafna li għaddiet ġimgħa mingħajr ma qamet xi kumplikazzjoni.

2.    Fortunatament għalija, meta ħadt il-ġurament tal-ħatra għażilt li kull nħar ta’ Tnejn niġbor f’laqgħa l-partijiet kollha li fil-Ministeru jagħtu sehemhom f’dan is-settur.  Għalkemm mhux parti minna, il-Forzi Armati dejjem attendew.  B’dan stajt ikolli kuntatt dirett ma’ dak li kien qiegħed jiġri.  Rapporti varji fuq kull parti waslu u ġew diskussi.  Mhux dejjem tifhem mill-ewwel dak li jkun qiegħed jiżviluppa, però d-diskussjoni u l-għarbiel tal-informazzjoni wassluna sabiex nieħdu numru ta’ deċiżjonijiet importanti.  Imxejna sew.

3.    Kien hemm min ipprova jieħu vantaġġi politiċi u ngħid li, sa ċertu punt, irnexxielu.  Qamu fil-pajjiż sentimenti li bħalhom ma konniex rajna qabel.  F’daqqa waħda kellna sinjali ta’ razziżmu u ksenofobija, li ma kienux faċli li jiġu kkontrollati.  Fil-poplu kien hemm mewġa ta’ biżgħat kbar li ser nittieħdu, li ser insiru kollha musulmani, li pajjiżna mhux ser jibqa’ kapaċi jieħu ħsieb li jikkontrolla.  Kienu għalija mumenti iktar diffiċli meta sibtni naffronta mhux biss dawn il-kurrenti interni, imma wkoll esterni, xi mindaqqiet minn pajjiżi oħra.  Fortunatament, dak li kien qiegħed jipprevedi ħaddieħor, ma seħħx.  Ikkontrollajna u żammejna l-pożizzjoni tagħna mingħajr estremiżmi, diskorsi populisti, ħmerijiet jew aġir anti-demokratiku u razzista.

4.    Rajna diversi persuni jaslu hawn, sija għax fil-maġġoranza salvati mill-għarqa - minn ħalq il-mewt, kif ukoll għax tilfu triqithom u spiċċaw hawn.  Lil dawn il-persuni, kuntrarjament għal dak li niġu kkritikati dwaru, minn żmien għal żmien tajnihom u għadna nagħtuhom trattament tajjeb.  Veru li għandna politika ta’ detenzjoni li hi odjuża minnha nfisha, imma fiċ-ċirkostanzi tagħna, hija neċessarja.  Ħadd li għandu ftit sens komun ma jista’ jippretendi li din ma tiġix applikata, inkella twassal għal konfużjoni soċjali li l-effetti tagħha m’humhiex żgħar.  Ma ċċaqlaqniex mil-linja politika tagħna, però ċċaqlaqna sabiex nipprovdu kundizzjonijiet aħjar.

5.    Fil-Kumitat, it-Tlieta wara nofsinhar, stajt nagħti rendikont ta’ kemm persuni ġew f’pajjiżna fl-ewwel xhur tas-sena u x’qiegħed jiġri llum.  L-istatistika turi li waslu hawn 1535 persuna, li minnhom 268 kienu nisa u 125 kienu tfal.  Fil-maġġoranza tagħhom, 411 ġew mis-Somalja, 288 mill-Eritrea, 240 min-Niġerja u 103 mill-Etijopja.  Kull min wasal għamel talba sabiex jiġi rikonoxxut bħala refuġjat.  Dawn l-applikazzjonijiet ġew, fil-maġġor parti tagħhom, proċessati mill-Kummissarju għar-Rifuġjati.  Fil-fatt, fiċ-Ċentri ta’ Detenzjoni hemm preżentement 682 persuna u fiċ-Ċentri Miftuħa l-figura hija ta’ 2147.

6.    Tul dawn is-snin, l-esperjenza uriet kważi l-ħin kollu li dawn il-persuni jiġu hawn però jridu jmorru f’pajjiżi oħra.  Matul dawn is-snin, numru minnhom ġew ripatrijati u oħrajn, numru inqas, marru lura minn jeddhom.  Biss, il-maġġor parti jiċċaqilqu.  Ma’ dan iżda, aħna rnexxielna nibnu ħidma ma’ pajjiżi fl-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti li permezz tagħha ġew rilokati f’dawk il-pajjiżi madwar 1000 ruħ, li kompla għen.  Sar ħafna xogħol li nittama li fil-laqgħat li ġejjin fi ħdan dan il-Kumitat, il-persuni li taw sehemhom u jien ninfurmaw dwaru iktar.  L-immigrazzjoni irregolari mhix ser tisparixxi.  Pajjiżna jibqa’ fiċ-ċentru tal-Mediterran u għalkemm il-volum, il-metodu u l-persuni jinbidlu, xorta waħda hemm ser tibqa’.  Irridu nibqgħu attenti, preparati u viġilanti.  Dan qegħdin u ser inkomplu nippruvaw nagħmluh.

9.11.11

Politika umana

1.    Tul dawn l-aħħar snin affrontajna sitwazzjonijiet varji fis-settur tal-immigrazzjoni irregolari.  Kellna xenarji diffiċli u kkumplikati li mhux dejjem rajt persuni jagħmlu użu mir-raġuni fi kliemhom jew ħsibijiethom.  Anzi, kien evidenti li ħafna taw il-kontribut tagħhom fil-kamp politiku  u pubbliku mingħajr ma kellhom l-ideat ċari fuq x’kienu l-punti determinanti u importanti.  Sfortunatament, ħafna qabżu fin-nofs u flok qalu dak li kellhom jgħidu bħala persuni li għandhom is-sens komun, il-valuri u mhux l-opportuniżmu, qalu diskors li qajmu r-razziżmu u x-xenofobija.  Mill-2008 ‘l hawn rajna, verament, diskors mingħajr sustanza u ebda proposta vera, proprja u konkreta.

2.    Ħadna diversi passi konkreti fuq livelli varji sabiex naffrontaw verament it-traġedja li konna qed narawha sseħħ quddiemna.  B’eluf ta’ bnedmin jaqsmu mill-ixtut Libjani fuq biċċiet tal-baħar mingħajr saħħa, ser jaqgħu l-aħħar, kont nibqa’ skantat kif kont nisma’ u naqra min kien jagħtini l-parir li m’għandniex inħalluhom jiġu hawn.  Fortunatament f’dan qatt ma ħadna deċiżjoni waħda li permezz tagħha bnedmin bħalna setgħu tilfu ħajjithom.  Għal dawn is-snin twal f’din il-mewġa, bħala Gvern kellna nikkumbattu fil-pajjiż u barra minnu sabiex inżommu għolja l-bandiera tas-sewwa u l-valuri nsara li nemmnu fihom.  Sibtni f’sitwazzjonijiet li meta dħalt fil-politika ma kontx, qatt u qatt nimmaġina li ser insibni fihom.

3.    L-immigrazzjoni irregolari ilha fuq l-aġenda tal-pajjiż u l-poplu kien wera, diversi drabi, l-inkwiet tiegħu dwarha.  Però, tul dan iż-żmien fehem li l-Gvern kellu moħħu ċar u ħa passi diretti sabiex jinstabu s-soluzzjonijiet tul dawn is-snin.  Anqas f’din is-sena, li kienet hija wkoll waħda iebsa.  Nammetti li fix-xhur li għaddew, prinċipalment wara s-17 ta’ Frar, għaddejt minn ġimgħat twal ta’ inkwiet proprju fuq dan.  Min-naħa kellna l-piż tal-organizzazzjoni interna sabiex wieħed iwieġeb għax-xenarji varji marbuta mal-aspetti umanitarji u fuq in-naħa l-oħra rajt quddiemna t-theddida ta’ mewġa ferm u ferm ikbar ta’ immigrazzjoni irregolari milli qatt konna qegħdin naħsbu.  It-tbassir kien wieħed mill-iktar ikrah li taqqalli moħħi bl-effetti u konsegwenzi li setgħu jiġru f’pajjiżi.

4.    Ħadt diversi keded fuq dan u kkumbattejna, speċjalment meta, kif għidt, il-previżjonijiet kienu ta’ eluf kbar ta’ bnedmin li jitilgħu bil-baħar jaħirbu mill-ġlied.  Nassigura li ma kienx faċli u f’xi mument forsi nikteb f’iktar dettall fuq dak li għaddejna minnu.  Anke jekk sibtni għal ġimgħat twal norqod tlieta jew erba’ siegħat mal-lejl, speċjalment meta fi ftit jiem rajt madwar elf ruħ jaslu hawn.  Biss kelli dejjem spalla b’saħħitha madwari.  Il-Prim Ministru kien gwida ċara, diretta u ta’ sostenn fil-linja li ħadt.

5.    Ippreparajna rwieħna sew għal diversi eventwalitajiet, però altru taħseb x’jista’ jiġri u altru x’attwalment tara jseħħ quddiemek.  Waslu persuni hawn u rrid nirringrazzja lid-diversi uffiċjali, diretturi u impjegati tal-Istat li raw li l-parti tagħna saret sew.  Xejn ma kien faċli.   Nirringrazzja mill-qalb il-kuraġġ, id-determinazzjoni u l-perseveranza tal-uffiċjali li fi ħdan il-Gvern taw sehem.  Iktar u iktar meta f’dawn l-aħħar ġimgħat ħareġ ċar kristall li r-reġim tal-Kurunell Muammar Ghaddafi kellu id sew f’dan kollu.  Jidher li l-moviment ta’ persuni użah bħala strument politiku kontra tagħna, imma prinċipalment kontra l-Italja.  Il-bilanċ politiku li żammejna, mertu tad-direzzjoni tal-Prim Ministru Lawrence Gonzi, serviena sabiex ma nipperikolawx u ma naggravawx.

6.    Għalkemm ġejna kkritikati fuq elf ħaġa u kellna diversi persuni li jikkunsidraw ruħhom bħala esperti jippontifikawlna, dan il-Gvern għamel il-parti tiegħu tajjeb.  Mertu ta’ ħidmietna, żammejna saqajna mal-art.  Persuni li ħaqqhom status ta’ protezzjoni ngħatatilhom u minn fosthom, speċjalment familji, ġew integrati f’pajjiżi oħra.  Kien hemm min ipprova jarmi jew iċekken din il-ħidma imma din irnexxiet għax kompliet tagħti futur lil min verament kien jimmeritah.  Bit-tmiem tar-reġim fil-Libja infetaħ kapitolu ġdid.  Nittamaw li dan jibdel ukoll l-immigrazzjoni irregolari sabiex jieqaf darba għal dejjem dan l-isfruttament u abbuż fuq il-miżerja umana.  Il-futur ħadd ma jafu u għalhekk ser nibqgħu għax-xhur li ġejjin impenjati u viġilanti biex inwieġbu għar-realtà tal-isfidi li dan il-moviment iġib.  Il-politika tagħna ċara kienet u hekk ser tibqa’ – waħda li tħares lejn il-valuri, id-dinjità tal-bniedem u ma tmurx lejn id-denigrazzjoni tiegħu.

7.11.11

Tibdil fil-liġi

1.    Il-proċess li permezz tiegħu nbidlu l-liġijiet, tul din l-amministrazzjoni, kien u għadu wieħed kontinwu.  Kull ministeru ħa, u għadu qiegħed jieħu ħsieb, iressaq fil-Parlament tagħna liġijiet li permezz tagħhom jiġu mibdula u riformati diversi setturi.  Anke dak li jien immexxi preżentement żamm ritmu li, biċċa biċċa, qiegħed ikompli jaħdem sabiex jagħmel il-bidliet li jħoss neċessarji.  Żammejna quddiemna l-bżonn li naħdmu b’għaqal u naraw l-esperjenzi varji biex kemm jista’ jkun dak li jkun qiegħed isir imexxi l-progress soċjali u ekonomiku tal-pajjiż fil-valur tal-ġustizzja.

2.    Ċerti tibdiliet jistgħu jidhru faċli, oħrajn insensittivi u oħrajn impossibbli, però r-realtà hija li saru b’paċenzja u attenzjoni għad-dettall.  B’dan il-proċess, li jibqa’ dejjem iħares lejn l-uman, f’dawn l-aħħar snin inbidlu diversi setturi.  Uħud wasslu għal riżultati immedjati, oħrajn ħadu l-ħin tagħhom.  L-iktar importanti hu dejjem li wieħed ma jaqtax qalbu u jibqa’ jipprova jasal biex isib soluzzjoni.  B’dan l-għan ukoll, f’dawn il-jiem ser jiġi pubblikat abbozz ta’ liġi ieħor li permezz tiegħu ser jiġu introdotti numru ta’ emendi fil-Kodiċi Ċivili.

3.    Settur li numru ta’ drabi jsib lilu nnifsu fil-gazzetti huwa dak marbut ma’ kawżi ċivili li jsiru fil-Qorti tal-Familja biex jiġu identifikati jew dikjarati legalment persuni bħala l-missirijiet bioloġiċi tal-ulied.  F’din il-Qorti jiġu ppreżentati varjetà ta’ każijiet.  Xi drabi jsiru mill-ġenituri – daqqa mill-mara, daqqa mir-raġel fiż-żwieġ, daqqa mill-missier bioloġiku u xi drabi mill-istess ulied.  Fil-passat, il-prova f’dawn il-kawżi kienet tiddependi fuq fatti esterni, xhieda u provi diretti u indiretti li mhux dejjem kienu jippermettu ġudizzju ċar.  Fil-fatt kien magħruf li anke jekk kien hemm xi indikazzjoni, ħafna drabi l-każijiet fil-Qorti kienu jibqgħu ma jsirux.

4.    F’dawn l-aħħar snin, ix-xjenza moderna avvanzat ħafna.  Permezz tat-teħid ta’ kampjuni tad-DNA, fix-xjenza deoxyribionucleic-acid, dan is-settur inbidel ta’ taħt fuq.  Filwaqt li l-iktar viċin li kellna kien it-teħid ta’ kampjuni tad-demm, li kienu għenu, biss kien magħruf li ma kellhomx ċertezza ħlief f’każijiet uniċi.  Illum, b’dan il-proċess hemm b’mod mill-iktar ċert li l-prova tar-rabta tad-demm bejn il-ġenitur bioloġiku u l-ulied.  Mhux biss dan, imma l-pendlu tal-importanza ta’ dak li s-soċjetà trid tikseb permezz tal-liġi nbidel ukoll.  Għamilna żmien li fih kien hemm iktar interess li titħares il-familja u l-preferenza kienet li, kemm jista’ jkun, ulied imwielda fiż-żwieġ jibqgħu hemm.  Dan illum inbidel ukoll – l-interess inqaleb għal fuq id-dritt li l-ulied ikunu jafu min huma l-ġenituri tagħhom.

5.    F’dawn l-aħħar ħames snin, fil-Qorti tal-Familja daħlu madwar 365 każ ġdid marbuta ma’ dawn it-talbiet.  Ovvjament, l-użu tal-eżamijiet xjentifiċi tad-DNA għamlu differenza, speċjalment fejn il-partijiet jaqblu li jgħaddu kampjuni mingħajr diffikultà.  Hemm il-kawża tintrabat u ssib mod iktar espedjenti biex tiġi magħluqa billi tiġi stabbilita b’mod ċar min huwa min.  Is-sena li għaddiet għamilna numru ta’ emendi fil-Kodiċi li permezz tagħhom estendejna ż-żmien li fih tista’ tiġi talba fuq dan is-suġġett, kif ukoll li tajna l-possibilità li l-proċeduri jsiru minn kull min għandu interess u neħħejna artikolu li kien jistabbilixxi li dak li tgħid il-mara m’għandux piż fil-prova f’kawża.

6.    Bqajna lura sabiex nistudjaw aktar fit-tul artikolu partikolari.  Illum il-Qorti għandha, f’dawn il-kawżi, sitwazzjoni fejn ma tistax iġġiegħel lill-partijiet li jagħtu kampjuni.  Il-Qorti tista’ tistieden u wara tasal għall-konklużjonijiet tagħha u għalhekk, fil-każ ta’ min ma jagħtihx, il-Qorti jkollha diffikultà biex tasal għal konklużjoni.  Fil-Ġermanja, b’mod partikolari, is-sitwazzjoni hija differenti.  Hemmhekk il-qorti għandha d-dritt li tordna li kampjuni jiġu meħuda.  Dan ifisser li dawn il-każijiet jistgħu jiġu deċiżi iktar malajr u dan fl-interess tal-ulied involuti.  Bis-sistema tagħna għandna numru ta’ persuni li jibqgħu mdendlin fin-nofs.  Jafu li huma ulied ta’ persuna imma m’għandhomx dan f’ċertifikat tat-twelid.  Għalhekk, f’dan l-abbozz ta’ liġi ser nipproponu fil-Parlament li s-sitwazzjoni tiġi mibdula u l-Qorti tingħata l-fakultà li tordna.  Dan għandu jġib tibdil ieħor fis-soċjetà.  Ċert li ser ikun hemm dibattitu sod u b’saħħtu fuq dan il-punt.

5.11.11

Responsabbiltà, prudenza u esperjenza

 Dan l-artikolu kien deher fil-ġurnal Il-Mument nhar il-Ħadd 26 t'Awwissu 2011. 

1.    Ix-xenarju fil-Libja f’din l-aħħar ġimgħa biddel totalment dak li kien ilu għaddej mis-17 ta’ Frar.  Il-pajjiż verament viċin għalina ħiereġ minn kapitolu li kien ilu fih tnejn u erbgħin sena u dieħel f’ieħor kompletament differenti.  Hemm ħafna xogħol li jrid isir minn dan il-poplu Libjan.  Il-pajjiż huwa sinjur, biss minn din l-esperjenza qiegħed joħroġ imfarrak, b’diffikultajiet u kumplikazzjonijiet xejn faċli.  Biss ir-riħ tal-libertà, il-kuraġġ li tqum kontra t-tirannija, il-bżonn tal-ġustizzja u r-rispett lejn id-drittijiet fundamentali, ladarba jkollhom l-ispazju, jimirħu u jirbħu.

2.    Il-gwerra ċivili fi ħdan dan il-poplu qed tħalli warajha mewt, distruzzjoni u instabilità kbira.  Il-feriti li nfetħu mhux ser jingħalqu malajr.  Hemm snin quddiemna fejn l-armi li nxterdu faċilment min-nies, ser jibqgħu jiġu użati sabiex jingħalqu l-“kontijiet”.  Żgur mhux forsi, dawk kollha li ilhom is-snin jissaportu, jibqgħu lura, jsofru, jiġu arrestati, jaraw lil nieshom jiġu msakkra jew jinqatlu, issa ser joħorġu.  Dak li ser jiġri mhux faċli li tipprevedih.  Hemm ħafna sfidi li jridu jiġu kkonfrontati u ssuperati.  Kollox jiddependi mill-abbiltajiet tal-mexxejja preżenti u futuri.

3.    F’dan kollu għad fadal il-kapitolu tal-persuna li ddomina u mexxa lil dan il-pajjiż.  Jekk jinqabad, jekk jaħrab, jekk jipprova jmut fil-kamp tal-battalja għad irridu naraw.  Li hu żgur hu li l-poter ħareġ minn idejh darba għal dejjem u ma jistax jieħdu lura.  Il-bidla hija inevitabbli, però jista’ jkompli jħabbathom.  Il-mexxejja tal-Kunsill Nazzjonali Transitorju għandhom x’ikomplu jaffrontaw f’dan.  Il-kapaċitajiet tagħhom, l-użu tat-talenti hawn iridu jkomplu joħorġu.  Kull pass li qiegħed jiġi meħud huwa, f’ħafna sens, determinanti għall-futur tagħhom ilkoll.  Hemm diffikultajiet interni, ta’ fiduċja, ta’ viżjoni u ta’ appoġġ popolari.  Biss, f’dan il-mument huma l-persuni li ħarġu għonqhom u affrontaw il-kumplikazzjonijiet kollha ta’ bnedmin armati li m’humiex dixxiplinati f’armata.

4.    Pajjiżna, tul dawn ix-xhur twal segwa, sofra u ra kif jista’ jassisti fid-direzzjoni t-tajba.  Aħna, li aħna l-iktar pajjiż Ewropew viċin, irnexxielna nieħdu l-passi neċessarji sabiex issir is-sewwa.  Konna proattivi b’ħidma kuraġġuża u kompletament umanitarja.  L-evakwazzjoni ta’ diversi ċittadini mid-dinja kollha ġiet kollha kordinata mill-uffiċjali tagħna.  Dan bid-diffikultajiet loġistiċi, diplomatiċi u umani.  Pajjiżna ħadem bil-għaqal sabiex nissudaw ir-relazzjonijiet tagħna ma’ dan il-poplu viċin ħafna tagħna.  Kull jum ġieb miegħu deċiżjonijiet diffiċli ħafna f’ħoġor il-Prim Ministru u dawn ikkonfrontahom b’responsabbiltà, bi prudenza u bl-esperjenza.

5.    Il-pajjiż għandu għalxiex ikun kburi bil-Prim Ministru li għandna.  Tul dawn l-aħħar xhur sibtni diversi mumenti viċin tiegħu, flimkien mal-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin Tonio Borg u stajt nara direttament il-prudenza, il-kuraġġ u l-viżjoni li mexxewh biex jieħu d-deċiżjonijiet li f’ebda stadju ma kienu faċli.  Fl-istorja ta’ dan il-poplu indipendenti, ebda mexxej ieħor ma sab lilu nnifsu jrid jaffronta din il-kobba tant imħabbla.  L-interessi ta’ pajjiżna nżammu b’mod ċar quddiemu, mingħajr ma tilef il-prinċipji tas-solidarjetà u rispett lejn dan il-poplu viċin tagħna.  Il-paċi interna u s-serenità ggwidawh kontinwament fid-diversi  mumenti iebsa li ra ma’ wiċċu.

6.    L-esperjenza politika, il-karriera tiegħu fid-diversi pożizzjonijiet li okkupa minn Speaker tal-Kamra tad-Deputati, għal Segretarju Ġenerali, għal Viċi Prim Ministru u mbagħad Prim Ministru ġew kollha għall-vantaġġ ta’ dan il-poplu f’sitwazzjoni taħraq nar.  Jekk hemm xi ħadd li qed jaqrani u jaħseb li t-tmexxija ta’ dan il-pajjiż tista’ ssir minn kulħadd għax hija xi ħaġa faċli qiegħed iqarraq bih innifsu.  Il-pajjiż m’għadux fil-bidu imma ‘l quddiem b’sehem determinanti fix-xenarju Ewropew u internazzjonali.  Biss l-isfidi li għandna quddiemna kif qed naraw ma spiċċawx anżi komplew kibru fil-komplikazzjonijiet.  Il-pajjiż qiegħed jitmexxa tajjeb, iħares ‘il quddiem u jagħraf jiddistingwi bejnis-sewwa u dak li mhuwiex.  Il-kapitolu Libja huwa miftuħ beraħ.  Hemm ħafna potenzjal għall-ġid tar-rapporti soċjali u kummerċjali bejn iż-żewġ pajjiżi u dan mertu ta’ Lawrence Gonzi, li ma żgarrax waħda bir-responsabbiltà, bil-prudenza u l-esperjenza li huwa mżejjen bihom.


4.11.11

Kwistjoni ta’ identità

1.         F’din is-soċjetà preżentement qegħda tidħol il-kultura li persuni fil-politika m’għandhomx ikollhom ideat tagħhom.  Anzi, huwa mistenni minnhom li jinsew dak li jħossu jew jaħsbu li huma u jassumu lbiesi ta’ dawk li mdorrija jlibbsu lill-pupi.  Kull min iqiegħed lilu nnifsu għas-servizz tal-poplu jrid dejjem, skont din il-mentalità, jkun dak li huma jriduh ikun u mhux x’attwalment huwa.  Forsi ilna navvanzaw f’din it-triq, fejn l-“arti tal-politika” qegħda tikkonċentra hija stess li tipprova tidher dak li mhix.  Dawn l-artikoli, għalija jservuni sabiex nibqa’ fil-proċess li nkun dak li naħseb li jien, forsi xi forma ta’ konfessjoni tat-tip ta’ Albert Camus f’“The Fall” (La Chute).


2.         Il-politiku jirrappreżenta lil dawk li jiddeċiedu li jivvutawlu, però l-identità tiegħu jżommha.  Il-kultura, il-formazzjoni, il-prinċipji tiegħu, l-impenn lejn is-soċjetà, l-enerġija, id-determinazzjoni – valuri li huwa jħaddan jibqgħu direttament miegħu.  Ma jitilquhx u anzi jkun għal kollox żbaljat jekk kemm-il darba jipprova juri lilu nnifsu fil-kontra ta’ dak li hu.  Jista’ jifforma ruħu iktar, għandu jimmatura iktar bl-esperjenza li l-ħajja tagħtih però, meta jmur lura, jitlef.  Jitlef minnu nnifsu, jitlef mill-valur li jirrappreżenta u li għandu jagħti lis-soċjetà.  Illum il-poplu jrid, iktar minn qatt qabel, li jkun jaf.  Jifhem aħjar lil min qed jiġi mogħti l-kunsens tar-rappreżentazzjoni u f’dan għandu għodda ġdida, iktar ċara u diretta li toħroġ lil dak li jkun f’dak li hu.


3.         Il-politika hija servizz u responsabbiltà kbira.  Mhux dejjem tagħrafha fid-dimensjonijiet tagħha, biss iż-żmien, iċ-ċirkostanzi u l-kuntatt dirett mal-ħajja jgħabbuk iktar b’dak li hija attwalment.  Il-bnedmin, kull wieħed f’kull ċirkostanza tal-eżistenza tiegħu, jiċċaqlaq f’direzzjoni jew oħra skont dak li jkollu ġewwa fih.  Għalija, mill-esperjenza diretta f’din il-linja tiegħi u minn dak li nara f’ħaddieħor madwari, dak li joħroġ minn fommna jew minn kitbietna jiddependi fuq kemm aħna ffurmati f’kultura politika ta’ ideat ċari u sodi.  Anke jekk diversi drabi ma taqbilx ma’ argument imressaq minn politiku ieħor, meta dan ikun loġiku, ċar u bbażat fuq linja ta’ ħsieb imsejjes fuq twemmin u ideoloġija, ma tistax ma taċċettax li tressqu b’onestà u konvinzjoni interna.


4.         Nammira u nqis f’livell ogħla lil dawk li fil-politika jaħdmu, jaġixxu u jaħsbu għax għandhom il-konvinzjonijiet interni distinti tagħhom.  Konvinzjonijiet li huma marbuta u bażati mhux fuq x’qal ħaddieħor, x’ingħad fil-gazzetti, imma għax ħaseb u irrifletta fuqhom.  M’huwiex pappagall politiku li jirrepeti biss, volontarjament jew involontarjament, ideat ta’ ħaddieħor mingħajr ma jkun rahom jaħdmu jew jiġu applikati.  Għax hemm din id-distinzjoni li għalija hija importanti.  Dawk li jirrepetu u jafu li qegħdin sempliċement jgħidu dak li ngħad u li però mhux konvinti minnu narahom f’livell iktar gravi minn dawk li ġew influwenzati u ma ndunawx li dak li qed jingħad huwa bla bażi.


5.         L-identità, il-kultura, l-għeruq personali huma vitali f’soċjetà demokratika fejn min jirrappreżenta jrid jagħmel dan sewwa - kif kien qal tant tajjeb Christopher Lasch fil-ktieb tiegħu “The Revolt of Elites and the Betrayal of Democracy”, li jimmerita attenzjoni u qari dettaljat.  Meta l-kuntatt mal-art li wieħed jirrappreżenta jinqata’, intellettwalment imur lura.  Mhux qiegħed b’xi mod nirreferi għall-kuntatt uman, fiżiku, imma dak li jitwieled minn riflessjonijiet fuq dak li aħna u li jaħdem għalina.  Soluzzjonijiet politiċi ta’ dawk li jiġu minn esperimenti jew suġġerimenti f’pajjiżi oħra jridu kull darba jitqegħdu lura fil-proporzjon u skont din l-art.  L-ideat, l-azzjonijiet jagħtu frott fl-ambjent u l-ħamrija li tilqagħhom, mhux li ma taċċettahomx.  Minflok ġid, ħsara titwieled.  Hemm ġlieda ta’ identità ta’ ideat li jridu jsiru.


6.         Reċentement qrajt dak li awtriċi mill-Ghana, Nana Ayebia Clarke ġiet irrappurtata li qalet, u laqtuni żewġ punti.  L-ewwel: “Ayebia insists that African children who are being constantly fed with a western diet of books, will grow up neglecting or rejecting their own culture.”  Kemm għandha raġun f’dan, li jgħodd għal kull komunità, soċjetà, nazzjon u poplu.  Ma naċċettax din id-dominanza ta’ kulturi li tant huma marbuta f’moħħhom li ma jistgħux jaċċettaw oħrajn.  Għalihom, soċjetà hija aċċettabbli biss jekk tikkonforma preċiżament ma’ dak li għandha hi.  Għalhekk, flok hemm rispett reċiproku u għarfien tal-wirt tad-diversità li tant vjaġġaturi, ibda minn Marco Polo, tant kienu jibqgħu mmeraviljati bihom, għandhom forom ta’ tiranniji li joqtlu l-identitajiet.


7.         Laqtuni wkoll fit-tieni punt dawn il-kliem: “Because knowledge is power, and the control of knowledge has always been a political question that makes the arena for cultural production a site of struggle for dominance and a site of struggle for the power to define, legitimise and consecrate ideas, produces and products.  Those with power will dictate the manner in which our institutions are structured and instructed for their benefit not ours.”  Jekk qabel id-dominanza kolonjali kienet iġġib magħha fatturi ta’ dan il-livell, illum bil-midja internazzjonali għandek dominanzi oħra.  Ċerti drabi, pajjiżi tarahom jaċċettaw dak li meta kienu kolonji irrifjutaw, u dan għax għandna kawżali ġodda li aħna stess ma narawx u ma nagħrfux.  Meta ma hemmx identità jkun hemm serviliżmu għall-ideat ta’ ħaddieħor.  In-nuqqas ta’ formazzjoni kulturali, soċjali, fl-għeruq tal-art iġibu dak li m’aħniex.  Il-politika hija kwistjoni ta’ identità – waħda li tagħmel differenza.

Dan l-artikolu deher fil-ħarġa tal-ġurnal Illum tal-10 ta' Lulju 2011.

Għażel triqtu?


1.                  F’dawn il-jiem wara t-tmiem tal-ħajja tal-Kurunell Muammar Ghaddafi u ta’ erbgħin sena tar-renju tiegħu, erġajt mort lura f’numru ta’ eventi mill-passat.  Ftakart f’xi konversazzjonijiet li kelli mal-Ġeneral Abdel Fatah Younis, li kien jokkupa l-kariga ta’ Ministru tal-Intern fl-aħħar “gvern” ta’ Ghaddafi.  Kien dirett lejn il-punt.  Ebda forma ta’ diplomazija, anzi persuna tal-armata li kellu f’rasu li jrid jibqa’ fil-poter mhux bl-użu sempliċi jew normali tal-politika.  Kull meta rajtu laqagħni ta’ persuna li kien jikkonsidra ħabib.

 
2.         Fi Frar ta’ din is-sena kien ċar li kienet ġejja r-rivoluzzjoni.  Niftakar f’dak li rajt u ħassejt meta f’Diċembru tal-2010 kont lura Tripli.  Fl-aħħar ta’ Jannar, fil-kurituri tal-Parlament tagħna ltqajt ma’ membru tal-Oppożizzjoni u għidtlu li kien jidher ċar li ċaqlieq kien ser ikun hemm u li kien differenti ħafna minn dak tas-soltu.  Ngħid li Ghaddafi stess kien ħass dan, għax diskorsu f’dawk il-jiem kien, biex ngħid, l-inqas interessanti.  Ftakart li f’mument, ma’ dan il-Ġeneral Younis, jien u nkellmu bl-Ingliż u jweġibni lura bl-interpretu għamilt żball.  Għidtlu li kont nippreżumi li stajt nitkellem bit-Taljan ladarba rajtu li qisu l-Ingliż ma jippossjedihx.  Ħabta u sabta dar fuqi u qalli, issa bl-Ingliż, li huwa kien min-naħa ta’ Benghazi, mhux Tripli, u għalhekk it-Taljan ma jħaddmux.  Rajtha iktar tard stramba din ir-reazzjoni, kważi nazzjonalista ta’ parti mil-Libja minn xi ħadd li ħarġet bħala molla f’poplu li suppost ilu magħqud mill-1952.

 
3.         Anke f’Diċembru, meta mort għal laqgħa ta’ jumejn, li f’daqqa waħda nbidlet f’waħda ta’ nofs ta’ nhar.  Fejn is-soltu kien ikolli s-sigurtà bħala Ministru tal-Intern, f’daqqa waħda sibt ultra-sigurtà.  Immur fejn immur kelli purċissjoni ta’ karozzi u muturi li xejn ma kien iżommhom lura.  L-atmosfera bejn il-ministri l-oħra kienet hi wkoll interessanti.  Dawk li kienu ġejjin mit-Tuneżija, l-Alġerija, l-Marokk u l-Mawretanja qisu kienu qed iħossu li xi ħaġa kienet qegħda tbaqbaq minn taħt.  Fejn is-soltu ħafna ferħ, diskors u trasmissjoni ta’ ħsieb li xejn ma jwaqqafhom, kien hemm attenzjoni.  Fatah Younis biss rajtu li għad għandu kontroll fuq ta’ madwaru.

 
4.         Kif sibtni b’daqshekk ħin fuq idejja u li ma stajtx naqbad u niġi lura, talbthom li f’jum jeħduni Leptis Magna u l-għada Sabrata.  Fejn is-soltu ma kienx ikun hemm problemi jew ostakli għal dawn ix-xewqat, ressquli ħafna skużi fuq Leptis Magna u Sabrata ħaduni kmieni filgħodu, mas-sebgħa u nofs.  Dan il-komportament ukoll kien stramb.  Il-Ministru tal-Intern, fejn is-soltu kien ikollu l-ħin, sparixxa – kif għamlu l-ministri l-oħrajn li qisu riedu jagħtu l-messaġġ li kienu skansawha.

 
5.         Għalhekk ma rajt xejn stramb jew ta’ barra minn hawn meta ġejt infurmat li wara s-17 ta’ Frar kien hu, dan il-Ministru tal-Intern li telaq lil Ghaddafi l-ewwel.  Żamm ruħu ‘l bogħod minn mal-poplu proprju għax kien jaf kemm hu sogru kbir li dar kontra minn ħatru.  Ma hemmx dubju li kien lura mal-poplu tiegħu deċiż li jikkumbatti bl-aħjar abbiltajiet tiegħu sabiex ineħħi dan ir-reġim.  Żgur li mexxa l-moviment militari sabiex jaqleb billi kien jaf ma’ min qed jagħmilha.  Kif nafu, spiċċa maqtul huwa wkoll tul il-gwerra f’ċirkostanzi misterjużi f’mument mill-iktar delikat.  Uħud jgħidu li qatluh naħa, oħrajn oħra.

 
6.         Li però baqa’ impress f’moħħi kienet intervista li saritlu fil-bidunett tal-konflitt.  Ġie mistoqsi kif Ghaddafi ser jispiċċa.  Ma kellux illużjonijiet u kien jaf sew il-persuna li kien qiegħed jitkellem dwarha.  Iddikjara li ma kienx ser jaħrab jew iċedi l-poter, anqas li jneħħi ħajtu, imma li jagħżel li jinqatel bl-armi f’idu bħal martri.  Dawn il-kliem baqgħu jidwu fil-kurituri ta’ moħħi f’dawn ix-xhur, biss fl-aħħar xahrejn tlaqthom.

 
7.         Reġgħu ġew lura quddiemi fl-aħħar xeni tal-qtil tal-Kurunell Ghaddafi.  Għalkemm rajt u qrajt dikjarazzjonijiet ta’ stmerrija mill-pajjiżi bħal tagħna li jħaddnu prinċipji demokratiċi li jesiġu li kull pesuna għandha tiġi proċessata u ħadd ma jista’ jieħu l-liġi f’idejh, reġgħu ġew f’widinti kliem Younis.  Kien mill-iktar stramb kif Ghaddafi, li seta’ jaħrab qabel, seta’ jsib kenn f’pajjiż ieħor, għażel li jibqa’ hemm.  Iktar diffiċli li għażel li jinstab waħdu, abbandunat ġewwa post li ma naħsibx li kien qiegħed jittama li ma jarawhx.  Wara tant nies miegħu, possibbli ħallewh waħdu f’dik it-toqba?  Mingħajr ma ridt, tajjeb jew ħażin staqsejt: “Għażilha hu?”.  Kienet din it-triq li għażel?  Ried jinżel fil-moħħ tiegħu bħala martri?  Domandi li għalihom m’għandix tweġiba.

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...