1. Dan kien u għadu l-messaġġ mill-iktar ċar li ħareġ mill-aħħar laqgħa tal-Kunsill Ewropew ta’ nhar il-Ħamis u l-Ġimgħa. Il-Prim Ministru tagħna attenda għal waħda mill-iktar laqgħat determinanti fl-istorja tal-Ewropa. Kien hemm, jiddefendi l-interessi nazzjonali u fl-istess ħin iħares ‘il quddiem lejn dak li ser jiżviluppa fix-xenarju ekonomiku sabiex is-soċjetà tagħna ma tbatix. Il-bieraħ filgħodu, fid-dikjarazzjoni parlamentari li huwa għamel, kien jidher evidenti li l-impenn tiegħu wassal sabiex jintlaħqu dawn il-miri - dawk li permezz tagħhom inkomplu nipproteġu l-ekonomija tagħna u fl-istess ħin nassigurawlha t-tkabbir. Ftit jifhmu kemm dawn il-jiem kienu importanti u kruċjali għalina lkoll.
2. Ngħid dan għax il-fatt li aħna maqtugħa bil-baħar mill-bqija tal-Ewropa, kif ukoll li d-dimensjonijiet ġeografiċi tagħna huma li huma, jwassal diversi minna biex jaħsbu li d-dinja tibda u tispiċċa minna, mentri r-realtà hija li aħna dħalna fil-qalba tal-Ewropa. M’għadniex dawk li huma parteċipanti passivi, iżda qegħdin attivi. Ftit japprezzaw li waqt li fil-jiem li għaddew il-Gvern ħabbar pakkett ta’ numru ta’ inizjattivi u miżuri pożittivi li ser ikomplu jassiguraw it-tkabbir, Stati Ewropej oħra qegħdin ibatu sew. M’aħniex nifhmu u forsi ninfurmaw biżżejjed dak li hemm għaddej u dak li qed isir f’dawn il-gżejjer. Dan għax Stati Membri Ewropej jafu li l-istat tal-ekonomiji tagħhom mhux tajjeb u jridu jitħabtu sew sabiex iġibu lilhom infushom lura fit-triq lejn ekonomija soda.
3. F’dawn il-gżejjer m’għandniex l-inkwiet li għandhom l-oħrajn għax ħsibna minn qabel. F’dan il-Kunsill, il-pajjiżi kollha li għandhom is-sistema tal-munita unika ewro u oħrajn qablu li d-defiċit irid ikun bilfors mat-3% u jrid jonqos pass pass, sena sena b’0.5%. Dan aħna diġà qegħdin inwettquh u għalhekk għandna l-istabilità u ċ-ċertezza ekonomika li ħaddieħor m’għandux. Però hija verità li f’dawn il-gżejjer, mertu jew ta’ nuqqas ta’ informazzjoni jew misinformazzjoni, hawn min kważi kważi jiċħad dan kollu. Fostna nsibu min tant ma jistax jemmen il-kuntrast li ma jridx jisma’ bil-problemi li għandu ħaddieħor. Hawn tiġri mas-saqajn ċaħda mentali tal-fatt li f’dan l-Istat, is-sitwazzjoni soċjali u ekonomika hija ferm aħjar minn diversi oħra. Din forsi ġejja minn min ma jridx jemmen l-aħbarijiet barranin jew minn min ma jaqrax u ma jsegwix. Li hu żgur hu li għandna min jiċħad dak li huwa quddiemna.
4. Hemm bżonn proċess aqwa mill-mezzi ta’ informazzjoni sabiex jispjegaw dak li huwa għaddej barra minn xtutna u li aħna, bħall-passat, parti minnu. Hemm realtà li hija għaddejja, tiżviluppa b’saħħa u veloċità li jekk ma jkunx hemm għarfien sħiħ tagħha u tal-konsegwenzi li tista’ ġġib, inkunu qed nagħmlu disservizz lis-soċjetà. Ma kienx hemm biżżejjed spjegazzjoni ta’ dak li wassal sabiex ix-xenarju Ewropew jiżviluppa f’pożizzjonijiet xejn faċli. Is-sitwazzjoni ekonomika li żviluppat b’rapidità u li uriet diversi mankanzi, fosthom fit-tmexxija politika, ma ġietx divulgata u hemm bżonn li tiġi. Jekk dan il-pass ma jsirx inkunu qed immorru lura minn proċess demokratiku neċessarju - wieħed li jassisti sabiex nifhmu x’kienu l-kawżi ta’ ħaġa u oħra u l-analiżi sussegwenti tal-effetti.
5. Dan huwa iktar u iktar importanti fl-attakk żbaljat li żviluppa fuq il-munita komuni tal-ewro. Kien hemm min għadu jrid jiċħad l-effetti pożittivi ta’ munika unika. Jiċħad ukoll il-passi pożittivi li pajjiżna akkwista. L-ewwel, bid-dħul tagħna fl-Unjoni Ewropea li permezz tiegħu għandna issa d-dritt li niddefendu u fl-istess ħin ninfluwenzaw u nibdlu d-direzzjoni tal-politika ekonomika Ewropea li qabel ma kellniex alternattiva ħlief li nibqgħu passivi għaliha. It-tieni, bid-dħul tagħna fil-munita ewro, li assigura stabilità u ċertezza interna, li qabel ma kellniex b’daqshekk saħħa. It-tielet, li ġejna f’pożizzjoni ekonomika li tippermettilna nikkompetu ferm u ferm iktar aħjar fis-setturi kollha li għandna: finanzjarji, industrijali u marittimi. Id-deċiżjonijiet li ġew meħuda mill-Prim Ministru Lawrence Gonzi f’dawn iż-żewġ leġislaturi, illum servew sewwa.
6. Sewwa qal “The Economist” ftit jiem ilu fl-editorjal tiegħu: “The consequences of the euro’s destruction are so catastrophic that no sensible policymaker could stand by and let it happen”. Iċ-ċertezza u l-istabilità ekonomika huma determinanti mhux biss f’pajjiżna, iżda wkoll fl-Unjoni Ewropea. Mexxej tajjeb għal ma għandna assigura li ħadna passi li bihom stajna nwieġbu għall-isfidi bi flessibilità ikbar. Għandna bniedem raġjonevoli, preparat u determinat biex insegwu t-triq tal-ġid u tal-għaqal. M’aħniex ser ngħaddu minn dak li għaddej minnu ħaddieħor, però dan ma jfissirx li m’għandniex l-intoppi ekonomiċi tagħna. Irridu nibqgħu attenti. Nibqgħu nħarsu ‘l quddiem sabiex dak li ġie milħuq f’dan il-Kunsill Ewropew jassigura iktar stabilità u ċertezza. Postna qiegħed fl-Unjoni Ewropea u fil-munita ewro għax permezz tagħhom nistgħu nibqgħu nnaqqsu d-debitu mingħajr ma jonqos l-iżvilupp ekonomiku u soċjali.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA - LAQGĦAT
22088. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ: Jista...
-
20788. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f&...
-
18543. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ ...
-
20869. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għall-mistoq...
No comments:
Post a Comment