1. Ma rrid inweġġa’ lil ħadd, imma xtaqt sempliċement inressaq għar-riflessjoni ftit punti. Konsiderazzjonijiet li jitwieldu minn rikorrenza, anniversarju, sejjaħlu li trid, li għadda mingħajr ma ġie mfakkar. Fit-12 ta’ Diċembru 1981 kien hemm elezzjoni ġenerali li r-riżultat tagħha serva f’diversi effetti li qasmu, u f’ċertu sens għadhom sal-ġurnata tal-lum, jaqsmu lis-soċjetà Maltija. F’dik l-elezzjoni, bis-sistema elettorali li kellna, rajna dak li kien qiegħed jiġi previst li jseħħ mingħajr ma ħadd fehem sewwasew il-portata ta’ dak ir-riżultat.
2. F’dak il-jum, it-tibdil politikament organizzat tad-distretti elettorali, ġieb il-konsegwenza li l-partiti ġiebu siġġijiet parlamentari li ma rriflettewx il-vot popolari. Il-Partit Nazzjonalista, mmexxi għall-ewwel darba mill-Kap il-ġdid tiegħu Eddie Fenech Adami, kien ġieb 114,113 voti, rappreżentanti 50.9% però kellu 31 siġġu – li kienu jirriflettu 48.5%. Il-Partit Laburista ġieb 109,990 vot, jiġifieri 49.1% u minflok 34 siġġu, li kienu jammontaw għal 51.5%. Il-kobba kienet imħabbla minn qabel. Minkejja d-diversi protesti li kien hemm mill-Oppożizzjoni, il-Gvern baqa’ ma tax widen. Kollox seta’ jiġi solvut, biss kien hemm wisq ostinazzjoni.
3. Ir-ras iebsa kienet f’żewġ mumenti. L-ewwel, qabel l-elezzjoni ġenerali fejn il-Partit Nazzjonalista kien diġà pprova jibdel l-affarijiet għal riżultat elettorali ġust, però la l-Kummissjoni Elettorali u wisq inqas il-Gvern ma semgħu. Kieku d-distretti kienu allinejati aħjar dak ir-riżultat ma kienx iseħħ. It-tieni, wara l-elezzjoni ġenerali. Hemm il-pożizzjoni ma kinetx irreversibbli. Kieku l-Partit Laburista għaraf dak li seħħ, ikkoreġa d-distretti u reġa’ mar għall-elezzjoni, l-pożizzjoni kienet tkun differenti. Differenti f’żewġ direzzjonijiet: l-ewwel, fit-tħaddim korrett tad-demokrazija u għalhekk li stajna naħirbu minn dak kollu li seħħ wara; u t-tieni, li nemmen li kieku reġgħet saret l-elezzjoni, l-Partit Laburista kien ikollu opportunità ikbar li jieħu lura l-poter b’mod leġittimu.
4. Id-deċiżjonijiet żbaljati li ttieħdu kkumplikaw, u flok waqfu, komplew iktar ħabblu l-kobba waħda u sew. Il-konsegwenza kienet ċara u ovvja. Il-Partit Nazzjonalista ma kellu ebda alternattiva ħlief li jaħdem sabiex il-maġġoranza popolari tiġi trasformata f’waħda parlamentari. Is-snin ta’ wara, mill-1981 sal-1987 - ħames snin u ħames xhur ta’ leġislatura – kienu l-ikreh fl-istorja demokratika tagħna. Ħadd ma jista’ b’xi mod jiċħad li kien żball politiku kbir li ġie kommess mill-Partit Laburista ta’ dak iż-żmien. Ħadd ma jista’ jgħid li l-affarijiet marru għall-aħjar għax marru verament għall-agħar.
5. Dawk iż-żminijiet issarrfu f’dell politiku li l-Partit Laburista baqa’ jġorr miegħu. Diversi persuni jaraw lil dak il-partit bħala wieħed li għandu passat fejn ma tantx kien demokratiku fl-aġir tiegħu. Ma jafdawhx proprju għax raw, u terġa’ wħud għadhom jaraw, dan l-element preżenti. Il-ħsara lill-Partit Laburista u lill-pajjiż, f’ħafna sens dehret irreparabbli. Għax il-pajjiż, quddiem dan l-eżempju żbaljat u quddiem id-diffikultajiet evidenti li ħarġu, ma kienx qiegħed javvanza, la soċjalment u wisq u wisq inqas ekonomikament. Dawk is-snin hemm bżonn li jkun hemm trapass ikbar tal-eventi biex jintesew mill-memorja kollettiva.
6. Dan għax dawk is-snin wasslu għal konflitti politiċi kbar. Mobilizzazzjoni popolari kostanti li wasslet lil diversi familji jinqasmu, in-nies jiġu identifikati u jbatu. Kienu jiem meta l-libertà tal-espressjoni kienet impossibbli. Nies jibżgħu jitkellmu, jibżgħu jixtru l-gazzetti, jibżgħu jieħdu sehem u jridu jgħixu ma’ dak li ma jridux. Sfortunatament tgħaddi minn dawk il-mumenti, jibqgħu miegħek u tibqa’ ġġorrhom. Il-pajjiż kien viċin dittatura, kien viċin reġimi komunisti varji, kien qiegħed ma’ kull ġurnata jibża’ li l-folja ma setgħetx tinbidel. Kemm kien hemm sitwazzjonijiet iebsa u tal-biża’ jgħarfu dawk li ġarrbu u dawk li għexu dawk iż-żminijiet.
7. Għaddew verament tletin sena u hemm dejjem lok ta’ riflessjoni politika. Importanti żgur li s-sistema demokratika tagħna tibqa’, kif inhija llum, aċċettata bħala valur li m’għandniex innaqqsu milli nkabbru. Il-mekkaniżmi li daħħal il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern qed jassiguraw sitwazzjoni li hija diffiċli li mmorru lura minnha. Biss, il-lezzjoni prinċipali tibqa’ dik li min qiegħed fil-poter għandu jkollu ġewwa fih mhux biss is-sens imma l-konvinzjoni li li d-demokrazija hija għodda indispensabbli. Dan huwa d-dmir ta’ kull partit politiku f’pajjiżna – li jżomm u jassigura sabiex dan il-poplu jibqa’ javvanza.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA - LAQGĦAT
22088. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ: Jista...
-
20788. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f&...
-
18543. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ ...
-
20869. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għall-mistoq...
No comments:
Post a Comment